Riflessjoni għall-festa tat-Trinita Mqaddsa

Riflessjoni għall-festa tat-Trinita Qaddisa

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Meta kont żgħir niftakarni nistaqsi lill-katekisti dwar it-Trinità u r-risposta niftakar li dejjem kienet tkun: “dak misteru.” Kont inħoss li donnu qed jgħiduli: “għalaq ħalqek u tistaqsix mistoqijiet bħal dawn, tipretendix li se tifhem lit-Trinità.”  Tassew ma nistgħux nifhmu t-Trinità, imma b’daqshekk ma jfissirx li ma tistaqsux, ma jfissirx li għandna nibqgħu  'l bogħod u ma nersqux aktar qrib il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Anzi hi stedina ta’ Alla nnifsu biex ngħixu fil-misteru tiegħu u b’hekk ikollna sehem mill-ħajja trinitarja.

Misteru ma jfissirx li hu xi ħaġa li ma tistax tifhimha u daqshekk, imma turi l-immensità ta’ realtà infinita; aktar ma tiskopri minnha aktar tinduna kemm għad baqa’ x’tiskopri. Quddiem dan il-kobor mhux tgħalaq ħalqek imma tiftħu beraħ f’tifħir kontinwu u timpenja ruħek biex tesperjenza aktar u aktar dan il-misteru. Inqabbel il-misteru ma’ qieħ il-baħar: wieħed li jogħdos mhux biss jieħu gost jiskopri x’hemm f’qiegħ il-baħar, imma jiġġennen biex ikompli jiskopri – donnu qatt ma jissodisfa ruħu b’dak li jkun ra!  Buwaddas qatt ma jista’ jasal li jgħid li skopra qiegħ il-baħar kollu, u għalhekk jinżel u jerġa jinżel u kull darba li jinżel jogħdos isib il-ġdid. Li tgħix fil-misteru, għalhekk, tfisser li tgħix f’Alla u waqt li qed tgħix fih qed tiskoprih dejjem aktar.

Wieħed mill-modi ta’ kif nistgħu nidħlu f’dan il-misteru hu permezz tal-kontemplazzjoni tal-ħolqien  –  xogħol Alla l-imbierek. Inħarsu 'l fuq lejn il-qamar u lejn il-kwiekeb jew inħarsu lejn xi panorama tal-baħar jew ta’ xi wied; quddiem dan kollu nimtlew b’sens ta’ stagħġib. Jew nistgħu inħarsu lejn fjura ċkejkna jew xi tarbija tat-twelid u jkollna l-istess sentimenti – quddiem dan iċ-ċokon inħossu l-kobor tal-meravilja tal-ħallieq. Dawn is-sentimenti wasslu lis-salmista f’għana ta’ tifħir u jgħid: “Mulej, Sid tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha!” L-aktar li timpressjona lis-salmista u fl-istess ħin l-aktar ħaġa li tbeżżgħu u tumiljah hu l-fatt li Alla ta post privileġġjat lill-bniedem fl-ordni kollu tal-ħolqien. Aħna ġejna mogħtija sehem mill-awtorità ta’ Alla biex insaltnu fuq il-ħolqien kollu. Hu unur u responsabiltà kbira li ġejna afdati biha minn Alla nnifsu u għalhekk hu dmir tagħna li nieħdu ħsieb lid-dinja u l-ħolqien kollu. Nieħdu ħsieb merħliet u annimali domestiċi imma wkoll annimali selvaġġi, għasafar tal-ajru w il-ħut tal-baħar; kollox ġie afdat f’idejna!  Però jiddependi minna jekk inkunux promoturi tal-ħajja jew aġenti tal-mewt. Jekk nieħdux ħsieb xogħol idejn Alla jew jekk nipparteċipawx fil-qerda tiegħu. Is-salm tal-lum (Salm 8), ifakkarna li t-tifħir li nagħtu lil Alla Trinità, mhuwiex biss kliem imma ħidma kontinwa ma’ Alla biex niżiluppaw lid-dinja kif xtaqha Alla.

Li tgħix fil-misteru tat-Trinità Mqaddsa mhix biss li toqgħod tistudja t-teoloġija biex forsi tifhem xi ħaġa aktar fuq Alla b’moħħok, anqas ma hu li toqgħod għarkuptejk il-ġurnata kollha u tgħid: “kemm inti kbir fuq l-art kollha.”  Imma li tfaħħar lil Alla jfisser ukoll li ninpenjaw ruħna b’mod sħiħ biex nieħdu ħsieb lid-dinja, l-ħolqien kollu u nħarsu d-don tal-ħajja li Hu fil-ħniena tiegħu tana.

Inkunu ngħixu fil-misteru tat-Trinità meta nikkultivaw ir-relazzjonijiet tagħna mal-ħolqien, mad-dinja imma wkoll ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna l-bnedmin. Niftakkru li Alla hu relazzjoni bejn persuni differenti. Kif qed nirrelata mad-dinja? Kif qed nirrelata mal-bnedmin li Alla tagħni f’ħajti?  Nista’ ngħix li maqgħud mal-ħallieq fil-ħarsien ta’ dan kollu?

Ejjew illum nagħrfu aktar il-kobor tas-sehem li Alla tana biex ngħixu fih. Ejjew miegħu nsaltnu u nikkultivaw il-ħolqien. Ejjew infaħħruh billi ngħixu fil-misteru tal-ħajja waqt li nħarsu l-istess il-ħajja umana sa mit-tnissil tagħha.