Riflessjoni għad-19 -il Ħadd ta’ matul is-Sena

Riflessjoni għad-19 -il Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Tiftakru fil-bidu tal-lockdown?  Kemm nies erħewla lejn is-supermarkets u xtraw fuq li xtraw ikel u prodotti neċessarji biex ikunu ppreparati għal dan iż-żmien? Ħafna ħwienet spiċċaw bl-ixkaffef vojta.  Ħafna nies bdew jibżgħu li mhux se jkollhom biżżejjed u għalhekk ħasbu fuq li ħasbu. Ħadd ma kien jaf minn x’hiex se ngħaddu, b’hekk ma tagħti tort lil ħadd. L-inċertezza ħolqot ħafna ansjetà f’diversi nies, u l-ansjetà twasslek biex tipprepara sew.  L-istess beda jiġri meta faqqet il-gwerra fl-Ukraina u bdejna nisimgħu dwar x’effetti din il-gwerra setgħet tħalli fuq id-dinja.  Kulħadd iħoss li għandu jkun ippreparat sew hekk kif jisma’ aħbar bħal din! Ħadd ma jrid jinqabad mingħajr ikel u mingħajr l-affarijiet l-aktar neċessarji għall-ħajja.  Il-problema tqum meta ma tkunx avżat u ma tkunx taf x’se jiġri. Bla dubju ta’ xejn l-inċertezzi jżidu l-ansjetà fil-bniedem. Ovvjament meta tkun taf, tista’ tipprepara. Għax kif ngħidu fil-qawl malti: il-bniedem avżat nosfu armat.

Ilum donnu li l-ansjetà saret xi ħaġa komuni, mhux biss waqt xi pandemija jew xi tgħeddida ta’ gwerra jew inkella quddiem xi traġedja, imma tinħass anke tista’ tgħid f’kollox.  Spiss nitkellmu minn stress u burnouts. Bla ma trid tistaqsi: imma x’inhu jiġri? Jista’ jkun li dan hu riżultat ta’ insigurtajiet ta’ u sitwazzjonijiet inċerti li spiss qed inħabbtu wiċċna magħhom? Hemm ħafna x’jista’ jmur ħażin.

Imma tajjeb li nżommu f’moħħna li l-insigurtà u l-inċertezzi, kif ukoll l-istress u l-ansjetà m’humiex xi ħaġa ta’ żmienna biss. Ejjew nimmaġinaw is-sitwazzjoni tal-ewwel insara, meta kienu jistennew minn ġurnata għall-oħra l-mewt. Kienu qed jiġu ppersegwitati; kull jum kienu jisimgħu stejjer ta’ sħabhom li kienu qed jiġu arrestati, imressqa quddiem il-qrati u tinqgħatalhom għall-mewt. X’żamm lil dawn in-nies sodi u ma tkaxkrux mill-ansjetà minkejja li s-sitwazzjoni ma kienitx waħda feliċi. Bla dubju ta’ xejn kienet il-fidi tagħhom f’Ġesù. Quddiem il-persekuzzjoni u diffikultajiet oħra kienu jħallu l-vuċi ħelwa tal-Mulej tidwi f’moħħhom u f’qalbhom. Kienu jisimgħu l-kliem: “merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!” Dan il-kliem jista’ jnaqqas ukoll l-ansjetà tagħna, kif naqqas l-ansjetà fl-ewwel insara. Il-Mulej jixtieq li nkunu stress free, u għalhekk jgħidilna wkoll biex ma ninkwetawx fuq il-ġid materjali u fuq teżori li jistgħu jinsterqu u jispiċċaw bil-kamla u s-sadid. Kemm innaqsu nkwiet jekk ma nintrabtux ma’ ħwejjeġ temporanji! 

Biex inkunu stress free, il-Mulej ifakkarna li aħna qaddejja u mhux sidien.  Is-sid li għandu għalfejn jinkwieta, għax għandu x’jitlef.  Qaddej ma tantx għandu wisq x’jitlef u għalhekk waqt li jipparteċipa mill-ħajja tad-dar, jieħu sehmu mill-mejda tal-ikel u jgħix fid-dar, m’għandux għalfejn joqgħod iħabbel moħħu ta’ kif se jipproteġi dak li għandu. Iżda b’daqshekk ma jfissirx li għandu jintelaq u jitraskura l-ġid tas-sid.  Għal kuntrajru, qaddej tajjeb jimpurtah u jixtieq il-ġid lis-sid. Il-Mulej jixtieq li nkunu tassew qaddejja, alert u attenti għal kull dettal. Iridna nagħqduh kull meta jidher quddiemna f’persuni oħra, naqduh fl-imħabba kull meta jidher quddiemna fiċ-ċkejknin u l-bagħtuti, l-imwarrbin u l-emarġinati. Ħenjin aħna jekk ma ngħejjew qatt naqdu mill-aħjar li nistgħu. Ix-xewqa li nilqgħu u naqdu lil Ġesù żżommna nishru u attenti u b’hekk imħejjija biex meta jasal iż-żmien inħallu din id-dinja u ngħaddu għad-dinja l-oħra.  

Dan id-diskors jista’ wkoll jimliena b’ansjetà. Quddiem il-mewt nitħawdu u nitfixklu imma tajjeb li nħalli kliem Ġesù fl-Evanġelju tal-lum iqawwina, għax uriena b’mod ċar li s-Saltna ta’ Alla hi ċelebrazzjoni, hi festa mqabbla ma’ festa ta’ tieġ.  Ninsabu f’nofs il-festa tal-parroċċa fejn nifirħu waqt li nagħtu ġiegħ lil Marija Santissma, hi li tinsab fil-glorja tas-sema. Hi qed tipparteċipa fil-festa tat-tieġ tal-ħaruf u għalhekk waqt li niċċelebraw din il-festa fuq l-art, ejjew nixxenqu li jkollna sehem fil-festa tas-sema. Inkunu mħejjija għal dan il-jum billi nkunu tassew qaddejja fidili tal-Mulej.