Il-Miraklu tal-Bomba
It-Tieni Gwerra Dinjija kienet realtà tal-waħx għall-gżejjer Maltin. Malta kienet l-aktar post ibbumbardjat fid-dinja, u l-Mosta ma kellha l-ebda tama li tiskappa din it-traġedja. Peress li kienet qrib ħafna tal-ajrudrom ta’ Ta’ Qali, ir-raħal kien fil-mira tal-ajruplani tal-għadu li kienu qed jattakkaw l-ajrudrom. Il-bombi bdew jaqgħu fuq id-djar u qatlu n-nies, iżda fid-9 ta’ April 1942 intlaqtet saħansitra l-knisja. Bin-nies jitolbu ġewwa, waħda mill-bombi nifdet il-koppla u waqgħet mal-art fil-knisja mingħajr ma splodiet. Għall-Mostin dan kien miraklu. Ħadd ma miet u l-knisja ma nqerditx. Aktar il-quddiem, biex ifakkru din il-ġrajja, il-Mostin waqqfu monument fis-sagristija biex kulħadd jibqa’ jiftakar dik li għalihom kienet l-interċessjoni mirakuluża tal-Madonna biex issalva l-knisja tagħha u tagħhom.