Riflessjoni għat-33 Ħadd ta' matul is-sena.
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Naħseb li ħafna minna jafu xi jfissru: time-frames, deadlines, u target dates. Kultant imn’Alla jkollna lilhom biex immexxu, għax inkella nibqgħu nitratienu u nipposponu kollox għall-għada. Li jkollok deadline u timxi miegħu, hu mod effettiv biex tilħaq l-għanijiet tiegħek. Per eżempju l-istudenti tal-università jkollhom deadlines biex jippreżentaw l-assignments jew it-teżi tagħhom. Ħaddiema wkoll ġieli jkunu mmexxija minn time-frames u deadlines biex jillestu proġetti li jkunu qed jaħdmu fuqhom. Id-deadlines jinfluenzaw b’mod dirett il-pjanijiet futuri tagħna. Jitolbu minna dixxiplina u determinazzjoni, inkella ma naslu qatt għalihom. Li jkollok deadline twaslek ukoll biex tkun kapaċi telenka prijoritajiet u tagħżel dak li hu l-aktar importanti.
Fl-Evanġelju tal-lum għandna nies li xtaqu jkunu jafu x’inhu d-deadline tat-twettieq tal-wegħda tas-salvazzjoni; riedu jkunu jafu x’hinu t-timeframe li fih kien se jseħħ dak li Ġesù kien għadu kif ħabbrilhom: staqsew għall-meta. Kienu propju quddiem it-tempju maestuż ta’ Ġerusalem, x’ħin kienu qed jammiraw il-ġmiel tal-offerti li bih kien imżejjen, x’ħin Ġesù ħabbrilhom li ma kienitx se tibqa’ ġebla fuq oħra. B’din il-profezija, Ġesù ħabbar it-tmiem ta’ żmien, biex jagħti wisa’ għal żmien ġdid, li fih kellha titwettaq Saltna ġdida, is-Saltna ta’ Alla. Ġesù, min-naħa tiegħu, ma weġibx għall-mistoqsija tagħhom: ma tagħomx timeframes, anqas inkluda xi deadlines; ma qalilhomx meta kien se jseħħ dan. Ġesù aktar urihom il-bżonn li jagħrfu x’għandha tkun il-prijorità tagħhom huma u jistennew din il-wegħda sseħħ. L-importanti ma kienx it-tempju tal-ġebel u d-destin tiegħu, imma l-bini tat-tempju ħaj li ried jinbena minnhom fil-ħajja ta’ kuljum. Il-prijorità ta’ kull dixxiplu għandha tkun li jagħti xiehda biex jinbena dan it-tempju 'l ġdid ta’ Alla; dan irid isir b’mod imminenti, issa - ma jistax jistenna.
Verament li t-timeframes u d-deadlines jgħinu biex xi proġett jikkonkretiżża ruħu u jsir, imma jista’ jkun li xi wħud jinħlew fix-xejn u jispiċċaw ikaxkru saqajhom, għax iħossu li d-deadline għadu fil-bogħod. F’dan il-każ l-għażż jista’ jirbaħ lil dak li jkun b’tali mod li ma jirrealiżżax li ż-żmien għaddej; jasal il-jum u xorta waħda jsib li mhux ippreparat. Fit-tieni qari tal-lum San Pawl iwissi lit-Tessalonikin mill-għażż, għax f’din il-komunità kien hemm minn qed jinħela fix-xejn u bl-għażż tagħhom kienu qed jagħmlu nġustizzja – kienu qed jieklu dak li ma jkunux ħadmu għalih. Tgħid minn fostna l-insara maltin, hemm min qed jagħmel inġustizzja għax ukoll qed jirċievi paga bla ma jagħmel xejn? Tgħid hawn min qed jiekol dak li ma ħadimx għalih? Tgħid għandna min hu mirbuħ mill-għażż u jinħela fix-xejn? Forsi vera hawn ħafna minna jaħdmu u jirsistu bla waqfien, u bla dubju ta’ xejn għandhom bżonn jieqfu ftit u jiftakru li kollox għad jgħaddi u li ma se jieħdu xejn magħhom, imma hawn ukoll min qed jinħela u jaħli żmienu fix-xejn. Dawn ukoll iridu jieqfu u jirriflettu ftit, jiftakru li għad jasal il-jum li jridu jagħtu kont lil Alla ta’ għemilhom. L-għażż hu nuqqas ta’ sforz u nvolviment, minkejja li wieħed ikollu l-abbiltajiet biex iwettaq dak li hu mitlub minnu.
Irridu niftakkru li hemm ukoll għażż spiritwali. Kif għidna, il-Mulej qed jitlob minna, dixxipli tiegħu, li nagħtu xiehda. Hu jaf li aħna kapaċi nagħmlu dan, imma l-għażż jista’ jżommna lura milli nixhdu għalih. Jista’ jkun li nintrebħu minn dan l-għażż spiritwali minħabba l-biża’, jew id-diżappunt tagħna quddiem dinja ostili. Nistgħu nibqgħu ħalqna magħluq quddiem dinja nġusta minħabba li nafu li hemm ċans kbir li jippersegwitawna. Ġesù stess, fl-Evanġelju tal-lum, tkellem fuq dan. Qalilna li l-persekuzzjonijiet se niltaqgħu magħhom, imma m’għandhomx iwaqqfuna milli nagħtu xiehda, anzi jgħidilna li l-istess persekuzzjonijiet isiru okkażżjoni biex bihom nagħtu xiehda akbar quddiem id-dinja.
Ilum ejjew nirriflettu ftit kif qed nipparteċipaw fil-bini tas-saltna ta’ Alla, kif qed nagħtu xiehda. Quddiem din l-urġenza, ma nitażnux jew inkaxkru saqajna. Ilkoll mitluba nkunu ġusti u ngħixu b’konvinzjoni l-fidi tagħna u b’hekk nikkontribwixxu għall-era ġdida – żmien ġdid li ġġib magħha is-Saltna ta’ Alla.