Riflessjoni għat-3 Ħadd tal-Avvent

Riflessjoni għat-3 Ħadd tal-Avvent

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Kultant iċ-ċertifikati saru aktar importanti mill-istess ħiliet tal-persuna. Kemm persuni huma kapaċi fuq xogħolhom imma għax ma rnexxielhomx iġibu ċ-ċertifikati jibqgħu l-art. Kull fejn jingħataw warrents, jingħataw abbażi taċ-ċertifikati iżda wkoll wara li takkwista ammont ta’ esperjenza anke jekk mhux tal-kapaċitajiet vera li jkollu dak li jkun. Ftit ilu smajt każ ta’ bennej prim, li  għomru u żmienu fix-xogħol tal-bini, li baqa’ bla warrent għax ma rnexxielux jgħaddi minn eżami li għamel peress li ma kienx jaf jikteb u jaqra. Qabel ma kienx hawn din is-sistema tal-warrents allura dan il-bennej spiċċa bla ċertifikat minkejja li forsi hu aktar kapaċi minn oħrajn li ġabu ċ-ċertifikati. Mhux se nidħol fil-mertu ta’ jekk hiex xi ħaġa ġusta jew le, imma f’din id-dinja hemm bżonn li wieħed jiġi ċċertifikat qabel ma jidħol għal ħidmiet ta’ responsabbilità.

Ġwanni l-Battista ried jeżamina u jiċċertifika jekk Ġesù hux tassew il-Messija jew le, u bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu jistħarrġu lil Ġesù. Ġesù ma ta ebda tweġiba biex jipprova jikkonvinċi li hu tassew il-Messija, imma sempliċement qal lid-dixxipli ta’ Ġwanni: “Morru u għidu lil Ġwanni x’intom tisimgħu u taraw” (Mt 11:4). Il-fatti kienu jitkellmu weħidhom; l-għemejjel ta’ Ġesù wrew li hu tassew salvatur għax ħeles lill-għomja, liz-zopop, lill-morda, lit-torox u lill-mejtin mill-mewt ta’ dejjem. Ġwanni stenna risposta u r-risposta ingħatat bil-fatti (bil-ħiliet ta’ Ġesù, li kien qed iwettaq l-għemejjel ta’ Alla). B’hekk iċċertifika li hu tassew il-Messija.

Min-naħa l-oħra Ġesù ta ċertifikat tajjeb ukoll lil Ġwanni l-Battista. Hu ċċertifika li Ġwanni kien il-ħabbar tiegħu biex iħejjilu t-triq. Iċċertifika li minn “fost in-nisa ħadd ma qam akbar minnu, għax kien bniedem ta’ prinċipji sodi u propju minħabba dawk il-prinċipji sodi kien spiċċa fil-ħabs. Ċertifikat tajjeb ħafna, imma minnkejja dan Ġwanni baqa’ bniedem umli ħafna. L-umiltà ma ssibiex wisq fil-vokabularju tad-dinja, għax id-dinja tipromwovi s-suċċessi, l-awtonomija, u l-awtorità. B’hekk Ġwanni mar kontra l-ispirtu tad-dinja u fittex it-triq tal-umiltà minkejja l-popolarità li kiseb min-nies. Fil-wirt nisrani tagħna, l-umiltà dejjem kellha post ewlieni. Santu Wistin qal: “Jekk tgħiduli liema hu l-ewwel preċett tar-reliġjon nisranija, ngħidilkom: l-ewwel, it-tieni u t-tielet - l-umiltà.”  L-umiltà mhix nuqqas ta’ stima personali, u lanqas ma tfisser li narmu lilna nfusna. Mhix umiltà jekk nibqgħu noħolmu fuq l-umiljazzjonijiet u l-fallimenti tagħna. L-anqas ma hi umiltà jekk ma nkunux kapaċi naċċettaw żball li nkunu għamilna aħna stess, jew jekk ma naħfrux lilna nfusna u nibqgħu nħossuna ħatja minħabba xi nuqqas li nkunu għamilna.

L-umiltà vera hija l-għarfien li aħna dipendenti totalment minn Alla, Ħallieq u Feddej, u b’hekk inħalluh juri ħniena magħna u jafrilna. L-umiltà twassalna biex inpoġġu lil Alla fiċ-ċentru ta’ kollox. Din l-attitudni hija l-bidu u t-tkabbir tal-ħajja tal-talb.  Mingħajr umiltà, il-mixja tagħna lejn Alla tibqa’ nieqsa. Kull virtù ma tinkisibx bit-teorija, imma b’impenn ta’ ħidma li nagħmlu kull jum, u l-istess fejn tidħol l-Umiltà. L-umiltà tikber permezz ta’ affarijiet żgħar li nagħmlu fil-ħajja tagħna ta’ kull jum, bħal: niffukaw u nagħmlu dak li għandna nagħmlu sew, ma niddefsux f’dak li ma jikkonċernax lilna, ma nkunux moħħna fin-nuqqasijiet u l-iżbalji tal-oħrajn, ma nagħmlu xejn biex niġbdu l-attenzjoni, nevitaw il-kurżità żejda, inkunu lesti nċedu meta xi ħadd ma jaqbilx magħna (imma qatt ma nċedu prinċipji u valuri nsara biex nintgħoġbu), nilqgħu korrezzjoni li xi ħadd jagħmlilna, inkunu ġentili anke meta nħossuna attakati, inkunu paċenzjużi magħna nfusna meta niżbaljaw, ma nigranfawx mal-opinjoni tagħna jekk mhix kwistjoni ta’ verità u ġustizzja, naċċettaw il-kritika mingħajr ma nibnu ħitan u nużaw id-dgħufija tagħna bħala skola ta’ umiltà.

Ġesù llum qed isejħilna biex inħallu l-umiltà tmexxina lejn il-qalb tiegħu. Hu ma ġiex biex jeqred il-poter, imma biex juri li l-vera qawwa tinsab fil-ġenerożità, fil-faqar ta’ qalb, u fil-ħlewwa li nuru ma’ l-oħrajn. Nitolbuh jagħtina l-grazzja li f’dan l-Avvent: nagħrfu l-post propju tagħna quddiemu (bħalma Ġwanni għaraf x’inhu postu fl-istorja tas-Salvazzjoni), nilqgħu l-kelma tiegħu (kif Ġwanni laqa’ ix-xiedha li taw iż-żewġ dixxipli li bagħthom jistaqsu fuq Ġesù), u nħallu l-umiltà tkabbar fina s-Saltna tiegħu.