Riflessjoni għas-27 Ħadd ta’ matul is-sena

Riflessjoni għas-27 Ħadd ta’ matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Jekk tagħmel kejk, toħodlu ritratt u titfgħu online, stenna l-kummenti tan-nies. Jekk ikun kejk imżejjen sabiħ se jkollok ħafna positive feedback l-aktar mingħand il-ħbieb tiegħek.  Ovvjament kun lesta wkoll għall-kummenti banali jew kummenti ta’ kritika mingħand xi wħud. Imma l-għar ħaġa jekk ħadd ma jgħaddi ebda kumment.  Fin-nuqqas ta’ feedback, tħossok minsija minn kulħadd, għax tħoss li ħadd ma ta kasek. X’ħin imbagħad taqsam il-kejk u jispiċċa kollu mill-ewwel, tieħu gost; sinjal li jkun intgħoġob – dan ukoll hu feedback!

Ħafna drabi aħna nistennew feedback għal dak li nkunu għamilna. Inkunu nixtiequ min juri apprezzament u forsi wkoll ifaħħar xi ftit l-isforzi tagħna. Feedback tajjeb jagħmlilna kuraġġ u jimmotivana biex inkomplu naħdmu u nagħmlu l-aħjar li nistgħu.  Meta ma jkollna ebda feedback, nibdew naħsbu li għamilna xi ħaġa li mhix f’postha, jekk hux ukoll inħossu li qed nagħżqu fl-ilma. Jekk ma nsibu ebda rispons, inħossu li m’aħniex naslu fejn irridu. Per eżempju, jekk tikteb xi email lil xi ħadd, u dan ma jwieġebx lura, taħseb li l-email ma waslitx, forsi terġa tipprova darba oħra, imma meta ma ssib ebda tweġiba timmaġina li kollu ta’ xejn. Li jkollna xi tip ta’ feedback, xi tip ta’ risposta tgħinek tħares 'l quddiem. Feedback sinċier, anke jekk ikun wieħed, li għall-ewwel ma tieħux gost bih, jgħinek taħdem u ttejjeb dak li tkun qed tagħmel.

L-istess ħaġa fir-rigward tat-talb. Meta nitolbu u ma nsibu ebda forma ta’ tweġiba, ebda ħjiel ta’ feedback, jista’ jwassalna biex naqtgħu qalbna u nieqfu nitolbu, għax inħossu li qed nitolbu għal xejn. Inħossu li Alla mhux jismagħna, jew mhux jagħti kasna. Il-profeta Habakuk, fl-ewwel qari tal-lum, jesprimi d-diżappunt tiegħu lejn Alla, għax iħoss li qed jitlob għal xejn. Iħoss li l-karba tiegħu, għalkemm karba ġusta, mhix tiġi mwieġba minn Alla. Min jaf kemm drabi nħossu l-istess sentiment; minn jaf kemm-il darba tlabna fuq li tlabna għall-fejqan ta’ xi ħadd, għall-paċi fid-dinja jew għall-intervent divin f’sitwazzjoni diffiċli tal-familja, u nħossu li ma nbidel xejn? Bħall-profeta nħossuna minsija minn Alla. F’ċirkustanzi bħal dawn faċli nċedu u ma nibqgħux nitolbu. Imma llum il-Mulej qed ikellimna bil-Kelma tiegħu, bħalma kellem lill-profeta Habakuk, u qed jassigurana li minn jemmen tassew u jibqa’ fidil jara t-tjieba tal-Mulej. “Int stennieha, għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal! Arah jinfena min mhux ruħu sewwa, iżda l-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu.” Il-fidi vera tidher l-aktar meta ma jkunx hemm feedback, għax minkejja li ma tidhirx tweġiba għat-talb tagħna, xorta jkun hemm ċertezza li Alla hu preżenti u qed jisma’ t-talb tagħna. Nemmnu li hu jrid il-ġid tagħna.

L-istess ħaġa tgħodd fejn jidħol l-għemil tagħna. Il-fidi vera ma tidhirx biss fil-perseveranza tat-talb, imma wkoll mill-għemil, mill-opri tajba, li ħafna drabi jissarfu fis-servizz tagħna. Jekk ma nirċievu ebda feedback, meta qed naqdu lill-oħrajn, faċli nħossu li qed nitħabtu għalxejn u faċli naqtgħu qalbna. Imma jekk is-servizz tagħna nagħtuh fl-imħabba, m’hemm bżonn ta’ ebda feedback biex inkomplu naqdu u nħobbu; m’hemm bżonn ta’ ebda kumpliment, biex inkunu ċerti li qed nservu bl-aħjar mod. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jagħti eżempju tal-qaddej li jibqa’ jservi fuq il-mejda, anke meta sidu ma jgħidlu xejn, anqas biss “grazzi.” U Ġesù jkompli: Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: ‘aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu.’” “Ma niswew għal xejn,” u fl-istess ħin il-Mulej Alla lilna qed isejjaħ biex naqduh – xi grazzja din! Min jemmen jaf li hi tassew grazzja li sservi u taqdi lil Alla, u għalhekk jibqa’ jaqdi anke jekk ma jkun hemm ebda feedback.

Bil-feedback u mingħajru nkomplu nitolbu, bil-feedback u mingħajru nkomplu naqdu u nservu fl-imħabba u b’hekk tikber u tissaħħah il-fidi tagħna.