Riflessjoni għar-4 Ħadd tal-Avvent

Riflessjoni għar-4 Ħadd tal-Avvent

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Qatt ma kont għadni rajt Wied-il Għasel bħal din is-sena! Ilma għaddej b’saħħa u qawwa, kaxkar u ġar kull ma kien hemm fil-wied, anke l-qasab middhom bil-qawwa tal-ilma li għaddha minnu.  L-ilma tal-wied ifakkarni fi xmajjar kbar u sbieħ li ssib f’pajjiżi oħra matul is-sena kollha. Xmara hi xiehda tad-dinamiċità, tal-enerġija u tal-entużjażmu; l-ilma jsib it-triq, jiġri u jħaffef u jagħti l-ħajja minn kull fejn jgħaddi.  X’differenza mill-għadajjar tal-ilma li jibqgħu f’post wieħed u wara ftit taż-żmien isiru ilma qiegħed, tant li jibda jrejjaħ!

Illum lil Marija nqabilha ma’ xmara dinamika, hi “qamet tħaffef lejn l-għoljiet tal-Lhudija.” Xejn ma beżżagħha, xejn ma qatgħalha qalbha, xejn ma’ waqqafha.  Imma, din it-tfajla tqila, min fejn ġabet dik l-enerġija kollha?  Kien propju minħabba li ħalliet l-Ispirtu ta’ Alla jaħdem fiha. Kif Marija skopriet il-vokazzjoni tagħha kienet pronta biex tibda tgħixa.  Fl-‘iva’ li qalet lil Alla, kienet tgħatu permess biex jaħdem fiha, imexxiha, u jagħmel biha dak li jixtieq Hu. Ir-raġuni li marret tgħaġġel kienet għax għarfet b’mod ċar min tassew hi, sabet l-għan u l-iskop tal-eżistenza tagħha, u x’kien postha fid-drama ta’ Alla.  Ħafna minna huma maqbuda fihom infushom, preokupati bihom infushom, u għalhekk, staġnati. Meta nkunu f’dan l-istat inkunu qisna bħal għadira f’nofs ta’ triq, aktar milli bħal xmara miexja u tħaffef 'l quddiem. Ilkoll nafu li l-ilma tal-għadira jsir ilma qiegħed u wara ftit taż-żmien jibda’ jinten.  Marija mhix hekk. Hi ma kienetx mgħaluqa fid-dinja ċkejkna tagħha. Alla kien jentużjażmaha, u jimmotivaha biex toħroġ minnha nfisha u tiġri fit-triq li juriha hu; kienet tasal għand l-oħrajn u bħal xmara kienet tagħti l-ħajja minn kull fejn tgħaddi. Imliet b’enerġija lil Eliżabetta, mara xwejħa, kif ukoll lit-tarbija f’ġufha, tant li bdiet taqbeż bil-ferħ. L-Ispirtu ta’ Alla ibiddel minn kull fejn kienet tgħaddi.  Bla dubju dan jikkuntrasta ħafna mal-kultura ta’ żmienna, fejn donnu l-prinċipju prinċipali hu; ‘għix u ħalli lil min jgħix’ – ‘ħallini nagħmel li rrid u jien inħallik tagħmel li trid’ – f’isem it-tolleranza nibqgħu lura milli nwasslu l-Aħbar it-Tajba għax ma rridux nimponu l-ideat tagħna fuq ħaddieħor.  Kultant kemm insibuha diffiċli li ngħaġġlu u nħaffu biex inwasslu lil Kristu lil oħrajn kif għamlet Marija!

Jista’ jkun li dan ir-riżentiment hu frott l-għażż spirtitwali li ġieli ninħakmu minnu? L-għażż fil-ħwejjeġ ta’ Alla, hu meqjus bħala wieħed mis-seba’ dnubiet il-mejta, għax iwassalna għat-traskuraġni fis-servizz ta’ Alla, bla ma nimxu u nikbru fl-imħabba lejn Alla u l-proxxmu tagħna.  Tonqosna l-enerġija u l-motivazzjoni u nispiċċaw inkaxkru saqajna fil-ħwejjeġ ta’ Alla, kif ukoll nipposponu t-tajjeb li nkunu nixtiequ nagħmlu; dan imewwet fina x-xewqa li nagħmlu r-rieda ta’ Alla. L-għażż spiritwali jwassalna wkoll biex naħarbu s-salib u minflok infittxu dak li jagħti pjaċir u sodisfazzjon. Ma ninsewx dak li qal il-Mulej Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “min irid jiġi warajja għandu jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja.” Fit-tieni qari tal-lum, l-awtur tal-ittra lil-Lhud jirreferina għas-sagrifiċċju waħdieni ta’ Kristu nnifsu. Ir-rieda ta’ Ġesù li jagħmel dak li ried il-Missier, ħadet post il-ħafna sagrifiċċji oħra li kienu jsiru fit-tempji. Bħal Marija, Ġesù ħaffef lejn din l-għolja tal-kalvarju, biex jagħmel l-għotja sħiħa tiegħu nnfisu.

J’Alla aħna wkoll nkunu pronti li ngħidu: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek,” imma,  aktar minn hekk, j’Alla nħaffu biex inwettqu l-istess ‘iva li nagħtu lil Alla. Bħal Marija, ejjew inħallu l-Ispirtu ta’ Alla jimliena bil-qawwa tiegħu ħalli nkunu tassew dinamiċi u nimtlew bl-enerġija u b’entużjażmu qaddis. F’dawn il-festi ma nibqgħux lura milli mmorru għand xulxin, inkluż għand il-qraba tagħna, u naqsmu magħhom il-ferħ tal-Evanġelju kif ħeġġiġna l-papa Franġisku fl-ewwel eżortazzjoni appostolika tiegħu. Matul din l-ġimgħa nieħdu kull opportunità li jkollna biex inkunu messaġġiera tal-Evanġelju.