Riflessjoni għad-29 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Tradizzjonalment fuq il-flus Ingliżi nsibu l-immaġni tar-re jew tar-reġina attwali tal-monarkija Ingliża. Fuq il-flus Amerikani nsibu l-immaġni ta’ presidenti u nies importanti tal-istorja Amerikana. Hemm numru ta’ pajjiżi li jagħżlu wkoll li jkollhom l-immaġni ta’ presidenti u nies prominenti tal-pajjiż fuq il-karti tal-flus tagħhom. Din l-użanza tmur lura għal eluf ta’ snin. Anke l-flus Rumani kienu jġorru fuqhom wiċċ l-imperatur. Fl-Evanġelju tal-lum għandna lil Ġesù jistaqsi għall-munita biex ikun jista’ jwieġeb għall-mistoqsija li għamlu l-qaddejja tal-Fariżej u l-Erodjani. X’kien hemm fuq din il-munita? Fuq naħa kien hemm il-wiċċ ta’ Ċesare Tiberju bil-kitba Tiberius iben tad-divin Awgustu u fuq in-naħa ta’ wara kien hemm figura ta’ mara b’xetru f’idha u fergħa fl-id l-oħra. Din kienet omm l-imperatur Tiberju. Kienet xbieha ta’ alla mara, li kellha awtorità divina u sinjal ta’ paċi. Il-kitba li kien hemm magħha kienet ‘il-qassis il-kbir.’ Tiberju kien iqis lilu nnifsu alla, qassis il-kbir u sultan tas-sliem; ried li n-nies tħallas it-taxxa biex ikun jista’ jinħaraq l-inċens quddiemu. Tiberju kien bniedem li għamel lilu nnifsu alla. Il-Fariżej inqdew b’din ir-realtà biex jonsbu lil Ġesù. Kienu jafu li Ġesù ma seta’ qatt jaċċetta d-divinità tal-imperatur u għalhekk, jekk jgħid li hu sewwa li titħallas it-taxxa biex jinħaraq l-inċens quddiem Tiberju, ikun qed jikser it-Torah (il-liġi ta’ Alla). Mill-banda l-oħra, jekk jgħid li t-taxxa m’għandhiex titħallas, kienu jkunu l-Erodjani li jakkużawh bħala ribelluż u li qed jeħodha kontra r-Rumani, u żgur li kien jaqlagħha mingħand ir-Rumani.
Riflessjoni aktar profonda toħroġ mill-mod ta’ kif Ġesù tratta din il-kwistjoni. Ġesù staqsa dwar ix-xbieha ta’ fuq il-munita: “Ta’ min hu dan il-wiċċ?” Din il-mistoqsija tista’ twassalna għal mistoqsija oħra: “Jekk munita ġġorr ix-xbieha ta’ Ċesari, min iġorr ix-xbieha ta’ Alla?” Il-Ktieb tal-Ġenesi jgħidilna: “U Alla ħalaq il-bniedem fuq ix-xbieha tiegħu; fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom” (Ġenesi 1:27). Il-bniedem, għalhekk, huwa x-xbieha ta’ Alla. Il-munita ġġorr xbieha maħluqa mill-bniedem, iżda l-bniedem innifsu jġorr ix-xbieha ta’ Alla. Il-valur veru tal-bniedem ma jiddependix mill-poter, mill-pożizzjoni soċjali, mill-flus jew mill-opinjoni tal-oħrajn. Dan ifisser li l-identità l-aktar profonda tagħna ma tiġix minn dak li nipproduċu, mill-karriera tagħna jew minn dak li oħrajn jaħsbu dwarna. Tiġi mir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u mid-dinjità li tana bħala wliedu.
Bħala bnedmin, kultant noħolqu xbihat tagħna nfusna, u nqisu lilna nfusna bħala superjuri. Infittxu l-ġieħ mill-oħrajn (likes u kumplimenti). Faċli naraw lilna nfusna f’dak li nkunu ħloqna aħna stess. Nidentifikaw ruħna ma’ l-invenzjonijiet tagħna; inħarsu lejn dak li noħolqu u naraw kemm aħna superjuri u ntelliġenti. Jekk naħsbu li lħaqna l-quċċata u sirna allat, faċli nfittxu min jinċensana u jinżel għarkupptejh quddiemna. U nieħdu fuqna dak li hu ta’ Alla biss. Niftakru għalhekk li aħna wlied Alla, maħluqin biex inħobbu, naqdu, naħfru u ngħixu f’komunjoni miegħu. L-Evanġelju tal-lum jħeġġiġna ngħixu b’responsabbiltà fuq din l-art, iżda qatt ma ninsew minn fejn ġejna u lejn xiex aħna mexjin; niftakru li aħna maħluqa minn Alla u li d-destinazzjoni tagħna hija s-Sema. Hekk inżommu postna. U sakemm naslu f’pajjiżna s-sema, għandna dmirijiet lejn is-soċjetà, waqt li wkoll għandna sejħa biex ngħixu skont il-valuri tas-Saltna ta’ Alla.
Bħalissa l-Knisja qed tinvolvi ruħha fid-diskussjoni li għaddejja dwar ir-realtà tal-invenzjoni straordinarja tal-AI. Il-ħolqien tal-AI qed jidher superjuri, u fuq kollox għax tassew li bl-AI qed isiru ħwejjeġ kbar, imma rridu noqogħdu attenti li ma nagħtuhx il-post ta’ alla u nibdew naħsbu li l-AI sar kollox u li ma baqax aktar post għal Alla fid-dinja. Dan ifisser li nagħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla; inkunu ċittadini li nagħmlu użu responsabbli minn kull invenzjoni inkluż l-AI, inkunu onesti u ġusti ma’ kulħadd bla ma nużaw l-intelliġenza tagħna biex neħduha kontra l-oħrajn. Imma ejjew nagħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla, u noffrulu qalbna, ħajjitna u l-imħabba tagħna.
Illum nirrifletti ftit u nara kif ix-xbieha ta’ Alla qed tidher fija u fl-oħrajn. Niftakar li l-identità tiegħi qed neħodha minn Alla nnifsu li ħalaqni u li m’għandix bżonn infittex l-approvazzjoni tal-oħrajn, l-inċensar u t-tifħir tan-nies jew li ngħoġob lil xi ħadd għajr lil Alla waħdu.
