Riflessjoni għas-6 Ħadd tal-Għid
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Tul l-istorja tad-dinja spiss niltaqgħu ma’ rivoluzzjonijiet kbar. Meta nitkelmu minn rivoluzzjoni nġibu quddiem għajnejna taqlib, taħwid u mwiet; u bir-raġun, għax kienu ħafna r-rivoluzzjonijiet li ġabu gwerer u tibdil enormi fl-istrutturi soċjali, tibdil li ħalla konsegwenzi kbar. Hekk per eżempju nsemmu r-rivoluzzjoni Franċiża, r-rivoluzzjoni tal-Amerika, r-rivoluzzjoni tar-Russja, u tant oħrajn li ġraw f’kull naħa tal-globu, li kienu mdemmija. B’xi mod jew ieħor dawn kollha servew ta’ ġid għax ġabu l-bidliet li jkun hemm bżonn isiru. Imma mhux kull rivoluzzjoni bilfors tkun imdemmija. Hemm rivoluzzjonijiet li jġibu b’mod mgħaġġel ħafna transformazzjoni fundamentali fis-soċjetà. Hekk per eżempju ġara bir-rivoluzzjoni ndustrijali tas-seklu 19. Kienet rivoluzzjoni kbira li bidlet wiċċ id-dinja; ġabet avvanzi kbar imma wkoll ħalliet effetti negattivi fuq l-umanità. Kif diġa’ aċċenna għaliha l-Papa Ljun XIV, bħalissa qed nesperjenzaw rivoluzzjoni oħra kbira – dik tal-intelliġenza artifiċjali. Bħal kull rivoluzzjoni oħra, l-AI qed tbiddel lid-dinja u tgħinha tkompli tavvanza 'l quddiem, imma wkoll taf tħalli l-konsegwenzi tagħha fuq l-umanità. Ma naħsibx li għandna nibżgħu jew nallarmaw ruħna quddiem din r-rivoluzzjoni, imma rridu nkunu attenti u b’għajnejna miftuħa biex nagħrfu l-konsegwenzi li jista’ jħalli fuqna dan it-tibdil.
Ta’ min jinnota li anke fil-knisja kellna ħafna rivoluzzjonijiet tul l-istorja tagħha. L-ewwel rivoluzzjoni kbira li nsibu hi d-dħul ta’ membri ġodda li ħdan l-istess knisja. Beda jkun hemm influss qawwi ta’ dixxipli li ġejjin minn fost il-pagani, u allura ma kellhom ebda għarfien tar-reliġjon Lhudija. Għal xi wħud din dehret bħala theddida u b’hekk kienu qed jitolbu li l-ewwel dawn isiru Lhud u wara jsiru nsara. Quddiem din ir-realtà ġdida, xi wħud beżgħu u donnu riedu jieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex iserrħu rashom li ma jkunx hemm tibdil kbir fl-istess komunità ta’ dawk li jemmnu. U hawn qam argument. Argument li wassal għall-bidla kbira fi ħdan l-ewwel insara. Hu hekk baqa’ jiġri minn żmien għal żmien tul l-istorja kollha tal-knisja. Forsi anke llum inħossu li l-knisja għaddejja minn bidliet kbar. Bidliet ta’ ġid imma li wkoll jistgħu iħallu konsegwenzi li jaffettwaw lil xi membri u komunitajiet insara.
Fil-każ tar-rivoluzzjonijiet politiċi, u ekonomiċi nsibu diversi motivazzjonjiet li qaqlu u wasslu għalihom. Xi wħud ġew ikkawżati minn mexxejja qawwijin li kellhom kapaċitajiet u ħiliet straordinarji, oħrajn kienu mqanqla mill-kilba għall-poter jew għall-flus. Xi rivoluzzjonijiet tqanqlu mill-popolin innifsu li kien f’miżerja u tbatija kbira. Waqt li oħrajn kienu riżultat ta’ studji xjentifiċi li wasslu għall-invenzjonijiet ġodda. Imma r-rivoluzzjonijiet li qamu fil-knisja kienu kollha b’xi mod jew ieħor imqanqlin mill-Ispirtu s-Santu. Mhux ta’ b’xejn li Ġesù qal lill-Appostli, “jaqblilkom li jien mmur biex nibgħatilkom id-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.” L-Ispirtu s-Santu hu dak li jqanqal movimenti ġodda fil-knisja u jimmotiva lid-dixxipli ta’ Kristu biex ikomplu jħarsu l-kmandament tal-imħabba. Fost l-ewwel insara l-imħabba lejn Alla dehret fl-aċċettazzjoni ta’ membri ġodda, anke jekk pagani. U tul l-istorja nsibu diversi movimenti oħra bħall-monastiċiżmu, twelid ta’ komunitajiet reliġjużi, movimenti lajkali u għaqdiet li nibtu bħala tweġiba għall-bżonnijiet li nħassu fil-knisja. L-Ispirtu s-Santu għadu qed jaħdem fi żmienna u għadu joħloq rivoluzzjonijiet fi ħdan il-knisja, bħas-sinodalità u l-impenn dirett tal-lajċi fi ħdan il-knisja. Forsi anke hawn għad hawn min jintrebaħ mill-biża’ u jqis bħala theddida dak kollu li mhux imdorri bih. Mill-ġdid Ġesù jdur fuq l-Appostli, u llum fuqna wkoll u jgħidilna: “Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’, għax l-Ispirtu s-Santu hu li qed imexxi.” Meta nirbħu din il-biża’ nkunu nistgħu nesperjenzaw is-Sliem ta’ Ġesù. Is-Sliem ta’ Ġesù ma jiġix miċ-ċirkostanzi li jdawruna (minn barra), imma minn Ġesù; hu aktar Sliem frott ir-relazzjoni. Jekk ikollna relazzjoni ntima mal-Missier u ma’ Ġesù, u jekk inħallu l-Ispirtu s-Santu jaħdem fina u bina, allura l-qalb iġġarab paċi kbira. Jkun hemm kemm ikun hemm, taħbit, uġiegħ, tfixkil, il-paċi ma tintilifx.
Ejjew nieqfu u nirrealiżżaw ir-rivoluzzjoni li l-Ispirtu ta’ Alla qed jagħmel fil-ġemgħa ta’ dawk li jemmnu. Ejja nagħrfu l-bdil kontinwu li Alla jgħaddina minnu biex inkomplu nikbru u nimmaturaw fl-imħabba.