Riflessjoni għat-3 Ħadd tar-Randan

Riflessjoni għat-3 Ħadd tar-Randan

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Illum mistednin nersqu lejn bir tal-ilma. Il-bjar fl-imgħoddi kienu ferm importanti għall-ħajja ta’ kull jum, speċjalment f’postijiet sħan bħal Malta, fejn l-ilma naturali huwa limitat. Din ir-riserva taħt l-art kienet tiġbor fiha l-ilma tax-xita, li ħafna drabi kien jintuża għax-xorb, tisjir, ħasil u għall-annimali. Qabel ma daħlu sistemi moderni tal-ilma, il-bir kien is-sors prinċipali għan-nies u għall-biedja. Tista’ tgħid li f’kull dar u razzett kont issib bir. Min ma kellux bir kellu battikata kull jum biex iġorr l-ilma minn bjar oħra fil-qrib. Kien ferm importanti li l-bjar jinżammu kemm jista’ jkun nodfa. Għalkemm llum ftit li xejn insibu bjar, xorta jibqa’ vantaġġ li jkollok riserva tal-ilma miegħek.

Fl-imgħoddi kont issib bjar komuni, fejn min ma kellux bir seta’ jmur u jieħu l-ilma minn hemm. Dawn il-bjar saru post ta’ laqgħa soċjali, fejn in-nies tal-istess raħal kienu jiltaqgħu u jitkellmu, jgħaddu aħbarijiet lil xuxlin u jaqsmu ġrajjiet tal-familja, imma mhux biss! Il-bjar komuni ġieli servew ukoll biex ilaqqgħu koppji għaż-żwieġ. Fl-Iskrittura għandna eżempji ta’ dan. Fost l-oħrajn insibu li l-qaddej ta’ Abraham mar ifittex mara għal iben Abraham minn ħdejn bir. Hu waqaf ħdejn bir u talab lil Alla sinjal, hemmhekk iltaqa’ ma’ Rebekka u tatu l-ilma u sqiet ukoll l-iġmla tiegħu. Din il-laqgħa wasslet biex Iżakk u Rebekka żżewġu. Ġrajja oħra hi dik ta’ Ġakobb, li meta wasal f’art barranija ltaqa’ ma’ Rakel ħdejn bir fejn kienet qed tisqi n-nagħaġ u wkoll spiċċaw iżżewġu. Meta Mosè ħarab mill-Eġittu hu wasal ħdejn bir fil-pajjiż ta’ Midjan. Hemmhekk għen lill-bniet tal-qassis Ġetro u waħda minnhom, Serfora, saret martu. Mela l-bir mhux biss hu sors ta’ ħajja għax jipprovdi l-ilma għall-għajxien, imma wkoll hu sors ta’ ħajja soċjali għax ilaqqgħa lin-nies flimkien, u jista’ jwassal ukoll għal bini ta’ relazzjonijiet aktar profondi.

Fil-kuntest ta’ dan nistgħu naqraw il-ġrajja tas-sammaritana fl-Evanġelju tal-lum.  Ġesù resaq lejn il-bir u qagħad bil-qiegħda. Ġiet mara timla l-ilma f’nofs il-jum. Minħabba l-qilla tax-xemx ma kien hemm ħadd ħdejn il-bir ħlief Ġesù, li kien hemm qabilha jistennieha. Donnu hi ma riedet tiltaqa’ ma’ ħadd, għalhekk marret f’dak il-ħin tal-ġurnata. Nimmaġina li lil Ġesù ratu żejjed u ftit li xejn kellha aptitu! Madanakollu l-bir sar il-post tal-laqgħa, hemm Ġesù daħal fi djalogu mal-mara, u bena relazzjoni profonda u spiritwali magħha. Din il-laqgħa, laqqgħet lill-mara magħha nfisha u għarfet l-għatx vera tagħha, għarfet x’kienet qed tfittex, u minn fejn kienet qed tixrob. Indunat li l-bir, li kienet qed tisqi minnu lil qalbha, ma kienx qed jaqtgħala l-għatx tagħha, b’hekk kienet spiċċat ġejja u sejra, kienet qed tfittex raġel wara l-ieħor u xorta qalbha baqet vojta. F’din il-laqgħa ndunat li dak li kien hemm quddiema ma kienx wieħed bħall-irġiel li ltaqgħet magħhom qabel, tant li staqsiet: “tgħid dan il-profeta?”

Ġesù hu bil-għatx għalina, kif wera fuq is-salib meta qal: “għandi l-għatx,” hu bil-għatx għalija u għalik. Hu ma jixtieqx jarana nitħabtu għal xejn, ma jixtieqx jarana ġejjin u sejrin f’postijiet li ma jimlewx il-qalb, ma jixtieqx jarana nitkarbu għal ftit imħabba, bla ma nsibuha. Hu jiltaqa’ magħna madwar il-bir. Il-bir jirrappreżenta sors profond tal-ħajja u għajxien. Spiritwalment ifisser l-għeruq tal-ruħ, l-għerf moħbi li jinsab fil-qalba tal-persuna. F’ħafna tradizzjonijiet mistiċi, il-bir jissimbolizza post profond ta’ għarfien jew verità. Li “tinżel fil-bir” hu li tfittex ġewwa fik innifsek, billi tirrifletti u timmedita u tagħraf il-verità tiegħek innifsek; min int u fejn tassew tinsab.  Importanti li dan il-bir jibqa’ nadif, b’hekk ir-Randan jistedinna għall-purifikazzjoni u tiġdid. It-tindif spiritwali jwassal għall-fejqan emozzjonali u spiritwali; b’hekk nergħu nesperjenzaw il-friskezza tal-ħajja, relazzjonijiet sani u rabta intima mal-Mulej Ġesù.

Ejjew nistaqsu ftit lilna nfusna, minn liema bjar qed infittxu li naqtgħu l-għatx. Minn fejn qed nixorbu? Minn fejn qed infittxu l-imħabba? Ejjew naraw jekk il-bjar tagħna humiex mimlijin jew vojta, jekk humiex nodfa jew le. Fl-istess ħin ejjew niftakru li hemm xi ħadd jistenniena, xi ħadd li għandu l-għatx għalina. Hu jista’ jagħtina ilma ħaj li jekk nixorbu minnu ma jaqbadna għatx qatt, għax joffri IMĦABBA safja.