Ċirkulari maħruġa mill-uffiċċju Parrokkjali rigward it-tibdil fil-ħinijet tal-Quddies fil-Mosta

Nixtieq navża li mill-ewwel t’ Ottubru il-quddiesa ta’ kuljum tas-6.30 ta’ filgħodu fil-Knisja Arċipretali u l-quddies tal-Ħadd fil-Kappelli ta’ Sant’Anton Abbati u tal-Isperanza mhux ser jibqgħu jsiru.

Għaldaqstant inħoss il-ħtieġa li nispjega kif hi s-sitwazzjoni.

Tlett snin ilu wara l-Viżta Pastorali, l-Arċisqof kien ordna li jitnaqqas il-quddies u jkun organiżżat aħjar. Fuq dan qatt ma ttieħdet azzjoni, pero’ issa hu l-waqt.

Ta’ min ifakkar li minn Novembru tas-sena 2004 (jiġifieri f’dawn l-aħħar għaxar snin) mietu seba’ (7) saċerdoti u naqsu xi saċerdoti minħabba li nagħtaw mandat ieħor barra l-parroċċa tal-Mosta. B’dan in-nuqqas bqajna nżommu il-quddies li kien isir anzi żdied xi quddies ieħor biex jingħata servizz aħjar. Insemmi, il-quddiesa tal-5.00 is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd fis-7.00 ta’ filgħaxija għaż-żgħażagħ fl-Oratorju tal-Qalb ta’ Ġesu’. Jidher li pastoralment dawn laħqu l-iskop tagħhom u jkollhom attendenza numeruża. Fiż-żona ta’ Ta’ Mliet żdiedet quddiesa kuljum fis-7.15 ta’ filgħodu wkoll.

Biss bħalma jafu ħafna, dan l-aħħar naqsu żewġ saċerdoti oħra u ieħor ikun spiss barra minn Malta minnħabba li qed ikompli xi studji. Għaldaqstant kellu jonqos xi quddies kif spejgajt aktar ’il fuq.

Ma jidhrilnix li b’daqshekk naqasna is-servizz. Biżżejjed ngħid li bejn is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd fil-Mosta fi bnadi u żoni differenti ser ikun hawn 22 quddiesa waqt li matul il-ġimgħa  ikollna 13 il quddiesa kuljum. Għal min ser isib diffikulta’ minħabba nnuqqas tal-quddiesa tas-6.30am matul il-ġimgħa infakkar li fl-istess ħin ikun hemm quddies fil-Pax et Bonum u għand is-Sorijiet Agostinjani. Għal dawk li ma jistgħux jiġu l-knisja minħabba li huma anzjani jew morda, u r-residenti fid-djar tal-anzjani, żdied in-numru tal-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin biex ikunu jistgħu jirċievu l-Ewkaristija fi djarhom aktar spiss.

Inħoss li għandi ngħid li s-saċerdoti tagħna jagħtu s-sehem tagħhom bis-sħiħ fil-parroċċa. Biss irridu nżommu quddiem għajnejna li x-xogħol tagħhom mhux biss li jqaddsu quddiesa jew tnejn jekk mhux tlieta wkoll. Anzi meta sacerdot iqaddes aktar minn quddiesa waħda f’ġurnata dan għandu jagħmlu meta jkun hemm bżonn pastorali serju u suppost jintalab il-permess tal-Arċisqof. Fil-parroċċa tal-Mosta barra l-Arċipriet, is-saċerdoti full time huma tnejn u dawn hemm minnhom li jagħtu servizz fl-iskejjel ukoll. Erba’ saċerdoti huma mpenjati full time minn fl-Universita’, minn fit-Tribunal Ekkleżjastiku, minn fl-Uffiċċju tal-Arċisqof, minn fil-Mużew tal-Katidral u min fis-Segretarjat tal-Kleru. Saċerdot ieħor iservi wkoll il-komunita’ Germaniża residenti Malta.

Min qiegħed iħoss għafsa ta’ qalb għax qed jaħseb li l-kapelli ta’ Sant’Anton Abbati u Tal-Isperanza ser jibqgħu magħluqin nistiednu jkellimni u nissuggerilu x’jista’ jsir biex dawn jibqgħu jintużaw b’mod qaddis u tajjeb. Basta jkun hemm min lest li jimpenja ruħu.

Nittama li spejgajt ruħi ċar u ma jkun hawn ilmenti bla bżonn. Iż-żminijiet jinbidlu u jkun meħtieġ li jsir addattament skond iċ-ċirkustanzi tal-mument. Napprezza ferm li tifhmu dan. Grazzi.

 

 

Dun Albert Buhagiar

Arċipriet