ŻMIEN MATUL IS-SENA “A” It-3 ĦADD TAR-RANDAN
ĠESÙ KRISTU: ILMA LI JAQTA’ L-GĦATX
L-1 QARI
Qari mill-Ktieb ta’ l-Eżodu.
Eż 17, 3-7
F’dak iż-żmien: Il-poplu qabdu l-għatx, u gemgem kontra Mosè, u qal: “Għalfejn tellajtna hawn mill-Eġittu? Biex toqtol lilna u ’l uliedna u l-bhejjem tagħna bil-għatx?” Mosè għajjat quddiem il-Mulej u qal: “X’se nagħmel lil dan il-poplu? Ftit ieħor u jħaġġruni.”
Il-Mulej qal lil Mosè: “Għaddi minn quddiem il-poplu, u ħu miegħek xi wħud mix-xjuħ ta’ Israel; ħu f’idejk il-ħatar li bih kont drabt ix-xmara Nil, u mur. Arani, jien noqgħod hemm quddiemek, fuq il-blat fil-Ħoreb; u int aħbat il-blat u toħroġ minnu l-ilma, u jixrob il-poplu.”
U Mosè hekk għamel quddiem ix-xjuħ ta’ Israel. U l-post semmewh Massah u Meribah, għax hemm tlewmu wlied Israel u ġarrbu lill-Mulej meta qalu: “Il-Mulej fostna jew le?”
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI
Salm 94
Illum jekk tisimgħu leħen il-Mulej, la twebbsux qalbkom.
Ejjew, ħa nfaħħru bil-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nidhru quddiemu b’għana ta’ radd-il-ħajr,
ngħannulu b’agħjat ta’ ferħ.
R/.
Ejjew inqimuh mixħutin fl-art,
għarkobbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna,
għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-ngħaġ tiegħu.
R/.
Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meribah,
bħal dak in-nhar f’Massah, fid-deżert,
meta ġarrbuni missirijietkom,
ippruvawni għalkemm egħmili raw.”
R/.
IT-2 QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.
Rum 5, 1-2, 5-8
Ħuti: Issa li għandna l-ġustifikazzjoni bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih nidħlu għal din il-grazzja li fiha ninsabu issa. Aħna niftaħru minħabba fit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla.
U t-tama ma tqarraqx bina, għaliex l-imħabba ta’ Alla ssawbet fina permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna. Meta kien il-waqt, u aħna konna għadna bla saħħa, Kristu miet għal dawk li kienu bla Alla. Wieħed bilkemm imut għal bniedem ġust, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed tajjeb. Iżda Alla wera mħabbtu lejna meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.
Il-Kelma tal-Mulej.
GLORJA U TIFĦIR LILEK, KRISTU!
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Mulej, inti tassew is-Salvatur tad-dinja;
agħtini l-ilma tal-ħajja,
biex ma jeħodnix il-għatx.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann
Ġw 4, 5-42
F’dak iż-żmien: Ġesù ġie f’belt tas-Samarija jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakob kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakob. Kien il-ħabta ta’ nofs in-nhar, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. Dak il-ħin waslet mara mis-Samarija timla l-ilma, u Ġesù talabha: “Agħtini nixrob.” – Għax id-dixxipli kienu marru l-belt biex jixtru x’jieklu. – Il-mara mis-Samarija qaltlu: “Kif! Int Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?” Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani.
U Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li talbek jixrob, kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj.” Hi qaltlu: “Sidi, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakob li tana dan il-bir li minnu xorob hu u miegħu wliedu u l-imrieħel tiegħu?”
Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa jagħtih il-għatx; imma kull min jixrob mill-ilma li nagħtih jien ma jkun qatt bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tnixxi ilma li jasal sal-ħajja ta’ dejjem.” Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sidi, biex ma jeħodnix il-għatx, anqas ma noqgħod ġejja u sejra nimla l-ilma.”
(Qalilha l-Mulej: “Mur sejjaħ ’il żewġek u erġa’ ejja hawn.” Wieġbet il-mara u qatlu: “Ma għandix żewġi.” Qalilha Ġesù: “Tajjeb qiegħda tgħid, ‘Ma għandix żewġi.’ Inti żżewwiġt ħames darbiet, imma r-raġel li għandek miegħek bħalissa mhuwiex żewġek. Weġibt is-sewwa.” Qatlu l-mara:)
“Int profeta, Sidi, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jinxteħtu jqimu ’l Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jqim ’l Alla jinsab f’Ġerusalem.” Qalilha Ġesù: “Emminni, mara: jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja tinxteħtu tqimuh lill-Missier, anqas f’Ġerusalem. Intom tqimu ’l dak li ma tafuhx; aħna nqimu ’l dak li nafuh, għax is-salvazzjoni mill-Lhud. Imma jiġi żmien, anzi ġa huwa issa, meta dawk li tassew iqimu lill-Missier jibdew iqimuh fl-ispirtu u l-verità. Għax il-Missier ukoll ifittex lil dawk li jqimuh hekk. Alla huwa spirtu, u dawk li jinxteħtu jqimuh għandhom jagħtuh il-qima tagħhom fl-ispritu u l-verità.” Qaltlu l-mara: “Jiena naf li ġej il-Messija, dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox ixandrilna.” Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek.”
(Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara; iżda ħadd minnhom ma staqsieh, ‘Xi tridha?’, jew, ‘X’inti tgħidilha?’ Il-mara ħalliet il-ġarra tagħha hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies: “Ejjew araw bniedem li tarrafli kull ma għamilt. Tghid, dan il-Messija?” U n-nies ħarġu mill-belt u marru ħdejh.
Sadattant id-dixxipli bdew igħidulu u jerġgħu jgħidulu: “Rabbi, kul.” Iżda hu qalilhom: “Jien għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih.” Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu ’l xulxin: “Jaqaw ġie xi ħadd ġieblu x’jiekol?”
Qalilhom Ġesù: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem il-ħidma tiegħu. Intom ma tgħidux li baqa’ erba’ xhur oħra għall-ħsad? Imma araw xi ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-egħlieqi ġa bjadu għall-ħsad. Il-ħassad jieħu ħlasu u jiġbor frott għall-ħajja ta’ dejjem biex min jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad. F’dan taraw kemm sewwa jingħad li ‘min jiżra’ huwa wieħed, u min jaħsad huwa ieħor.’ Jien bgħattkom taħsdu dak li mhux intom kontu li tħabattu għalih; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu tistgħallu t-taħbit tagħhom.”)
Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta qaltilhom, ‘Tarrafli kull ma għamilt.’ Tant li, meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Imbagħad żdiedu ħafna dawk li emmnu fuq kliemu. U lill-mara qalulha: “Issa mhux għax għidtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja.”
Il-Kelma tal-Mulej.
Ħsieb tal-Evanġelju minn Patri Jurgen Cucciardi O.Carm.: [youtube]http://www.youtube.com/watch?v=b2yiZX_RQUw[/youtube]