Riflessjoni tas-6 Ħadd tal-Għid

Riflessjoni tas-6 Ħadd tal-Għid

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Niftakar waħda mil-logħob li konna nilgħabu fi tfulitna kienet il-logħoba: ‘tħobbni/ma tħobbnix’. Konna naqbdu fjura tal-lellux u waqt li naqtgħu petala wara l-oħra, ngħidu: ‘tħobbni/ma tħobbnix’. Il-petali li tibqa’ l-aħħar tiddetermina jekk il-persuna l-oħra tkunx tħobbok jew le – logħba hi!  Imma kultant fil-ħajja tagħna wkoll nilgħabu mal-imħabba. Ġieli jiġu mumenti fejn nħossu li aħna tassew maħbuba, imma ġieli ngħaddu minn perjodi fejn ma nħossux biżżejjed dik l-imħabba li għandna bżonn.  

X’jagħmel tassew imħabba? Forsi meta nkunu żgħar naħsbu li nkunu maħbubin meta xi ħadd jagħtina xi ħaġa tajba jew sabieħa. Bħala tfal konna nħoss li n-nanna tħobbna għax kull meta mmorru għandha tagħtina l-ħelu jew xi biċċa ċikkulata. Jew naħsbu li l-mama tħobbna għax issajrlina dak li jgħoġbna. Konna nindunaw li l-papa jħobbna meta joħroġna jew meta jagħtina dak li rridu.  Imma ma kienx ikun l-istess sentiment meta mmorru għand in-nanna u nibqgħu b’idejna vojta, jew meta l-ikel tal-mama ma kienx jgħoġobna, jew dak inhar li l-papa qalilna le għal dak li rridna.  Mhux l-ewwel darba niltaqa’ ma’ tfal li jirribellaw meta ommhom ma tagħtihomx il-ħelu li jkunu jridu jew il-mowbajl biex jilgħabu bih – tfal huma. Il-problema tkun jekk nibqgħu nilgħabu bl-imħabba anke’ meta nikbru!  Inkunu nilgħabu bl-imħabba, meta r-relazzjonijiet tagħna jkunu mibnija fuq dak li kapaċi nakwistaw u nieħdu mingħand xuxlin. Inħobbok sakemm għandi bżonnok u sakemm tibqa’ tissodisfa l-bżonnijiet tiegħi, inħobbok sakemm inħosni komdu miegħek u sakemm tibqa’ tagħtin gost, inħobbok sakemm għandek x’toffrili u sakemm nista’ nibqa’ nakwista mingħandek. Kemm realazzjonijet jispiċċaw ħesrem, anke’ dawk martimonjali, għas-sempliċi raġuni li ħadd mill-partijiet ma baqa’ jħoss xejn għall-parti l-oħra, jew għax il-persuna l-oħra ma għadiex tagħtih gost biżżejjed. X’imħabba din? Din ma hi xejn għajr logħba.

Tajjeb li nirrejaliżżaw li din il-logħba nistgħu nilgħabuha wkoll ma’ Alla. Jekk infittex lil Alla għax jien bżonnu jew inħobbu biex jagħtini dak li nitolbu, jekk nemmen f’Alla għax nibża’ li jista’ jikkastigani u fl-aħħar ma mmurx il-ġenna, inkun qed nilgħab ma’ Alla aktar milli nkun inħobb lil Alla. X’jiġri meta Alla ma jagħtiex li rrid? X’jiġri meta ma nibqax inħoss li għandi bżonnu? X’jiġri meta ma nħossux qrib tiegħu u preżenti f’ħajti? Meta l-imħabba tiegħi tkun imħabba tal-logħob faċli nitlaq u nabbanduna kollox.

Illum Ġesu’ jgħallimna kif għandha tkun il-vera Mħabba. Aktar minn kollox hi mħabba tal-għotja: ‘Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.’  Ikolli relazzjoni tassew ma’ Alla mhux meta nfittex li nieħu mingħandu, imma meta nfittex li nagħtih – inkun lest li nħares il-kmandamenti, fi kliem ieħor infittex li nagħmel aktar ir-rieda tiegħu milli tiegħi. Inħobb lil Alla għal dak li Hu u mhux għal dak li nista’ nakwista mingħandu. Meta nħobbu tassew it-talb tiegħi ma jibqax biss lista ta’ bżonnijiet li nressaq quddiem bit-tama li nakwista xi ħaġa, imma ssir esperjenza ta’ relazzjoni intima ma’ Alla l-Imbierek. Tersaq titlob bla ma tistenna xejn, imma kuntent li tkun miegħu, biżżejjed li tkun fil-preżenza tiegħu.

Bl-istess mod, l-imħabba vera twassal li jkollna relazzjoni vera mal-oħrajn. Relazzjoni li fiha tkun lest aktar li tagħti milli tirċievi. Is-servizz ikun il-motivazzjoni ewlenija tiegħek, għax fis-servizz tkun tista’ tesprimi l-istess imħabba li jkollok fik. Meta nħobbu nkunu lesti li nagħtu ħinna, l-enerġija tagħna, il-kapaċitajiet u l-abilitajiet tagħna lill-oħrajn, bla ma nistenna xejn lura. Hi mħabba bla kundizzjoni. Tkun lest li tibqa’ ma’ min ma għandux aktar x’joffrilek. Tibqa’ hemm anke waqt it-tbatija. L-imħabba twasslek biex tibni realzzjoni mal-persuna u mhux ma’ dak li l-persuna kapaċi tagħti.

Pero’ l-imħabba vera kif jurielna Ġesu’, twassalna fuq kollox biex nibnu relazzjoni vera magħna nfusna. Nkunu lesti li naċċettaw lilna nfusna kif aħna bla ma nistennew xejn l-anqas minna nfusna. Nagħrfu l-kwalitajiet tagħna, imma nibżgħux mil-limitazzjonijiet tagħna. Ir-riżulat ta’ dan hu l-ferħ fil-milja tiegħu, kif wiegħdna Ġesu’.

Ejjew nitolbu lill-Mulej ikompli jgħallimna l-Imħabba vera kif iħobb hu.