Riflessjoni għall-21 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Tletin sena ilu, għamilt l-ewwel esperjenza fl-Albanija. Kien tassew pajjiż fqir u tista’ tgħid li kulħadd kien fil-bżonn. Parti mix-xogħol kien li nippreparaw pakketti bil-ħwejjeġ u mmorru nqassmuhom fl-irħula. Meta wasalna lejn it-tmiem, ġiet mara titlobna biex ngħinu l-familji tar-raħal tagħha. Kien raħal ta’ madwar 120 familja. Imma kien għad baqa’ biss 60 pakkett. Għalhekk il-missjunarju, li kien qed jieħu ħsieb, talabha tagħmel lista ta’ l-aktar nies foqra fir-raħal biex dak li baqa’ jingħata lilhom. Ftehmna ġurnata u ġew għalihom, u niftakar li aħna morna warajhom biex naraw x’se jiġri. Imma ġara li l-lista li għamlet kienet kollha ta’ nies mill-familja, qraba u ħbieb tagħha u mhux ta’ min veru kien fil-bżonn. Niftakar li ma laħqux għajtu tlett ismijiet, x’ħin il-folla ndunat u b’rabja fuqhom daħlu fil-post fejn kien hemm il-kaxxi, fetħuhom u kulħadd ipprova jieħu li jista’! Miskina mara, ħadulha anke l-coat tagħha.
Li kieku kellna nkunu aħna li nagħmlu l-lista ta’ min se jsalva, ma nafx min ikun fiha. Nimmaġina li konna noqgħodu attenti li fil-lista jinżlu biss nies li nafu, jew li f’għajnejna jidhru minn tagħna. Meta Ġesù kien għaddej mit-toroq tal-ibliet u l-irħula, waqfu wieħed raġel Lhudi u staqsieh kemm nies se jsalvaw. Nimmaġina li dan ir-raġel, għax Lhudi kien iqis ruħu mal-ftit, peress li bħala poplu kienu l-poplu magħżul. Jista’ jkun li dan ir-raġel ma setax jaċċetta li pagani u dawk li ma kienux lhud, setgħu qatt xi darba jsalvaw. Donnu dan ir-raġel ried jikkonferma li fil-lista tal-ħajja ta’ dejjem hemm biss nies li jemmnu u jaħsbuha bħalu. Imma Ġesù flok wieġeb il-mistoqsija u qal jekk hux ftit jew le, wera l-bżonn tal-impenn fil-ħwejjeġ ta’ Alla. Mhux li tkun Lhudi jew nisrani l-aktar li jgħodd imma li tinpenja ruħek li tgħix il-kmandament tal-imħabba. Fil-ħajja ta’ dejjem mhux se jkun hemm il-ħbieb u l-ħbieb tal-ħbieb, imma se jkun hemm dawk kollha li lesti jilqgħu s-salvazzjoni li Alla joffri lil kull bniedem. “Jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqgħodu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla.” Waqt li dawk li jippretendu li huma għandhom dritt jidħlu fis-saltna għas-sempliċi raġuni għax huma Lhud jew nsara mgħammdin, jibqgħu barra u jgħidilhom: “ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!”
Il-qari tal-lum qed jistedinna għas-serjetà; ma nistgħux nibqgħu nieħdu b’mod leġġer dan il-kliem. Illum issib min jargumenta u jgħid li ladarba Alla hu ħanin, mela kulħadd sa jsalva. Tassew, aħna nittamaw li Alla jsalva lil kulħadd, imma niftakru li Alla ta l-libertà (free will) lil kulħadd; u kull bniedem jista’ jaċċetta jew jirrifjuta s-salvazzjoni. Alla ħanin imma hu wkoll ġust, u għax hu ġust ma jimponi s-salvazzjoni fuq ħadd. Min ma jridx lil Alla f’ħajtu, Alla jirrispetta, avolja kontra qalbu, id-deċiżjoni libera ta’ dak li jkun u jħallih. Ir-riżultat ta’ dan hu l-infern ( li Ġesù jiddeskrivi bħala biki u tgħeżżiż tas-snien). Għal kuntrarju, min b’libertà sħiħa jilqa’ u jwieġeb għas-salvazzjoni, Alla juri ħniena ma’ dak li jkun, anke jekk hu dgħajjef u midneb.
L-istedina tal-Mulej illum hi li nħalluh preżenti f’ħajjitna, u b’rieda libera nibqgħu nagħżlu li ngħixu qrib Alla, nilqgħu r-rigal tas-salvazzjoni li Alla fil-ħniena tiegħu jrid jagħtina, waqt li ninpenjaw ruħna biex nimxu fit-triq tal-Mulej, anke jekk din hi dejqa. Jekk irridu nsalvaw ma nistgħux nibqgħu spettaturi bilqiegda nħarsu u nikkumentaw fuq l-oħrajn, imma rridu nkunu aktar atturi (doers) tas-sewwa u l-ġid. Żgur li anke aħna għandna bżonn nisimgħu din il-kelma, għax donnu qed insibuha aktar komda li nibqgħu fil-gallarija bilqiegħda flok ninpenjaw ruħna fl-evanġelizzazzjoni. Fl-ewwel qari l-Mulej jgħid li se jibgħat xi wħud għand il-ġnus li qatt ma semgħu bih, biex huma wkoll jaraw is-sebħ ta’ Alla. Iva Alla qed jibgħat lili u lilek biex inwassluh fost dawk li ma jafux bih anke f’pajjiżna. Ejjew ma ngħedew qatt nagħmlu li nistgħu għall-glorja ta’ Alla.