Riflessjoni għas-solennità tal-Epifanija tal-Mulej
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana
Ma nafx jekk il-logħba Noli għadiex l-aktar logħba popolari mat-tfal maltin. Xi sfida jkollu minn ikun bija biex isib lit-tfal kollha moħbija, min naħa u min oħra! Ikun hemm min ma tantx jissogra u jibqa’ viċin, biex ma jagħtix ċans lil xi ħadd moħbi jiġi jiġri u jagħtiehlu. Imma jkun hemm min jippreferi jissogra u jfittex kullimkien bit-tama li jsib lil kull min ikun moħbi u b’hekk jirbaħ il-logħba hu. Ħafna drabi kull rebħ jitlob xi ftit jew wisq riskju. Fil-fatt kull sport għandu xi element ta’ periklu marbut miegħu. U anke r-rebħ li jġib ferħ veru fil-qalb hu riskjuż u perikoluż.
Il-Maġi “mtlew ferħ kbir tassew,” hekk kif reġgħu raw il-kewkba għax kienu ndunaw li waslu fejn kien joqgħod it-tifel, għalihom kienet rebħa kbira. Imma biex waslu sa hawn irriskjaw bil-kbir. Il-ġrajja tal-Maġi nsibuha ppreżentata b’mod tant sabiħ fil-presepji u f’ħafna opri ta’ arti oħra. U bir-raġun għax hi storja sabiħa, sensazzjonali, u mimlija simboliżmu. Imma ma ninsewx li magħha għandha marbut element ta’ periklu kbir. Mhux biss periklu fiżiku, li jġib miegħu kull vjaġġ, l-aktar meta jgħaddi minn deżert u postijiet diżabitati, imma periklu reali li nsibuh f’kull mixja spiritwali. Min ifittex lil Alla b’mod sinċier jidħol fi triq riskjuża, mimlija nċertezzi, u li fiha xejn ma hu stabbli. Il-vjaġġ tal-Maġi kien vjaġġ perikoluż għax wassalhom biex (i) jiċċaħdu minn kull kumdità, (ii) ħaduha kontra l-poter tad-dinja u (iii) waslu biex jobdu u joqgħodu għall-ordnijiet mgħotija lilhom, flok baqgħu huma fil-kontroll ta’ kollox.
(i) Il-Maġi kienu studjużi u astrologi; x’aktarx kienu nies magħrufa u rispettati ferm f’arthom. Imma meta raw l-istilla, għażlu li jħallu ċ-ċertezzi tagħhom u jmorru lejn art li ma kienux jafu. Dan juri l-ewwel periklu tal-ħajja spiritwali: għax il-ħajja spiritwali titlob li titlaq is-sigurtajiet tiegħek u timxi lejn dak li ma tafx (the uknown). It-tfittxija vera ta’ Alla tkisser kull pattern li aħna mdorrijin bih u għalhekk ma tħalliniex fis-sigurtà falza tagħna. Min ifittex lil Alla b’mod ġenwin ma jistax jibqa’ fejn hu; il-fidi titlob moviment, u kull moviment jinvolvi riskju. Spiritwalment, dan ifisser li meta persuna twieġeb għas-sejħa t’Alla, ħajjitha ma tibqax tiġi kkontrollata mill-aptiti u nteressi personali.
(ii) Tul il-vjaġġ, il-Maġi waqfu Ġerusalemm biex jikkonsultaw mas-Sultan Erodi. Huma assumew li l-awtorità politika u reliġjuża kienet l-aħjar gwida biex tgħinhom jerġgħu jsibu t-triq. Imma minflok sabu minn ifixkilhom, flok jgħinhom jagħrfu r-rieda ta’ Alla. Erodi jirrappreżenta poter li jħossu mhedded quddiem il-preżenza t’Alla, u sar egoċentriku, panikuż u eventwalment perikoluż. Dan ifakkarna f’periklu ieħor li wieħed jista’ jiltaqgħa miegħu fil-mixja spiritwali, għax jista’ jiġri li jafda gwidi żbaljati. Faċli li nagħtu mportanza assoluta lil mexxejja kariżmatiċi, istituzzjonijiet jew xi status li nistgħu niksbu minflok nibqgħu nidixxernu r-rieda ta’ Alla għalina.
(iii) Meta fl-aħħar il-Maġi jiltaqgħu mat-tarbija Ġesù, joffru rigali u jadurawh. Iżda l-istorja ma tieqafx hemm. Imwissija f’ħolma, jirritornaw lejn pajjiżhom “minn triq oħra.” Dan id-dettall huwa kruċjali. Laqgħa vera ma’ Alla tbiddel id-direzzjoni tal-ħajja. L-akbar periklu tal-ħajja spiritwali jinsab fil-fatt li persuna ma tistax tibqa’ kif kienet. Li tiltaqa’ ma’ Kristu jfisser li tinbidel — il-valuri jiġu ordnati mill-ġdid, il-prijoritajiet jinqalbu u t-triqat jinbidlu. Il-maturità spiritwali thedded l-ego, l-identità u l-ambizzjonijiet ta’ qabel. Il-Maġi jagħżlu l-ubbidjenza minflok il-konvenjenza meta jirrifjutaw li jirritornaw għand Erodi. Dan seta’ poġġiehom f’riskju personali. L-ubbidjenza lejn Alla ħafna drabi tmur kontra l-aspettattivi tad-dinja u tista’ ġġib magħha konsegwenzi kbar. Għalhekk, l-ispiritwalità titlob kuraġġ, għax tgħaddina minn toroq ġodda fejn ma hemmx wisq sigurtà, approvazzjoni u suċċess.
Hu propju dan il-periklu li jagħmel il-vjaġġ sinifikanti. Bħall-Maġi, dawk li jimxu wara d-dawl jistgħu jiffaċċjaw inċertezza u riskju, iżda jsibu l-verità, il-ferħ u l-preżenza divina. Il-Maġi jgħallmuna li l-fidi vera titlob fedeltà lejn id-dawl li jwassalna lil hemm minna nfusna.
