Riflessjoni għat-28 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana
Din il-ġimgħa smajna b’aħbar li tat nifs lid-dinja: jidher li hemm ċans kbir li l-ftehim għall-waqfien mil-ġlied f’Ġaża jseħħ. Meta tħares lejn xeni tal-gwerra, tħoss qalbek tingħafas; nies jiġġerrew fit-toroq ifittxu xi ħaġa tal-ikel, tfal jibku, djar u bini mġarraf ma’ kullimkien eċċ. Jekk din ir-realtà hi waħda tal-biki għalina, kemm aktar għan-nies li jgħixu f’dan il-pajjiż imfarrak? Żgur li ħajjithom imbidlet għal kollox. Min kellu xogħol tilfu, min kellu negozju falla, ħafna minn dawk li kellhom dar spiċċaw mingħajrha, u diversi oħrajn tilfu saħansitra l-istess familja tagħhom. Dawn in-nies spiċċaw iżolati f’pajjiżhom, b’futur inċert għall-aħħar, u ħafna minnhom ma jafux fejn se jaqbdu jagħtu rashom. Imma issa għandhom xaqq ta’ dawl; jidher li l-krib tagħhom instemgħa. Quddiemhom għandhom sfida kbira – dik li jibnu futur ġdid.
L-istess ħaġa ġara mad-dinja kollha ftit snin ilu; meta l-pandemija li għixna staġnat lid-dinja. Matul il-pandemija kienu ħafna li tilfu xogħolhom, ġarrbu falliment tan-negozju tagħhom, kienu ħafna li mtlew b’anzjetà u biża’ li se jispiċċaw vittma tal-pandemija. Kien hawn ħafna li sabu ruħhom iżolati u magħluqa f’darhom. Xi wħud ġarrbu saħansitra telfa ta’ xi ħadd għażiż għalihom. Quddiem il-pandemija d-dinja sabet ruħha quddiem futur inċert. Hekk kif bdiet tgħaddi l-pandemija d-dinja kellha sfida kbira – dik li tibni futur ġdid. Imma x’ġara? Minkejja li fi żmien il-pandemija esperjenzajna s-sabiħ ta’ ħajja kalma, is-sabiħ li jkollok ħin ma’ l-għeżież tiegħek, u minkejja li għarafna li r-relazzjonijiet huma prezzjużi ħafna, xorta waħda għamilna minn kollox biex nerġgħu lura għall-istil ta’ ħajja ta’ qabel. Anzi donnu stinkajna u ħabrikna biex nagħmlu tajjeb għal dak li tlifna tul iż-żmien tal-pandemija. Ma nafx jekk inkunx qed niżbalja jekk ngħid, li għaġġilna l-arloġġ u daħħalna ħafna aktar attività minn qabel. Imlejna aktar il-ħin tagħna bil-konsegwenza li erġajna nsejna s-sabiħ ta’ ħajja trankwilla, u l-bżonn li jkollna ħin mal-familja tagħna. Donnu l-għażla li d-dinja għamlet quddiem opportunità ta’ stil ta’ ħajja ġdid, kienet aktar li nirritornaw għal dak li kellna qabel.
Kemm hu diffiċli li tħalli dak li tkun imdorri bih, biex timxi minn toroq ġodda! Fl-Evanġelju tal-lum għandna l-ġrajja tal-għaxart irġiel morda bil-lebbra. Dawn l-irġiel intlaqtu minn sfortuna kbira; marda li mhux biss tikkawża ħafna uġigħ fiżiku imma wkoll uġigħ emozzjonali u spiritwali. Xi ħadd li jimrad bil-lebbra kellu jiżola ruħu, jitlaq lill-familja tiegħu u lil niesu, kif ukoll ikun ipprojbit li jersaq lejn it-tempju, għalhekk kien ikollu joħroġ barra l-belt u jsib kumpanija ta’ nies morda bħalu. Dawn l-irġiel sabu kumpanija f’xulxin, wara li tilfu kull ma kellhom. Quddiemhom kellhom futur inċert, sa ma ltaqgħu ma’ Ġesù. Ġesù sema’ l-karba tagħhom, ħenn għalihom u tahom raġġ ta’ dawl. Bagħthom lura fil-belt biex jiltaqgħu mal-qassisin, ħalli jkunulhom ta’ xiehda għall-fejqan tagħhom. Fi triqithom indunaw li huma kienu nħelsu minn kull iżolament. Issa kellhom sfida kbira – dik li jibnu futur ġdid. Minkejja din l-esperjenza qawwija l-maġġoranza tagħhom jidher li rritornaw għall-istil tal-ħajja ta’ qabel u għamlu minn kollox biex jirkupraw dak kollu li tiflu tul il-marda tagħhom. Imma wieħed minnhom għażel xi ħaġa differenti; ried jieħu l-opportunità biex tassew jgħix ħajja ġdida. Dan is-Sammaritan għaraf li Ġesù hu tassew Alla, u għalhekk għażel li jirritorna mhux wisq għall-istil ta’ ħajja li kellu qabel, imma lejn Ġesù. Hu nxteħet wiċċu fl-art quddiemu; ġest li juri qima u adorazzjoni. Dan is-Sammaritan, li ma kellu ebda rbit ta’ liġi u regoli, ħassu tassew liberu jgħażel li jsir dixxiplu ta’ Kristu.
Ilkoll kemm aħna jkollna mumenti ta’ kriżi, li fihom inħossuna mħawda, għajjenin, iżolati, kif ukoll quddiem futur inċert. Forsi f’dawn il-mumenti aħna wkoll nersqu lejn Alla u nsemmgħu l-karba tagħna quddiemu. Ħafna drabi f’dawn il-mumenti nħossu li l-Mulej hu qrib tagħna, nemmnu li qed jgħinna, anke jekk mhux immedjatament. Inħossu li l-Mulej qed jagħtina ċans ġdid, billi jagħtina opportunità ta’ ħajja ġdida. Hawn nsibu ruħna quddiem għażla: Imma x’qed nagħżel? Nipprova nadotta l-istess stil ta’ ħajja li kelli qabel, jew nersaq aktar lejn Alla l-imbierek? Fil-mumenti iebsin kapaċi nagħraf lil Ġesù bħala Alla tiegħi? U wara nkun lest li ninxteħet quddiemu b’sens ta’ gratitudni? Nagħżel li nkun dixxiplu aktar viċin tiegħu minn qabel? Ejjew nitolbu lil Mulej biex f’kull ċirkustanza ta’ ħajjitna nagħrfuh aktar bħala Alla veru biex inkunu wkoll kapaċi ninxteħtu quddiemu u nadurawh.