Auto Draft

Riflessjoni għat-32 Ħadd tas-sena Liturġika

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Diġà bdejna nisimgħu bi Black Friday; jekk mhux sejjer żball issir fl-aħħar Ġimgħa ta’ Novembru. L-idea ta’ Black Friday ġiet impurtata f’pajjiżna mill-Amerika fl-aħħar snin imma jidher li qed tieħu popolarità ma’ diversi maltin. F’dan il-jum isir roħs ta’ prezzijiet fuq ħafna prodotti; tkun opportunità għal min jixtieq jaħseb għar-rigali tal-Milied.  Għal ħafna r-rigali jibqgħu wġiegħ ta’ ras mhux biss għax isibuha diffiċli biex jagħżlu rigali x’jixtru, imma wkoll għax ma jkunux jistgħu jonfqu kemm iridu. Tajjeb li niftakru eżatt x’inhu rigal, għax rigal mhux kwistjoni ta’ x’tagħti imma għaliex tagħtih. Aktar minn kollox li tagħti rigal hu ġest, li bih tinvesti f’relazzjoni. Hu mod ta’ kif tiċċelebra ħbiberija u fl-istess ħin tkun qed tkompli ssaħħah dik il-ħbiberija. Mhux l-ewwel darba li aktar nagħtu każ kemm jiswa r-rigal u kemm se nonfqu, milli kemm dak ir-rigal se jressaqni aktar qrib tal-persuna li nkun se nagħtiha r-rigal.  Ġieli rigal nqisuh bħala obbligazzjoni u għalhekk isir piż, jew għar u għar, isir mod biex nuru kemm aħna galantomi.  F’dan il-każ ma hu rigal xejn għax f’dik l-għotja hemm aktar l-interessi tagħna milli tal-persuna l-oħra.

Fl-Evanġelju tal-lum insibu lil Ġesù josserva nies li kienu qed jitfgħu l-offerti tagħhom fit-tempju; fost l-oħrajn kien hemm waħda mara fqira li tat b’rigal dak kollu li kellha. Ma kienx rigal kbir imma kien jiswa ħafna, għax kien jiswa 'l kollox tagħha – jidher li r-relazzjoni tagħha ma’ Alla kienet relazzjoni b’saħħitha, għax biex waslet li tagħti 'l kollox, sinjal li kienet temmen li Alla kien se jieħu ħsiebha Hu. Fl-istess ħin kien hemm diversi oħrajn li taw offerti kbar imma ftit jistgħu jitqiesu bħala rigali għax kienu frott iż-żejjed tagħhom. L-armla fqira ma ħassitiex obligata li tagħti xi ħaġa, l-anqas ma għamlet dan il-ġest biex tidher bħall-oħrajn. Ma fittxitx il-proset tan-nies, l-anqas setgħet tidħol f’kompetizzjoni ma’ min kien qed jagħti ħafna. Li għamlet għamlitu għax riedet u kien tassew rigal li ħiereġ mill-qalb anke jekk kien żgħir.  Mill-banda l-oħra jidher li nies oħra ħassewhom obligati li jagħtu ammonti kbar biex iżommu r-reputazzjoni tagħhom tajba f’għajnejn sħabhom. Ma tantx kien hemm wisq libertà f’dak li kienu qed jagħmlu. Mela x’rigal kien? X’offerta kienet?

Mhux la kemm toffri rigal lil Alla biex tesprimi r-relazzjoni tiegħek miegħu; Alla m’għandux bżonn l-ebda rigal minn tagħna, madanakollu fl-offerti tagħna nkunu qed niċċelebraw l’istess relazzjoni u fl-istess ħin ir-relazzjoni tkun qed tissaħħah. L-offerta li Alla jrid bħala rigal hu 'l kollox tagħna - lilna nfusna. Hu jrid li aħna nafdawh b’għajnejna magħluqa.  Li nagħtu 'l kollox u li nafdaw lil Alla hu l-akbar mod li bih nistgħu nħobbu lil Alla b’dak kollu li aħna kif smajna fl-Evanġelju tal-Ħadd li għadda. Fl-ewwel qari tal-lum insibu li Elija, bniedem li kien lest li jafda lil Alla f’mument ta’ nixfa, li ġab għaks u ġuħ kbir. Elija siefer lejn Serafta, belt pagana, għax Alla wegħdu li hu kmanda waħda mara biex tagħtih jiekol u jixrob. Imma meta wasal ma sabx xi mara sinjura li kellha abbundanza ta’ ikel, imma kulma sab kienet armla fqira; kif setgħet armla fqira tipprovdilu l-ikel u x-xorb fi żmien ta’ għaks? Anqas hi ma kellha biżżejjed għaliha u għal binha.  Imma Elija mhux biss afda lil Alla, imma wassal lil din il-mara pagana biex hi wkoll tafda lil Alla. Il-mara afdat u għamlet li qalilha l-profeta, tat 'l kollox tagħha u b’riżultat ta’ dan, iż-żejt u d-dqiq ma spiċċawx. Tat il-ftit li kellha u sabet li r-riżorsi tagħha mmultiplukaw; tant li kellha biżżejjed għaliha, għal binha u għall-profeta.

Meta nafdaw u nagħtu 'l kollox lil Alla bħala rigal, nesperjenzaw il-kobor tal-Providenza tiegħu; ir-rigali li Alla jagħti lil min jagħtih 'l kollox huma ferm abbundanti. San Gorg Preca kien jgħid: “aħna għandna Alla galantom, għax jagħti bil-mija fil-wieħed.” Ejjew nagħtu ċans lill-providenza ta’ Alla turi l-qawwa tagħha u aħna wkoll naraw ħwejjeġ kbar. Ejjew nemmnu aktar fil-providenza ta’ Alla milli nserrħu rasna fuq il-flus li nġemmgħu, l-insurances u r-riżorsi umani.  Ejjew inkunu lesti li nagħtu b’rigal minn dak li għandna bil-qalb kif għamlet l-armla ma’ Elija, kif għamlet l-armla fqira tal-Evanġelju; niftakkru li bil-kejl li nkejlu jiġi mkejjel lilna. Matul din l-ġimgħa nkunu ftit aktar ġenerużi ma’ Alla u mal-oħrajn, ħalli nduqu ftit aktar il-kobor tal-providenza tiegħU.