Riflessjoni għas-solennità tal-Għid il-Kbir
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
X’jibqa’ minnek meta tmur tfittex xi ħaġa fejn tkun ċert li erfajtha u ma ssibiex! X’ma jgħaddix minn moħħok? Serquni? Xi ħadd mill-familja sabha u refaħha x’imkien ieħor bla ma tkellem? Forsi jien qed ninsa għax minflok, kont għamiltha x’imkien ieħor? Ngħid għalija meta tiġrili xi ħaġa simili nfittex u nerġa’ nfittex fl-istess post, għax minn hemm nkun irridha! U jekk nibqa’ ma nsibx dak li qed infittex, nibda nvestigazzjoni biex nifhem x’seta’ ġara.
Immaġinaw ftit x’baqa’ minn Marija ta’ Magdala meta marret tfittex lil Ġesù midfun fil-qabar li żgur kienet ħallietu fih qabel telqet lejn darha. U minflok issib qabar vojt! Ma setgħetx tifhem x’ġara. Marret tiġri tgħid lid-dixxipli biex jaraw x’jistgħu jagħmlu u forsi jibdew xi tip ta’ investigazzjoni. Il-qabar vojt sar problema.
Sar post li ħalla ħafna mistoqsijiet bla tweġiba. Dan il-post ħawwad mhux biss lil Marija ta’ Magdala u lid-dixxipli ta’ Ġesù, imma wkoll lill-għassiesa u lill-Qassisin il-Kbar. Sar post li ħawwad u għadu jħawwad lil ħafna nies. Għax għal ħafna l-qabar hu sinjal ta’ tmiem, imma għal oħrajn li jemmnu, hu post għażiż li joffri tama, post li juri li l-mewt ma baqgħalhiex l-aħħar kelma. Dak li jagħmel il-“qabar vojt” tant importanti hu t-twemmin fil-ħajja ta’ dejjem, għax jissostitwixxi d-disperazzjoni tal-mewt b’ċarezza ta’ qawmien. Għalkemm il-qabar iħalli ċerta ambigwità, xorta jwassal għall-għarfien ġdid. Dawk li ltaqgħu ma’ Ġesù fil-jum tal-Ħadd u wara, ma għarfuhx mill- ewwel, ma fehmux x’ġara u xi wħud iddubitaw, tħassbu, u saħansitra intrebħu mill-biża’, imma bil-mod il-mod waslu biex jaċċettaw realtà ġdida. Dak li kien jidher tmiem issa sar bidu ġdid.
Il-qabar vojt mhux xi prova li taċċerta li Ġesù qam tassew mill-mewt, imma hu aktar stedina. Stedina biex nibdlu l-perspettiva tagħna lejn il-ħajja. Stedina biex minn kontroll ngħaddu għal fiduċja. Kemm drabi nfittxu li nieħdu r-riedni f’idejna u nippruvaw nikkontrollaw l-istorja ta’ ħajjitna, u jekk jista’ jkun lill-oħrajn ukoll; kemm drabi ppruvajna nikkontrollaw anke lil Alla nnifsu għax ippretendejna li jimxi kif irridu aħna. Imma għad jasal il-mument fejn nindunaw li ma nistgħux nikkontrollaw aktar. Quddiem il-mewt nitilfu kull kontroll. U propju hawn fejn taslilna l-istedina biex nafdaw totalment f’Alla, inħallu f’idejh u nħalluh ikun Hu s-Sid ta’ ħajjitna. Imbagħad tasal il-ħajja l-ġdida. Il-qabar vojt isir ukoll stedina biex ma nibqgħux naċċertaw ruħna biss minn dak li jidher u li jista’ jiġi ppruvat xjentifikament, imma ngħaddu għal dak li ma jidhirx u li jitlob minna fidi vera.
Il-qabar vojt isir stedina wkoll biex niftħu l-“oqbra” li għandna f’ħajjitna. Dawk l-oqbra li fihom għalaqna t-tama, dfinna l-fallimenti u d-diżappunti tagħna, kif ukoll fejn ħbejna d-dgħufija u dnubna flimkien ma’ dak kollu li ma jogħġobniex fina. L-idea tal-qabar vojt tisfida dik ix-xewqa li nostru kollox għal dejjem u tissuġġerixxi li t-tmiem jista’ ma jkunx daqshekk finali kif kultant naħsbu – le, ma spiċċax kollox; le, mhux kollox ta’ xejn. Il-qabar vojt jistedinna nbexqu l-bibien tal-qalb tagħna biex jidħol id-dawl ta’ Kristu fina. Fil-Vġili tal-Għid, il-blandun jidħol fost l-akklamazzjoni: id-dawl ta’ Kristu. Hu dak id-dawl li jrid idawwal id-dlamijiet tal-qlub tagħna, biex naraw u nifhmu li anke fejn jidher falliment, dgħufija u dnub, jista’ jwassal għall-grazzja ta’ ħajja ġdida. Le, id-dlam ma rebaħx fuq id-dawl; id-dnub ma rebaħx fuq il-ħniena u l-maħfra ta’ Alla; u l-biża’ ma rebħitx fuq it-tama. Il-qawmien ta’ Ġesù jurina li kull tbatija li ngħaddu minnha, kull diffikultà, kull mument ta’ dwejjaq, mhuwiex it-tmiem tal-istorja. Alla jista’ jibdel anke l-agħar sitwazzjoni fi ġrajja ta’ ħajja ġdida. Anke d-dixxipli: kienu mbeżżgħin, magħluqin fihom infushom, mitlufa, imma meta ltaqgħu ma’ Kristu Rxoxt, kollox inbidel. Il-biża’ tagħhom inbidel f’kuraġġ, u d-dwejjaq tagħhom f’ferħ.
Illum ejjew aħna wkoll nersqu lejn il-qabar vojt u nindunaw fejn għandna bżonn il-qawmien ta’ Kristu fil-ħajja tagħna. Forsi bħalissa xi wħud minna mirbuħa mid-dubji jew minn tħassib li qed ittellifhom il-paċi tal-qalb, jew forsi hawn minn fostna min tilef it-tama f’ħajtu, jew iħossu bla skop. Ejjew inħallu l-qabar vojt jistieden lil kull wieħed u waħda minna noħorġu mill-“oqbra” tagħna, minn dawk l-affarijiet li jżommuna lura, mid-drawwiet li jżommuna maħkuma, mill-biża’ li jwaqqafna milli nemmnu tassew. Niftakru llum li Kristu Rxoxt qed jgħidilna: “Tibżax. Jiena ħaj. U rrid nagħtik ħajja ġdida.” Ejjew niftħu qalbna għal din il-verità. Ejja ngħixu bħala nies tal-Għid – nies ta’ tama, ta’ ferħ, ta’ maħfra, u ta’ mħabba. Għax jekk Kristu qam mill-imwiet, kollox jista’ jinbidel. Il-Għid it-tajjeb lilkom ilkoll.
