Riflessjoni għas-6 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Aktar ma jmur aktar ir-realtà tar-robots qed issir parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. Ir-robots m’għadhomx biss xi ħaġa tal-fabbriki biex jiffaċilitaw il-produzzjoni, imma daħlu wkoll fi djarna. Hekk, per eżempju, insibu robot li jiknes id-dar; idur ’l hawn u ’l hemm, minn ħajt għall-ieħor sa ma jilħaq kull kantuniera tal-kamra. Hekk ipprogrammat, u hekk jagħmel. Kull robot jiġi pprogrammat biex itemm biċċa xogħol partikolari li jkun ġie magħmul għaliha. Barra r-robots jeżistu ħafna aġġeġġi li jiġu kkontrollati b’remote control, bħal drone li jitla’ u jiġbed filmati mill-għoli; dawn l-aġġeġġi jimxu skond l-istruzzjonijiet li jiġu mgħotija minn min ikun iħaddimhom. Saħansitra inġenji kbar saru jaħdmu permezz ta’ apparat ċkejken li jibgħat sinjali (signals) minn min ikun qed imexxihom. Robots, aġġeġġi, inġenji — kollha jobdu u joqogħdu għall-istruzzjonijiet li jingħatawlhom. Meravilja x’kien kapaċi joħloq u jivvinta l-bniedem! U min jaf x’għad noħorġu bih fil-futur!
Imma fil-każ tagħna, Alla ma ħalaqniex robots. Hu jixtieqna nobdu u noqogħdu għall-istruzzjonijiet tiegħu, imma mhux bilfors bħalma jobdi robot. Alla ħalaqna persuni ħielsa, persuni liberi biex nagħżlu, persuni li kapaċi nħobbu tassew. Fl-ewwel qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak, smajna kif Alla poġġa quddiem il-bniedem għażla; tah jagħżel bejn “il-ħajja u l-mewt… u dak li jagħżel jingħatalu.” Alla ħalaqna liberi u Hu jirrispetta l-libertà tagħna. Madanakollu Hu ma jeżentaniex mill-konsegwenzi tal-għażliet tagħna. Il-libertà hi don kbir, imma hi wkoll responsabbiltà kbira; għalhekk irridu nqisu sew x’għażliet nagħmlu f’ħajjitna. Faċli ħafna nħawdu l-libertà mal-libertinaġġ. Il-libertà ma tfissirx li tagħmel li trid, imma li tagħżel dak li Alla ħalqek għalih. Insiru nafu dak li Alla jrid minna mill-istess Kelma ta’ Alla, għax il-Kelma ta’ Alla tgħallimna tassew il-vera libertà. Il-libertà tal-qalb twassalna biex nagħżlu biss dak li hu tajjeb, anke meta hu diffiċli. Il-kmandamenti u l-liġijiet li nsibu fl-Iskrittura Mqaddsa huma gwida biex naslu għall-ħajja. Għalhekk Ġesù qal ċar u tond li “hu ma ġiex biex ineħħi l-Liġi, imma biex iwassalha għall-milja tagħha.”
Ġesù jgħallimna li mhux biżżejjed ma toqtolx, imma hemm bżonn li tinħeles minn kull rabja li tista’ żżomm ġo fik għal ħuk. Mhux biżżejjed li ma tikkommettix adulterju, imma hemm bżonn li tgħix ħajja safja u tinħeles minn kull ħsieb impur li jħassar il-qalb. Fit-tagħlim tiegħu Ġesù ma jibqax fuq livell estern (dak li jidher minn barra), imma jinżel sal-qalb tal-bniedem u jagħti piż kbir lir-rieda u l-libertà tiegħu. Għax huma r-rieda u l-libertà li jwassluna għall-għażliet tajbin u ħżiena li nagħmlu. Qabel kull azzjoni hemm deċiżjoni nterna. Qabel kull dnub hemm “iva” jew “le” moħbija fil-qalb, bħalma hemm “iva” jew “le” qabel kull għażla kuraġġuża li twassalna għat-tajjeb. Huma għażliet li jsiru fis-skiet u fil-moħbi tal-qalb, imma xejn ma hu moħbi għall-Mulej: hu jaf il-ħsibijiet moħbija tagħna. Il-Mulej jaf li aħna dgħajfin, u għalhekk jagħtina l-grazzja biex fiha nsibu qawwa nterna biex naslu ngħidu “le” lill-ħażen u “iva” lill-imħabba. Alla ma jġegħilniex inħobbuh, imma jixtieq li nħobbuh. U l-imħabba vera teżisti biss fejn hemm rieda u libertà. Bil-grazzja tiegħu naslu li nagħżlu l-maħfra flok li nżommu f’qalbna għal dak li jkun. Naslu li nagħżlu l-verità flok it-tidwir tad-diskors u l-gideb. Naslu li nagħżlu li nibnu relazzjonijiet u ħbiberiji veri flok infedeltajiet u logħob bin-nies. U fuq kollox naslu li nagħżlu lil Alla flok ninjorawh u naqtgħuh minn ħajjitna.
Illum ejjew nitolbu biex il-Mulej jagħtina l-għaqal, ir-rieda soda u l-kuraġġ biex nagħżlu dejjem it-tajjeb, anke meta ma jkunx faċli. Niftakru li l-qdusija mhix xi ħaġa straordinarja, imma frott ta’ ħafna għażliet tajbin magħmula kull jum. Meta nfittxu li kull jum nagħmlu r-rieda ta’ Alla, inkunu qed nagħżlu l-ħajja. Wasalna biex nagħtu bidu għal żmien ir-Randan, żmien li jista’ jkun tassew grazzja kbira, jekk inħalluh iwassalna għat-tiġdid u qawmien spiritwali. F’dan iż-żmien aħna msejħin biex nagħtu widen għall-Kelma ta’ Alla, infittxu aktar li nagħmlu r-rieda ta’ Alla u naslu li nagħmlu l-għażliet li tkellimna dwarhom illum b’rieda u libertà. J’alla dan iż-żmien tar-Randan iwassalna biex ninżlu aktar fil-fond tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla u mhux sempliċement nosservaw xi ftit drawwiet li s-soltu nagħmlu fi żmien ir-Randan. J’alla dan ir-randan jwassal għal bidla interna ta’ kull wieħed u waħda minna.
