Riflessjoni għat-2 Ħadd tar-Randan

Riflessjoni għat-2 Ħadd tar-Randan

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Shocked boy expressing surprise on camera. Facial emotions on blue background with copy space

Surprise party dejjem jibqa’ sorpriża u ħafna drabi jħalli lil dak li jkun b’ħalqu miftuħ għax ma jkunx qed jistenna li quddiemu se jsib lill-familjari u l-ħbieb tiegħu jifirħulu u jawgurawlu. Sorpriżi bħal dawn jistgħu jaħsduna, jew inkella jimlewna b’sens qawwi ta’ gratitudni. Tkun xi tkun ir-reazzjoni tagħna s-sorpriżi kapaċi jimmarkaw ħajjitna. Imma mhux is-sorpriżi biss jimmarkaw ħajjitna, għax anke meta nkunu ppreparati tajjeb, xorta hemm ċans li jkollna esperjenzi qawwijin. Nistgħu nsejħulhom WOW experiences għax huma mumenti u ġrajjiet li jmorru lil hemm minn dak li nkunu qed nippretendu u nistennew, iħallu fuqna marki li jibqgħu, kif ukoll joħolqu fina sens qawwi ta’ stagħġib – huma esperjenzi li fihom ċerta faxxinu li ma tantx inkunu nistgħu nispjegawh. Huma mumenti li jġagħluna nħossuhom speċjali u staordinarji. Dawn il-WOW experiences nistgħu nsibuhom f’ambjenti differenti, bħal meta nesperjenzaw xi ħaġa ġdida fis-safar jew meta nżuru postijiet ġodda, insibuhom f’mumenti ta’ divertiment, kif ukoll meta nirċievu xi servizz jew trattament straodinarju li ma nistennewħx, insibuhom f’persuni li niltaqgħu magħhom li jissorprenduna bil-karattru tagħhom.  Imma dawn il-WOW experiences jistgħu jkunu wkoll esperjenzi spiritwali.

Ġesù wkoll ħejja sorpriża għad-dixxipli li kienu l-aktar qrib tiegħu. Hu tellagħhom fuq muntanja għolja. Kull muntanja għandha ħafna sorpriżi x’tofrilna. Hemm ċerta faxxinu marbut mal-muntanji, mhux ta’ b’xejn insibu ħafna stejjer mitoloġiċi u leġġendi marbuta magħhom! Spiritwalment il-muntanja hu l-post fejn l-art u s-sema jiltaqgħu. Meta tilħaq il-quċċata tagħha tħossok aktar qrib lejn is-sema imma fl-istess ħin tibqa’ saqajk ma’ l-art, tibqa’ tara l-ibliet u l-irħula taħtek. Tassew li muntanja toffri ħafna sfidi lil min jiddeċiedi li jitlagħha; jrid ikun ambizzjuż u determinat, imma muntanja tista’ wkoll tlaqqgħek mal-glorja; biss biss minn fuq ikollok overview ta’ kollox. Pietru, Ġakbu u Ġwanni esperjenzaw dan kollu fuq it-Tabor. Huma ltaqgħu mal-isfidi tat-triq, imma wkoll daqu l-glorja tal-muntanja. Barra l-avventura tal-muntanja nfisha, Ġesù ssorprendihom bid-dehra tiegħu nnifsu. Kienet tassew WOW experience hekk kif raw lil Ġesù b’mod li qatt ma kienu rawh qabel. Il-bidla tal-ilbies għinhom jagħrfu l-identità vera tiegħu. L-ilbies juri min tassew hi dik il-persuna – għalhekk jintużaw l-uniformijiet. Mill-ilbies wieħed jinduna jekk hux sinjur jew fqir, jekk hux umli jew kburi bih innifsu, jekk hux nadif jew le. U l-ilbies abjad li ssorprenda lid-dixxipli wera li Ġesù kien tassew Alla. Id-dija tad-dawl li dawret lil Ġesù ikkontribwiet għall-WOW experience tad-dixxipli. Fiha raw il-glorja tas-sema; f’dan id-dawl setgħu jaraw lil Ġesù kif tassew hu. Id-dixxipli ssorpendew ruħhom ukoll meta raw lil Mosé u lil Elija. Kienu jafuhom biss mit-tagħlim li kellhom imma qatt ma ltaqgħu magħhom għax kienu ilhom mejtin.  Qatt ma stennew li se jaraw tnejn min-nies hekk kbar tal-imgħoddi. U terġa’ u tgħid kienu qed jitkellmu fuq dak li Ġesù kien għadu kif tkellem dwaru tmint ijiem qabel, jiġifieri li “Bin il-bniedem se jbati, joqtluh u fi tlett ijiem iqum mill-mewt.” Kienet sorpriża kbira li semgħu leħen mis-sema, semgħu direttament lil Missier jgħidilhom: “dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!” Fejn qatt semgħu lill-Missier Alla jkellimhom personalment daqshekk ċar? Quddiem din il-ġrajja kollha, huma rebħu kull nagħas li kellhom u xtaqu jibqgħu igawdu din l-esperjenza. Issa saru konxji ta’ realtà aktar suprimi, u għalhekk xtaqu li jibqgħu jgawdu lil Alla.

Kultant aħna wkoll, bħad-dixxipli, nesperjenzaw esperenzi spiritwali qawwija. Mhux la kemm nitkellmu dwarhom u dwar is-sorpriżi li kultant Alla jgħaddina minnhom. Imma hi ferm importanti li ma ninsewx dawn il-mumenti; nibqgħu nirreferu għalihom l-aktar meta nkunu fit-tiġrib, bħalma d-dixxipli kellhom bżonn jiftakru fil-mument tal-passjoni. Huma rrakuntaw dan li ġara wara l-qawmien – ma nsewx dak kollu li għaddew minnu. Aħna wkoll m’għandniex ninsew l-esperjenzi profondi li jkollna ta’ Alla. Jista’ jkun Alla jlaqqgħana miegħu nnifsu waqt eżerċizzi, waqt xi priedka, waqt xi rtir jew waqt mument ta’ talb. Imma jista’ wkoll Alla jaħsadna bil-preżenza tiegħu meta ma nkunux qed nistennewh, forsi waqt xi mixja fil-kampanja, f’xi marda jew traġedja, jew inkella sempliċement meta niltaqgħu ma’ xi ħadd twajjeb. Hu x’inhi l-esperjenza tagħna, ejjew inħaddnu dawn il-WOW experiences li fit-tjieba tiegħu l-Mulej jgħaddina minnhom, ejjew inkunu grati għalihom u naqsmuhom ukoll mal-oħrajn.