Riflessjoni għall-Ħadd tal-Palm

Riflessjoni għall-Ħadd il-Palm

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Ġimgħa ilu rajna l-Papa jivjaġġa fit-toroq Maltin u Għawdxin. Diversi nies ħarġu jistennewh għaddej b’xi bandiera ċkejkna f’idejhom f’xi parti mit-triq li minnha kien se jgħaddi. U hekk kif beda jidher l-ewwel sinjal ta’ pulizija fuq il-muturi, kienet tinstema l-għajta “ġej”, “wasal”, u fost il-ġemgħat tan-nies, li ħafna minnhom kien ilhom jistennew, beda jinħass l-entużjażmu u l-ferħ. L-għajta “viva l-Papa”, ħarġet minn fomm diversi, hekk kif lemħu l-karozza ċkejkna fiat cinquecento  bil-Papa fiha.  Ftit sekondi kollox, għax malajr għadda, imma diversi li esperjenzaw dan il-mument kienu kuntenti u nħass feeling komuni, dak ta’ ferħ u paċi; ħafna ħassewhom ixxurtjati u kuntenti li rawh. U tassew, inħoss li din il-ġrajja kienet barka għall-pajjiżna.

Nimmaġina li d-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm kienet tixbaħ liż-żjara tal-Papa. In-nies inġabru u ngħaqdu f’għajjat ta’ ferħ kbir biex jilqgħu lil Ġesù, x’ħin kien dieħel fil-belt qaddisa ta’ Ġerusalemm. Dak inhar flok bnadar intużaw friegħi tas-siġar, li sabu f’idejhom. Flok tapiti, poġġew l-imnatar tagħhom, flok fiat cinquecento ntużat ħmara. Imma l-ambjent kien simili, wieħed ferrieħi u paċifiku. Il-ħmar jieħu post ċentrali fil-ġrajja tad-daħla ta’ Ġesù fil-belt ta’ Ġerusalemm.  Il-ħmar hu annimal kwiet, li ħafna drabi jissimbolizza s-sens ta’ servizz u tbatija, kif ukoll paċi u umiltà.  Fl-imgħoddi kien jintuża bħala mezz ta’ transport, għalkemm ma kienx veloċi daqs żiemel, ħafna kien ikollhom ħmar għall-użu personali tagħhom.

Kien Ġesù stress li talab li tiġi organizzata din l-attività. Bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu biex imorru jħollu felu li kien marbut u jġibuhulu. Kellu bżonnu, tant li qal lid-dixxipli biex jgħidu lil min jistaqsihom li “l-Mulej għandu bżonnu.” Ġesù ried jinqgħeda b’dan is-simbolu biex ikompli jgħallem lid-dixxipli u lill-ġemgħa – din id-darba mhux bil-kliem imma b’għemilu.

Ried juri l-bżonn tal-bini tas-Saltna ta’ Alla. Din is-Saltna, li tinbena bis-servizz u l-qadi, bi tbatija u bl-offerta sħiħa tal-ħajja.  Hi saltna li tinbena b’mod paċifiku u b’umiltà. Ġesù kien l-ewwel wieħed li ddedika ħajtu għall-bini ta’ din is-Saltna. Hu ħadem fuq li ħadem, bagħta u ta ħajtu għalina u dan għamlu fis-skiet, mingħajr ħafna daqq ta’ trombi u b’umiltà. Issa, qed juri l-bżonn li oħrajn jinvolvu ruħhom f’dan il-proġett tal-bini tas-Saltna.  Bħalma l-felu kien dak li ġarr lil Ġesù u daħħlu fil-belt ta’ David bħala sultan, hekk il-magħżulin ta’ Ġesù jridu jġorru fuqhom l-isem ta’ Ġesù u jieħduh kull fejn ikun. Imma dan hu possibbli biss jekk l-ewwel ninħelsu minn kull irbit li jista’ jżommna marbutin f’post wieħed. Ġesù, l-ewwel talabhom biex iħollu l-felu u mbagħad iġibuhulu. L-irbit ma jħalliniex naqdu u nservu u b’hekk ma jippermettilniex li nkunu fost il-bennejja tas-Saltna ta’ Alla.  X’jista’ jkun dak l-irbit? Jistgħu jkunu l-ambizzjonijiet u l-pretenzjonijiet tagħna, jistgħu ikunu drawwiet u tradizzjonijiet li ma jħalluniex ninfetħu għall-ġdid fil-bini tas-saltna, jistgħu jkunu l-weġgħat tal-imgħoddi u l-ħafna biża’ li nistgħu ninħakmu minnha. Hu x’inhu l-irbit tagħna, Ġesù jrid jeħlisna minnu għax tassew Hu għandu bżonna. Hu għandu bżonn is-servizz fl-imħabba tagħna, għandu bżonn lilna, u għalhekk, qed jitlob l-offerta tagħna nfusna, għandu bżonn li nkunu tassew qaddejja umli u paċifiċi f’dinja mifnija bil-vjolenza u b’nuqqas ta’ mħabba.

Għax tgħid, fostna l-Maltin kien hawn ukoll minn ma kienx kuntent biż-żjara tal-Papa; kien hawn minn gerger u kritika l-istess żjara, ra żejda u bla sens. Imma anke fid-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm kien hemm minn ma ħax gost u ddejjaq jara n-nies ferħana u kuntenti. Dawn ma fehmux l-urġenza tal-bini tas-Saltna ta’ Alla, ma għarfux il-bżonn li jipparteċipaw f’bini ta’ soċjetà aktar ġusta u minbija fuq l-imħabba vera. Ma nħallux nies bħal dawn jinfluwenzawna u jżommuna lura milli nwieġbu għas-sejħa li jagħmlilna l-Mulej biex inkunu parteċipi miegħu fil-bini tas-Saltna.

 

Matul din l-ġimgħa ejjew inkunu aktar konxji tal-bżonn li l-Mulej għandu għalina u nwieġbu billi miegħu nipparteċipaw f’bini ta’ soċjetà ġdida mibnija fuq l-imħabba; inkunu bħal felu, mimlija b’żelu u sens ta’ qadi. Inkunu umli u strumenti ta’ paċi kull fejn inkunu. J’alla nwasslu l-isem ta’ Ġesù kull fejn inkunu.