Riflessjoni għar-4 Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għar-4 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Għall-grazzja t’Alla, ħafna nies huma ntelliġenti; illum mhux biżżejjed li jkollok l-O levels, anqas l-A levels ma huma suffiċjenti għal ħafna ħidmiet. Jekk trid tavvanza bilfors trid tkompli bl-istudji u taħdem għall-baċellerat, masters, u dottorat. Kull professjoni titlob li tkompli tistudja anke meta tikber, u minn żmien għal żmien ikun hemm bżonn li tagħmel xi korsijiet biex tibqa’ dejjem aġġornat.

U xi ngħidu għall-intelliġenza artifiċjali? Tgħid din se tieħu post l-intelliġenza tal-bniedem? Ħafna qed juru l-pre-okkupazzjoni tagħhom dwar dan! Forsi veru l-intelliġenza artifiċjali qed turina x’kapaċi jsir biha, imma din l-intelliġenza, bħall-intelliġenza umana, qatt ma tista’ tieħu post l-għerf veru (wisdom). Li wieħed ikun intelliġenti jfisser li jkollu ħafna nformazzjoni, imma li wieħed ikun għaref ifisser li jkun kapaċi jifhem x’hemm fil-qalb tiegħu, jifhem lill-oħrajn u jkun ukoll kapaċi jifhem xi jrid Alla minnu, li hu l-għajn ta’ kull għerf. Hawn nies intelliġenti ħafna, imma mhumiex għorrief, u hawn nies għorrief li ftit għandhom intelliġenza. Fil-ħajja aħjar tkun għaref milli ntelliġenti!

Illum qed naraw lil Ġesù jgħallem, mhux wisq biex ikabbar l-intelliġenza tad-dixxipli tiegħu, imma aktar biex iwassalhom l-għerf ta’ Alla. Bit-tagħlim tiegħu Ġesù jgħinhom jifhmu dak li jimla’ lil qalbhom bl-hena vera. L-evanġelista jgħidilna li Ġesù qagħad bilqiegħda biex iwasslilhom dan it-tagħlim; dan id-dettal mhux biex jurina li Ġesù kien għajjien, imma biex jenfasizza li hu kellu l-awtorità jgħallem. Fit-tradizzjoni Lhudija r-rabbi kien joqgħod bilqiegħda biex jgħallem. Għalhekk, meta Ġesù qagħad bilqiegħda ddikjara li hu ma kienx qed jagħti xi opinjoni fost ħafna opinjonijiet oħra, imma kien qed jitkellem b’awtorità mogħtija lilu minn Alla. Barra minn hekk Ġesù ma qagħadx bilqiegħda fuq xi tron f’xi palazz, anqas fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, imma fuq muntanja, post miftuħ għal kulħadd. Dan juri li l-għerf ta’ Alla mhux biss għal ftit privileġġjati, imma għal kull minn kien lest li jisma’. Il-muntanja tfakkarna fis-Sinaj, fejn Mosè rċieva l-liġi. Issa għandna lil Ġesù, il-Mosè 'l ġdid li ma jiktibx il-liġi 'l ġdida fuq it-twavel tal-ġebel imma fuq il-qlub tad-dixxipli tiegħu li jersqu qrib tiegħu.

Meta Ġesù joqgħod bilqiegħda, jistedinna nagħmlu xi ħaġa li hi pjuttost diffiċli għal żmienna: li nieqfu. Aħna drajna f’ħajja attiva; kulħadd miġnun jipprova jlaħħaq mal-ħin, kulħadd jiskrollja fuq il-medja soċjali jipprova jlaħħaq ma’ kollox, u ħafna drabi ssibna pronti nwieġbu mill-ewwel għal kull ma nisimgħu. Id-diskors tal-muntanja ma jibdiex b’azzjoni, imma billi kulħadd jiskot. Sew Ġesù, kif ukoll id-dixxipli u n-nies miġbura, nxteħtu bilqiegħda. Ejjew ninnotaw kif id-dixxipli resqu lejh; li tpoġġi tfisser li tkun ħafna qrib ta’ dak li jkun. Ġesù pprovda spazju ta’ ntimità u fiduċja. Il-beatitudnijiet li jagħti Ġesù ma kienux kmandamenti, li hu għajjat biex kulħadd jisimgħu, imma kienu dikjarazzjonijiet ġentili li jwasslu għal mod ġdid ta’ ħajja – fihom rivoluzzjoni li titwettaq bil-ħniena, bl-umiltà u bl-imħabba. Fl-aħħar Ġesù, waqt li baqa’ bilqiegħda, għallimhom kif setgħu iqumu u jgħixu ħajja ġdida: għallimhom kif iqumu għall-ġustizzja, għall-ħniena, u kif għandhom ikunu sodi fl-imħabba anke quddiem il-persekuzzjoni.  Minn bilqiegħda Ġesù rriforma lid-dinja.

Biex nikbru fl-għerf qaddis, aħna wkoll għandna bżonn nisktu u nisimgħu lil Ġesù, għandna bżonn noqgħodu miegħu. Nikkalmaw u nħallu 'l kliemu jidħol fil-qalb tagħna.  Illum ejjew nistaqsu: fejn qed inħallu lil Ġesù jpoġġi fil-ħajja tagħna? Qed nagħtuh ħin u spazju biex ikellem lil qalbna? Kapaċi nisktu biex inħalluh jgħallimna? Jew kultant inħalluh bilwieqfa barra jistenna, waqt li aħna nibqgħu għaddejjin niġru mal-ħin? Jista’ jkun li rridu nitgħallmu noqgħodu f’riġlejn il-Mulej u nisimgħuh ikellem aktar lil qalbna? Qegħdin inħallu lill-kliemu jifformana f’dixxipli vera tas-Saltna tiegħu?