Riflessjoni għat-30 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Jgħidulna: “Sa nofs in-nhar rġiel!” Il-qriema jġorru magħhom dan it-timbru. Huma diversi r-raġunijiet li jingħataw għal din il-fama. Waħda mir-raġunijiet li jingħadu hi, li kien hemm arloġġ tax-xemx fi triq dejqa, li kien jaħdem biss sa nofs in-nhar, għax għal nofs il-jum kien isib ruħu fid-dell u jieqaf jaħdem. Arloġġ tax-xemx ikollu biċċa ħadida ħierġa 'l barra fin-naħa ta’ fuq tiegħu biex tikkrea dell fuq il-wiċċ tal-arloġġ u b’hekk jimmarka l-ħin. F’dan il-każ id-dell hu neċessarju u parti ntegrali tal-arloġġ.
Id-dawl u d-dell insibuhom flimkien; kull ma jkun fid-dawl jikkrea d-dell ukoll. Artisti tajbin huma kapaċi jilgħabu bid-dawl u d-dell b’tali mod li joħolqu stampa sabiħa u nteressanti. Ħafna artisti mhux biss jinteressahom li jpenġu xi panorama jew xi xena nteressanti imma wkoll self portraits tagħhom infushom. Artist tajjeb iħares lejh innifsu u josserva d-dawl u d-dell li hemm fih, josserva t-tajjeb u l-ħażin, is-sabiħ u l-ikrah, dak li jgħoġbu u dak li jagħtih fastidju. Artist tajjeb kapaċi jħares lejn il-verità, jaċċettaha u jesprimiha fuq it-tila.
Li tagħraf id-dell tiegħek, taċċettah u tesprimih quddiem Alla hi tassew xi ħaġa li tagħtik libertà nterjuri. Hu dak li ġara fil-Pubblikan tal-parabbola tal-lum. Wieqaf mill-bogħod, b’rasu baxxuta, irnexxielu jagħraf tassew lilu nnifsu minn ġewwa u nduna bid-dell li kien hemm fih. Minkejja dan, hu ma ddisprax imma stqarr minn kien quddiem Alla għax għaraf li Alla seta’ jaċċettah kif inhu. Ġesù jgħidlina li “mar id-dar iġġustifikat.” Ħassu ħieles u f’pożizzjoni li seta’ jgħix ħajja ġdida, differenti minn dik ta’ qabel.
Għall-kuntrarju l-Fariżew tal-parabbola prefera jaħbi d-dell tiegħu. Ħares biss lejn dak li jgħoġbu fih innifsu u waqaf hemm. Is-suppervja tiegħu ma ħallietux jara l-verità tiegħu nnifsu; ra biss biċċa mis-self portrait. Spiċċa bħall-arloġġ tax-xemx fid-dlam, u għalhekk ma setax jaqra dak li kien qed jiġri f’ħajtu. Ir-riżultat ta’ dan kien li sar arroganti u nsolenti. Imma jekk kien għalaq għajnejh biex ma jindunax bid-dell li kien hemm fih, kif seta’ jara min kien ħaddieħor fil-verità? Kieku għajnejh kienu miftuħa għalih innifsu, seta’ jifhem aħjar lill-oħrajn u jasal li jaċċettahom kif inhuma, anke jekk mhux perfetti. Il-Fariżew, minkejja li waqt it-talb, baqa’ waħdu jiftaħar bih innifsu bħalli kieku li t-tajjeb kollu kien ġej mill-ħila u l-kapaċità tiegħu biss, u mhux minn Alla li kien qed jaħdem fih. B’hekk Ġesù jurina ċar li mar id-dar “mhux iġġustifikat,” anzi mar id-dar b’aktar ħtija għax spiċċa jitfa’ it-tajn u jħammeġ lil ħaddieħor. Ħadd m’għandu dritt jitfa’ it-tajn fuq ħadd, għax kull min jinsab fid-dawl qed jikkrea d-dell ukoll.
Imma ejjew ngħiduha kif inhi, mhux dejjem faċli li naċċettaw ir-realtà tad-dell li hemm fina. Sa minn tfulitna tgħallimna naħbu ċerta affarijiet biex inħossuna tajjeb; per eżempju biex ma niddiżappuntawx lill-ġenituri jew lill-għalliema, tgħallimna ngħidu nofs verità u naħbu minnhom dak li nħossu li mhux se jieħdu gost bih. Ġieli wkoll proġettajna fuq l-oħrajn dak li ma jgħoġobniex fina; forsi waħħalna f’ħutna jew fil-ħbieb tagħna u għidna li għamlu dak li fil-fatt konna għamilna aħna. Din it-teknika li nkunu tgħallimna fi tfulitna donna tibqa’ magħna u għalhekk nispiċċaw nippuntaw subajna lejn l-oħrajn, nitkażaw bihom, nakkużawhom u nieħdu gost ngħidu ma’ kulħadd id-dnub tagħhom. Meta nagħmlu dan ma nkunu xejn għajr arroganti u nsolenti, kif kien il-Fariżew. Inutli mmorru nitolbu jekk immorru b’qalb magħluqa għal Alla u għall-oħrajn, inulti nitolbu jekk inkunu moħħna x’inhu jagħmel ħaddieħor, inutli nitolbu jekk moħħna jkun fil-ftaħir tagħna nfusna. Forsi mhux ta’ b’xejn li kultant inħossu li qed nitolbu għalxejn, għax meta nitolbu nkunu mimlijin wisq bina nfusna u ħfief biex niġġudikaw u nikkundannaw.
Ejjew illum neżaminaw ftit kif qed nersqu quddiem Alla fit-talb. Ejjew nagħrfu d-dell tagħna nfusna u nersqu kif aħna quddiem Alla nitolbu ħniena mingħandu u nħallu lilu jiġġustifikana.