Riflessjoni għar-4 Ħadd tal-Għid
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana
Jekk tieqaf ftit u tipprova tagħti kas, tinduna kemm ħsejjes hawn madwarna, għax mhux kull ħoss inkunu qed nagħtu kasu; ħafna drabi ninjoraw ċertu ħsejjes bla ma nafu. Per eżempju ninjoraw il-ħsejjes kontinwi ta’ karozzi, ajruplani, ta’ magni oħra, ta’ qniepen u arloġġi, tal-għasafar, ta’ nies iparlaw madwarna, u ta’ ħafna ħsejjes oħra li jiġu minn kullimkien. Hawn min anke f’daru mhux kapaċi jgħix fil-kwiet u jixgħel ir-radju u t-televiżjoni f’daqqa jew iħalli diski għaddejjin. Tassew qed ngħixu f’dinja tal-istorbju. Nindunaw b’dan meta nsibu ruħna fil-kwiet u nħossuna strambi. Trid vera tagħmel sforz biex tisma’ u tifhem sew dak li jkun qed jingħad, anke meta nitkellmu bejnietna. Għax barra l-ħsejjes li jdawwruna, hemm ukoll storbju ieħor li joħloq ukoll distrazzjoni fina; opinjonijiet differenti, ħafna ideat, notifiki l-ħin kollu, konverżazzjonijiet fuq kollox, u messaġġi oħra li l-ħin kollu għaddejjin madwarna. Xi kultant qed issir diffiċli biex inlaħħqu mat-telefonati, mal-messaġġi, mal-emails, mal-whatsapp, facebook, instagram, eċċ eċċ. Minkejja dan l-istorbju u ġenn, Alla għadu xorta jitkellem. Imma hawn qegħda l-mistoqsija: għandna nisimgħuh?
Li tisma’ lil Alla hi aktar minn sempliċement tisma’ lil xi ħadd jitkellem dwar Alla. Is-smiegħ spiritwali hu aktar moviment intern li jdawwar lil qlubna lejn il-vuċi ta’ Alla nnifsu. San Benedittu fir-regola tiegħu jitkellem dwar il-widnejn tal-qalb meta jistieden lil dak li jkun u jgħidlu: “iftaħ il-widnejn ta’ qalbek.” Li tisma’ spiritwalment hu li tiġi quddiem Alla u tiskot quddiemu. Dan jitlob umiltà kbira, għax jirrikjedi li ssikket, mhux biss il-ħsejjes ta’ madwarek, imma wkoll l-istorbju ntern: l-inkwiet tiegħek, iċ-ċertezzi u l-kburija tiegħek, il-pretenzjonijiet tiegħek, u b’hekk tkun possibbli tilqa’ dak li l-Ispirtu ta’ Alla jkun qed jgħidlek. Ġesù spiss jgħid lid-dixxipli tiegħu: “min għandu widnejn biex jisma’ ħa jisma.” Illum qed jgħid l-istess ħaġa fil-kliem “in-nagħaġ tiegħu jisimgħu leħni.” Bla dubju ta’ xejn, Ġesù qed jitkellem aktar mill-widnejn tal-qalb, milli mill-widnejn fiżiċi tagħna. Is-smiegħ tal-qalb jagħmilna aktar attenti spiritwalment; u nagħrfu l-bżonn li nieqfu, nirriflettu, u nilqgħu l-verità divina. Dan it-tip ta’ smiegħ jitlob ħafna paċenzja u stennija b’fiduċja ċerta li Alla se jitkellem u jdawwal il-qalb tagħna. Hu smiegħ li jwassal għal trasformazzjoni tal-qalb. Meta vera nisimgħu lil Alla, nibdew inħarsu bl-għajnejn ta’ Alla, inħobbu bil-qalb ta’ Alla u ngħixu l-istess ħajja ta’ Alla.
Imma kif nistgħu niprattikaw dan is-smiegħ spiritwali?
Fl-ewwel qari tal-lum naraw kif f’Antjokja, “il-belt kollha nġabret biex tisma’ l-Kelma tal-Mulej.” Din hi prattika li aħna wkoll qed ngħamlu llum. Meta nisimgħu l-qari tal-Iskrittura nkunu qed inħallu lill-Mulej ikellem lill-qalb tagħna llum. Imma anke f’Antijokja, mhux kulħadd kien lest li jisma’ – iva kienu qed jisimgħu lil Pawlu u 'l Barnaba, imma mhux kulħadd kien lest li jilqgħa din il-kelma. Kien hemm min kien mimli b’ideat, b’opinjonijiet, bi kburija u suppervja, u saħansitra b’għira, li ma ħallithomx jilqgħu din il-Kelma tal-Mulej, tant li qajmu persekuzzjoni kontra Pawlu u Barnaba. Għalhekk nistaqsu: kif qed nilqa’ l-kelma li tasalli kull meta ninġabar ma’ l-oħrajn għas-smiegħ tal-Kelma? Qed nipprova nara x’qed jgħid lili personalment il-Mulej, jew aktar qed nevalwa u niskrutinja dak li jgħid il-qassis biex nara jekk jaqbilx mal-ideat u l-opinjonijiet tiegħi?
Nisma’ wkoll bil-widnejn tal-qalb permezz tat-talb; fit-talb hemm bżonn li niskot u nistenna lil Alla jitkellem. Is-skiet huwa parti ntegrali tat-talb vera. Biex nisimgħu leħen il-Mulej u nifhmu dak li qed jgħid irridu nkunu disposti u attenti. Tajjeb li llum nara ftit kif qed ikun it-talb tiegħi; jekk hux ħin li nisma’ jew inkella jekk hux mimli kollu kliem min-naħa tiegħi. Alla jista’ jkellimna wkoll permezz tal-ħolqien ta’ madwarna. Li tieqaf quddiem fjura jew farfett, li tħares lejn il-baħar jew il-kampanja tista’ twasslek għall-kontemplazzjoni vera u tlaqqek ma’ Alla; hemm Alla jista’ jitkellem. Dan hu tassew talb profond. Alla jista’ jitkellem ukoll permezz ta’ nies oħra, anzi ħafna drabi jkellimna b’dan il-mod. Id-direzzjoni spiritwali hi prattika li wkoll tista’ tgħinna nisimgħu l-vuċi ta’ Alla. San Benedittu wkoll jgħid li ħuk/oħtok tista’ tkun il-vuċi ta’ Alla għalik, għalhekk ejjew nagħtu wkoll aktar każ ta’ dak li Alla qed jgħidilna permezz tal-oħrajn.
“In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxi warajja.” Ejjew nimpenjaw aktar ruħna biex nisimgħu leħen il-Mulej u nibqgħu nimxu warajh, ħalli b’hekk tassew ikollna l-ħajja ta’ dejjem.