Riflessjoni għas-solennità' ta' Corpus Christi
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Kull ritratt, jirrakkonta ġrajja. Forsi għalhekk ritratt antik ta’ pajjiżna jaffaxxina lil bosta, għax ifakkarna kif kienet Malta fl-imgħoddi. U forsi għalhekk meta jiġi f’idejna xi ritratt ta’ tfulitna jinteressana. Ritratt ifakkrek x’ġara, fejn kont, ma’ min kont. Ifakkrek x’għidt u xi smajt 'l oħrajn jgħidu, imma jista’ wkoll iwasslek biex tħoss dak li ħassejt meta ttieħed ir-ritratt: tħoss mill-ġdid il-ferħ tal-okkażżjoni, l-entużjażmu li seta’ kellek, jew terġa’ tesperjenza n-niket li stajt ħassejt dak in-nhar. Ritratt hu powerful għax hu maqgħud mar-realtà, sakemm ma jkunx ġie editjat. Prova ta’ dan hu li ħafna minna jieħdu gost li minn żmien għal żmien iqallbu fl-albums tagħhom biex ma jinsew qatt dak li għaddew minnu. Importanti ħafna li ma nitilfux il-memorja tagħna.
Dan jgħodd ukoll fuq livell komunitarju: is-soċjetà wkoll għandha bżonn tiftakar l-istorja tagħha. Tiftakar minn fejn hi ġejja, mil-liema triq imxiet u sa fejn waslet illum. Ħafna drabi dan isir billi jinbnew monumenti u tifkiriet li jfakkru ġrajjiet importanti fl-istorja. Kull monument jirrakkonta ġrajja li b’xi mod jew ieħor bidlet l-istorja tal-poplu kollu; dan jgħin biex kull ġenerazzjoni, anke l-ġenerazzjonijiet ġodda, ma jinsewx l-impenn, it-tbatija, it-tħabrik u l-ġrajjiet li sawwru l-istess poplu.
U l-poplu Lhudi wkoll kellu bżonn jibqa’ jiftakar: Mosè fakkar lin-nies fejn kienu qabel, min fejn kien għaddiehom il-Mulej u fejn waslu. Fakkarhom fil-jasar tal-Eġittu, fil-mixja ta’ 40 sena fid-deżert u fil-wasla tagħhom fl-art imwiegħda; fakkarhom fl-ikel li tagħhom biex setgħu jimxu u jaslu sad-destinazzjoni tagħhom, fakkarhom kif kien ħelishom mit-tbatija u mill-perikli tas-sriep velenużi. Din il-memorja kienet neċessarja biex il-poplu ma jinsiex lil Alla meta jsib ruħu għaddej tajjeb u jgawdi mill-ġid tal-art, li Alla kien tagħhom. Mosè fakkarhom biex ma jispiċċawx vittma tal-kburija u s-suppervja. Faċli li jaħsbu li dak li kellhom kienu akkwistawh bil-ħila tagħhom u mhux ġie mogħti lilhom minn Alla li salvahom mill-jasar. Waqt li l-poplu jiftakar, jasal biex jibqa’ jfaħħar lil Alla talli mexxihom fl-istorja.
Ġesù wkoll ried iżomm fina l-memorja, ta’ dak li Alla għamel magħna; Hu tana ġismu biex niekluh u demmu b’xorb biex nixorbuh waqt li qalilna biex nagħmlu dan b’tifkira tiegħu. Mhix sempliċement memorja biex ma ninsewx lil Ġesù, imma hi memorja li tgħina nagħrfu fejn konna, min fejn mexxiena l-Mulej Ġesù u fejn wasalna llum. Konna lsiera u skjavi tad-dnub, mexxiena fit-triq tal-ħelsien u issa qed ngħixu bħala wlied ħielsa fid-dar tal-Missier. Mela kull meta ninġabru flimkien u naqsmu mill-ikel u x-xorb tal-Mulej inkunu qed nipparteċipaw mill-istess ħajja ta’ Alla. Ġesù qalilna b’mod tant ċar li “jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem, u l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.” Din hi memorja ħajja li nkunu qed nipparteċipaw fiha kull darba li nersqu għall-Ewkaristija. Ninġabru biex inbierku u nfaħħru lil Alla, għax nagħrfu dak kollu li Hu għamel magħna. L-Ewkaristija tbegħedna minn kull kburija u suppervja. Jekk ma nipparteċipax minn din l-ikla faċli naħsbu li l-ġid li għandna hu tagħna bil-ħila tagħna stess u ninsew li kollox ġie mogħti lilna. Hawn qiegħed il-periklu l-kbir: li nwarrbu lis-source tal-ħajja biex inpoġġu lilna nfusna fiċ-ċentru ta’ kollox, bil-konsegwenza li nibdew ninxfu minn ġewwa għax inkunu nqtajna mill-istess għajn tal-ħajja.
X’xorti kbira għandna! Nistgħu ngħixu fl-Art Imwiegħda minn issa stess. Nistgħu nipparteċipaw mill-ikel tas-sema kull x’ħin nixtiequ. Nistgħu nserrħu rasna li aħna wlied ħielsa f’dar il-Missier. Għalhekk ejjew nersqu ta’ spiss lejn l-Ewkaristija, jekk jista’ jkun kuljum. Ejjew nagħrfu fl-Ewkaristija r-rigal kbir li Alla qed jagħtina, bla ma nintilfu fuq min qed iqarben (jekk hux saċerdot jew minstru straordinarju tat-tqarbin), jew kif nitqarben (jekk hux fuq idejja jew ilsieni), ma nħallux il-mod ta’ kif nirċievu dan ir-rigal inessina l-kobor tar-rigal innifsu. Ejjew inkunu grati lejn Alla, kull darba li jagħtina sehem mill-ikel tas-sema, bla ma nidraw wisq u nieħdu forgranted l-istess Ewkarstija.