Riflessjoni għas-Solennita tal-Epifanija tal-Mulej
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Naħseb li kulħadd għandu xi post fejn jerfa’ l-oġġetti prezzjużi tiegħu; jista’ jkun xi kexxun li jissakkar, jew xi cupboard, jew forsi xi jewel box. Ħafna drabi nsakkru sew, biex nassiguraw ruħna li l-affarijiet personali tagħna jibqgħu mistura u merfuha tajjeb. Dak li hu prezzjuż nibżgħu għalih u nieħdu ħsiebu. Ġesù darba qal: “fejn hemm it-teżor tiegħek hemm hi qalbek,” u hekk hu! Min jgħożż ħaġa u min jgħożż oħra.
Illum quddiemna għandna ġemgħa ta’ nies, li għalkemm kienu għorrief, xorta ħassew il-bżonn li jġorru magħhom dak li hu prezzjuż; kellhom magħhom fil-vjaġġ it-teżori tagħhom. Huma ma ssugrawx iħallu warajhom it-teżori, imma ppreferew li jġorru magħhom dak li kienu jgħożżu. Imma quddiem Ġesù, huma kienu lesti li jiftħu l-istess teżori u joffru dak kollu li kien prezzjuż u għażiż. F’Ġesù sabu teżor ferm akbar; qalbhom intrabtet miegħu ħafna aktar milli kienet marbuta mal-istess teżori tagħhom.
Il-Maġi kellhom maqful id-deheb, l-inċens u l-mirra. Id-deheb hu dak kollu li għandu valur għad-dinja – il-ġid materjali li kien iserħilhom moħħhom fil-vjaġġ.
- Id-deheb seta’ jagħmel tajjeb għal kull eventwalità li tinqgħala għax bih setgħu iħalsu l-ispejjeż ta’ dak kollu li seta’ jinqala’. Kemm minna wkoll jaħżnu d-deheb, il-flus għax jemmnu li mportanti li jkollok sold taħt rasek! Kemm minna jfittxu s-sigurtà f’dak li hu materjali! Kemm minna, bħall-maġi jġemmgħu u jerfgħu għal meta jiġu bżonn!
- Fit-teżori tagħhom kellhom ukoll l-inċens. Dawn il-maġi kienu nies intelliġenti – kienu x-xjenzati ta’ żmienhom. Min jaf kemm kienu jħossuhom importanti; kultant kienu jħossu li huma bħall-allat, għax kienu kapaċi jsibu tarf ta’ ħafna misteri. Min jaf kemm kienu jħossu li ħadd ma jista’ jmerihom u li ħadd ma seta’ jagħmel xejn magħhom. L-għerf tagħhom seta’ wassal għas-suppervja. Kemm fostna jaħsbu li dejjem għandhom raġun! Kemm fostna jħossu li huma intelliġenti u ħadd ma hu se jagħmlilhom il-bżieq fuq imneħirhom! Kemm fostna jħossu li huma allat għax jaħsbu li jafu kollox.
- Kellhom ukoll il-mirra, li wkoll żammewha mistura u moħbija. Il-Maġi kienu jafu li huma wkoll vulnerabbli u dgħajfa, imma ma riedu lil ħadd jinduna b’din id-dgħjufija tagħhom, u għalhekk kienu jippreferu li jżommu kollox għalihom. Kemm fostna wkoll jippreferu li jġorru l-uġiegħ tagħhom bla ma jitkelmu ma ħadd! Kemm minna jemmnu li hi umiljanti li tiftaħ qalbek ma’ xi ħadd u għalhekk jingħalqu fihom infushom!
Imma quddiem Ġesù, il-Maġi rrealiżżaw li l-ebda deheb, ebda ġid ma jiswa’ għal dejjem. Quddiem Ġesù rrealiżżaw li l-għerf veru hu li tagħraf lil Alla l-veru u tadura biss lilu u mhux taqdi u tadura lilek innifsek jew allat oħra. Quddiem Ġesù ħassewhom komdi jiftħu l-morr ta’ ħajjithom u jserħu qalbhom quddiemhom.
X’eżempju għalina! Il-Maġi jisfidawna biex aħna wkoll inkunu kapaċi ninfetħu quddiem Ġesù, u noħorġu dak kollu li nħossu li mistur ġo fina. Jistednuna biex ma nintrabtux mal-ġid materjali, anqas infittxu l-unuri, jew il-pjaċiri biex ninsew il-problemi u l-morr tal-ħajja. Il-Maġi jagħmlulna kuraġġ biex ninxteħtu quddiem Ġesù u nafdawh b’dak kollu li hu għażiż għalina, bit-teżori tagħna u allura b’qalbna stess, għax fejn hemm it-teżor tagħna hemm hi qalbna.
Xi nħoss li hu dak it-teżor li jien wisq marbut miegħu? Ejja llum niftħu qalbna quddiem Ġesù u noffruhielu, waqt li nitolbuh biex jgħatini lilu nnifsu, li hu teżor ferm akbar mit-teżori tiegħi. Nitolbuh jgħatini l-libertà tal-qalb ħalli nkun nista’ inkompli nimxi l-vjaġġ minn toroq ġodda ħieles minn kull toqol u rbit li jfixkilni.