Riflessjoni għas-Sollennita ta' Kristu Sultan
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Kif tħossok meta ċċempel għall-appuntament u jgħidulek: “ejja llum” ? Ħafna drabi tkun sorpriża, jekk hux ukoll tħossok xortik tajba, għall-fatt li ma ħallewkx tistenna fit-tul. Kultant l-istennija żejda tifnik, u għalhekk jekk xi ħaġa mportanti takkwistaha llum, tkun ferm aħjar.
Ġesù ma qagħadx itawwal biex iwieġeb għat-talba: “ftakar fija meta tkun fis-Saltna tiegħek.” Mill-ewwel offra s-salvazzjoni lill-kriminal imsallab ħdejh, u qallu: “Illum tkun miegħi fil-ġenna.” Minkejja li kien imsammar, Ġesù ma kienx imwaqqaf milli jsalva; ma kienx helpless quddiem din il-ġrajja ta’ kefrija u nġustizzja. B’hekk wera x’setgħa kellu! Ma kienitx setgħa li toħroġ mill-poter li tippromwovi d-dinja, imma setgħa li turi l-qawwa tal-ħniena li ssalva. Fl-Evanġelju ta’ San Luqa niltaqgħu mal-kelma illum ħdax-il darba, u ħafna drabi hi wżata fil-kuntest tas-Salvazzjoni, li Alla qed iwettaq issa. Alla ma jitnikkirx biex isalva lid-dinja. Din is-salvazzjoni qed taslilna permezz tas-Sultan il-Kbir. Per eżemplu fit-twelid ta’ Ġesù nsibu lill-anġlu jgħid lir-rgħajja: “illum fil-belt ta’ David tweldilkom salvatur” (Lk 2, 11). Fil-bidu tal-missjoni tiegħu, meta kien fis-Sinagoga ta’ Nazaret qalilhom: “Din il-kitba seħħet illum intom u tisimgħu” (Lk 4, 21). Lil Żakkew qallu: “llum f’din id-dar daħlet is-salvazzjoni” (Lk19, 9). U fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jgħid lill-kriminal imsallab ħdejh: “illum tkun miegħi fil-ġenna.”
Fil-mument li Ġesù kien imżeblaħ, umiljat, u msallab wera l-qawwa tiegħu fil-maħfra, l-ewwel ta’ dawk li kienu żebilħuh u salbuh, u mbagħad tal-kriminal li stqarr pubblikament li hu kien ħaqqu dik il-kundanna. Minn fuq is-salib, Ġesù saltan, mhux b’forza imma billi offra l-grazzja u l-maħfra. Tefa’ ħarsa ta’ ħniena lejn minn hu dgħajjef. Fil-kriminali msallba ħdejn Ġesù nistgħu naraw lilna nfusna; minn banda għandna r-realtà ta’ bniedem li żbalja bl-ikraħ, imma li għaraf u aċċetta l-iżball tiegħu, u għaraf ukoll il-bżonn ta’ Alla li jaħfer id-dnubiet f’ħajtu. U mill-banda l-oħra għandna realtà ta’ bniedem li żbalja, imma ma jieħux responsabbiltà tad-dnub tiegħu. B’hekk ma kienx lest li jaċċetta l-fatt li hu kien fi bżonn kbir ta’ salvazzjoni. Dan jista’ jiġri lilna wkoll meta niżbaljaw u/jew għax ma nkunux irridu naċċettaw l-iżball tagħna, jew għax ma nemmnux li nistgħu ninħelsu minnu anke jekk induru lejn Alla, nibqgħu fejn inkunu jekk hux ukoll nagħtu tort lil Alla jew lil xi ħadd ieħor tal-ħażen li nkunu għamilna. Fil-każ tal-kriminal li m’accettax il-ħtija tiegħu, mhux biss li ma talabx il-maħfra, imma sfida lil Ġesù nnifsu. Imma fil-każ tal-kriminal li għaraf dnubu, ma tnikkirx biex jitlob mingħand Ġesù l-ħniena u l-maħfra li tant kellu bżonn, hekk kif intebaħ li Hu kien tassew Alla. It-talba umli u sinċiera tiegħu waslet għall-grazzja.
Mhux għada jew xi darba, imma llum hu ż-żmien it-tajjeb. Illum rridu nagħrfu fejn żbaljajna, u llum hemm bżonn li nagħrfu l-bżonn tal-maħfra ta’ Alla. IIlum nitolbu lis-Sultan il-Kbir b’ħeġġa u ngħidulu: “ftakar fija.” Niftakru li l-ħniena ta’ Ġesù hi mmedjata. Meta nersqu lejh b’qalb sinċiera, il-grazzja tasal issa. Ġesù mhuwiex Sultan li jsalva lil min jixraqlu, imma Sultan li jiftaħ il-bibien tal-Ġenna lill-midinbin li jfittxuh. Hawn tidher il-qawwa tas-salib: Ġesù jagħmel ġenna minn sitwazzjoni li tidher falliment. Niftakru li l-ġenna mhux xi post imma hi relazzjoni, relazzjoni ntima ma’ Alla. Ġesù ma wiegħedx lill-imsallab lussu jew kumdità, imma intimità miegħu: “tkun miegħi.” Din hija l-qalba tal-fidi Nisranija, jiġifieri li nkunu ma’ Kristu Sultan issa u għal dejjem.
Meta nesperjenzaw it-tjubija u l-ħniena ta’ dan is-Sultan, inkunu kapaċi biex bħalu nuru tjieba u ħniena ma’ l-oħrajn u b’hekk inkunu qed nipparteċipaw fil-bini tas-Saltna ta’ Alla. Meta niftħu qalbna għall-oħrajn, meta naħfru u meta nħennu għad-dgħajjef, inkunu ngħidu bil-fatti li Ġesù huwa tassew is-Sultan tagħna. Illum, waqt li nħarsu lejn Ġesù msallab u nisimgħu l-kliem tiegħu: “Illum tkun miegħi fil-Ġenna,” niftakru li r-renju tiegħu hu renju li joffri tama u grazzja. Kull wieħed u waħda minna għandu ċans jerġa’ jibda kull meta jiżbalja. M’hemmx ħin aħjar minn illum, u m’hemmx ġenna akbar milli nkunu miegħu.
