Qari u ħsieb tat-2 Ħadd tal-Għid

It-Tieni Hadd tal-Għid

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”         It-tieni Hadd tal-Għid

AĦNA: IL-FAMILJA TA’ ALLA

 

L-1 QARI – Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli. – 2, 42-47

F’dak iż-żmien: Id-dixxipli kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim ta’ l-appostli u fil-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb. Waqa’ mbagħad biża’ fuq kulħadd: għax ħafna kienu l-għeġubijiet u s-sinjali li kienu jsiru mill-appostli.

Dawk kollha li kienu jemmnu kienu lkoll flimkien, u kellhom kollox flimkien bejniethom; kienu jbigħu ħwejjiġhom u ġidhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skond il-ħtieġa ta’ kull wieħed.

U kuljum kienu jmorru t-Tempju flimkien, kienu jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jieħdu l-ikel tagħhom bi qlub ferħana u safja. Kienu jfaħħru lil Alla, u l-poplu kollu kien iġibhom. U minn jum għal ieħor il-Mulej kien iżidilhom magħhom ’il dawk li kellhom ikunu salvi.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI – Salm 117


Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Ħa jgħid Israel:
It-tjieba tiegħu għal dejjem!
Ħa tgħid id-dar ta’ Aron:
It-tjieba tiegħu għal dejjem!
Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:
It-tjieba tiegħu għal dejjem!  R/.

B’saħħithom kollha mbuttawni biex naqa’;
imma l-Mulej tani l-għajnuna.
Il-qawwa tiegħi u l-għana tiegħi l-Mulej,
Hu s-salvazzjoni tiegħi.
Għajat ta’ ferħ u rebħ
jinstema’ fl-għerejjex tat-tajbin:
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!  R/.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej:
ħa nifirħu u nithennew fih!  R/.

IT-2 QARI – Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu. – 1 Pietru 1, 3-9

Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena kbira tiegħu tana twelid ġdid li jwassalna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet, u għal wirt li la jitħassar, la jittebba’ u anqas jinxef. Dan il-wirt hu merfugħ għalikom fis-sema, għax intom tinsabu taħt il-ħarsien tal-qawwa ta’ Alla bil-fidi tagħkom fis-salvazzjoni, li hi lesta biex tidher fl-aħħar taż-żminijiet.

Għalhekk għandkom tifirħu, ukoll jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtieġ tgħaddu min-niket ta’ ħafna provi. Hekk is-sinċerità tal-fidi tagħkom – li tiswa wisq aktar mid-deheb ippruvat bin-nar u li jintemm – tgħaddi mill-prova u fl-aħħar ikun jistħoqqilha t-tifħir u l-glorja u l-ġieh meta jidher Ġesù Kristu. Intom lilu ma rajtuhx, imma tħobbuh; u, waqt li issa temmnu fih, għalkemm ma tarawhx, tifirħu b’ferħ li ma jitfissirx u ma jitqjiesx, hekk tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom, is-salvazzjoni ta’ ruħkom.

Il-Kelma tal-Mulej.

HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.

Tumas, emmint għax rajtni, jgħid il-Mulej;
henjin dawk li ma rawx u emmnu.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. – 20, 19-31

Dak il-Ħadd filgħaxija, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mill-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Il-paċi magħkom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw il-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Il-paċi magħkom! Kif Missieri bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu: id-dnubiet ta’ dawk li taħfru jkunu maħfura, u d-dnubiet ta’ dawk li żżommu jkunu miżmuma.”

Wieħed mit-Tnax, Tumas, imlaqqam it-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.” Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka ta’ l-imsiemer, jekk ma nqegħidx sebgħi fuq il-marka ta’ l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jiena ma nemminx.”

Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa u Tumas kien magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Il-paċi magħkom!” Imbagħad qal lil Tumas: “Newwel sebgħek ’il hawn u ara idejja, u ġib idek u qegħidha fuq ġenbi: qis li ma tonqosx fik il-fidi, iżda emmen.” Wieġbu Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”

Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu biex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija Bin Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’Ismu.

Il-Kelma tal-Mulej.

Ħsieb tal-Evanġelju minn  Patri Jurgen Cucciardi O.Carm.: [youtube]http://www.youtube.com/watch?v=6TegtxhBilE[/youtube]