Qari u Hsieb tal-Ghid il-Kbir

L-Għid il-Kbir

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”         HADD IL-GĦID

IL-JUM QADDIS TAL-QAWMIEN

TAL-MULEJ MILL-IMWIET

 

L-1 QARI – Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli. – 10, 34a, 37-43

F’dak iż-żmien: Pietru qabad jitkellem u qal: “Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni xandar il-magħmudija: kif Alla kkonsagra ’l Ġesù ta’ Nażaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq ’il dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu.

U aħna xhieda ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm. Tawh il-mewt billi dendluh ma’ salib. Imma Alla qajmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lilna, bħala xhieda li Alla għażilna minn qabel, aħna li miegħu kilna u xrobna wara li qam mill-imwiet. Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li hu dak li ġie magħmul minn Alla imħallef tal-ħajjin u tal-mejtin.

Għalih jagħtu xhieda l-profeti kollha: li kull min jemmen fih jaqla’ f’ismu l-maħfra tad-dnubiet.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI – Salm117


Dan hu l-jum li għamel il-Mulej: ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax it-tjieba għal dejjem!
Ħa jgħid Israel:
It-tjieba tiegħu għal dejjem!  R/.

Il-leminija tal-Mulej marret minn fuq,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!
Ma mmutx, imma ngħix,
u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.  R/.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. R/.

Għat-Tieni Qari tingħażel silta mit-tnejn li ġejjin.

IT-2 QARI – Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin. – 3, 1-4

Ħuti: Jekk intom irxoxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk ta’ l-art.

Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fis-sebħ.

Il-Kelma tal-Mulej.

jew:

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. – 1 Kor 5, 6b-8

Ħuti: Ma tafux li ftit ħmira ttella’ l-għaġna kollha? Naddfu ’l barra l-ħmira l-qadima ħa tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira. Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul. Nagħmlu festa, mela, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.

Il-Kelma tal-Mulej.

SEKWENZA
Ħa jgħollu l-insara b’tifħirhom
il-Vittma tal-Għid:
għax feda l-Ħaruf in-ngħaġ tiegħu
mill-jasar tal-mewt;
Ġesù reġa’ ħabbeb il-midneb
ma’ Alla l-Missier.

F’taqbida tal-għaġeb mal-Ħajja
inqerdet il-Mewt;
u qam Sid il-ħajja mill-qabar,
isaltan rebbieħ.

Għidilna, Marija, ħabbrilna:
Fit-triq ’il min rajt?

“Jien rajt qabar Kristu li rxoxta
fis-sebħ tal-qawmien;
rajt l-Anġli li ġew jagħtu xhieda,
il-faxxa, l-liżar.
Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi,
li fih ittamajt!
Mar hu l-Galilija qabilkom:
hemmhekk se tarawh.”

Oh, nemmnu li llum Kristu rxoxta
tassew mill-imwiet!
Int mela, Sultan, ħenn għalina,
O Kristu rebbieħ.
Amen! Hallelujah!

HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Il-Ħaruf tal-Għid tagħna,
li hu Kristu, hu maqtul:
nagħmlu mela festa fil-Mulej.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU –  Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. – 20, 1-9

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marjam ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor il-maħbub ta’ Ġesù , u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh.”

Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru, u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel mixħutin hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel mixħutin, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mgeżwer u mixħut għalih.

Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal wkoll, ra, u emmen.

Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li kienet tgħid li kellu jqum mill-imwiet.

Il-Kelma tal-Mulej.

Fil-Quddiesa ta’ filgħaxija ta’ llum jista’ jinqara l-Evanġelju li ġej:

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa. – Lq 24, 13-35

Dak in-nhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, sittin stadju ’l bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jistaqsu ’l xulxin, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh.

U hu qalilhom: “X’intom titħaddtu bejnietkom intom u mexjin?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuqhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Int waħdek f’Ġerusalemm il-barrani li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”

“X’ġara?” staqsiehom. Qalulu: “Fuq Ġesù ta’ Nażaret, li kien profeta, setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Israel; iżda mbagħad fuq kollox, ġa għaddew tliet ijiem fuq din il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-ġisem tiegħu ma sabuhx, u ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”

Imbagħad qalilhom Ġesù: “Kemm intom bla għaqal u moħħkom tqil biex temmnu dak kollu li qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jgħaddi minn dawn il-ħwejjeġ u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-profeti kollha ifissrilhom kull ma kien hemm fuqu fl-Iskrittura.

Meta qorbu ħdejn ir-raħal fejn kienu sejrin, hu għamel tabirruħu li se jibqa’ sejjer ’il bogħod. Iżda huma riedu jżommuh u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jispiċċa.” Imbagħad daħal joqgħod magħhom.

U waqt li kien fil-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qasmu u tahulhom. Għajnejhom imbagħad infetħulhom u għarfuh, iżda hu kien għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinetx imħeġġa qalbna ġewwa fina waqt li kien qiegħed ikellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”

Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu l-Ħdax u ’l sħabhom miġburin flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”

U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq u kif għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

Il-Kelma tal-Mulej.

 

Ħsieb tal-Evanġelju minn  Patri Jurgen Cucciardi O.Carm.: [youtube]http://www.youtube.com/watch?v=hjGhgWGNQbo[/youtube]