Riflessjoni għal 19 -il Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Ħafna drabi nippreferu ngħixu ħajja li toffri stabbiltà: nixtiequ dar komda li tagħtina kenn, xogħol li jassigura għixien deċenti, relazzjonijiet stabbli; nixtiequ li nkunu b’saħħitna u li jkollna rutina li toffrilna serħan il-moħħ. Meta nkunu nafu x’se jiġri għada, nħossu li għandna aktar kontroll tal-ħajja. Ċerta stabbiltà hija meħtieġa biex inkunu f’postna fil-ħajja. Iżda hemm mumenti fejn Alla jistedinna għal avventura u jimbuttana biex niċċaqalqu ftit mill-istess stabbiltà; jistedinna biex nagħmlu pass ’il hinn minn dak li hu komdu u familjari. Jekk naċċettaw din l-isfida, nindunaw li nikbru u nimmaturaw aktar. Hekk jiġri meta nżuru postijiet ġodda, nitilgħu xi muntanja għolja għall-ewwel darba, meta nibdew naqraw xi ktieb ġdid li joffri ideat differenti, meta nitgħallmu ħiliet ġodda, jew niltaqgħu ma’ nies li jwessgħu l-orizzonti tagħna, f’dawn il-mumenti niskopru li d-dinja hi ferm akbar minn dik li mdorrijin fiha. Kull darba li noħorġu miż-żona tal-kumdità tagħna, niskopru kapaċitajiet ġodda li qatt ma konna nobsru li għandna. Ħajja li dejjem tipprova tevita kull riskju ssir ħajja monotona u bla interess partikulari.
Il-Kelma ta’ Alla llum tgħallimna li l-istabbiltà li noħolmu biha f’din id-dinja hija wisq fraġli. Il-baħar jista’ jinbidel f’ħakka t’għajn. Il-pjanijiet jistgħu jitfarrku. Is-saħħa tonqos. Persuni li nistrieħu fuqhom ukoll kapaċi jonqsuna. Għalhekk, il-mistoqsija mhijiex jekk hux se jqum il-maltemp jew le fil-ħajja tagħna (għax se jqum żgur), imma fuq xiex qed nibnu s-sigurtà tagħna. L-ewwel qari, Elija jidher quddiemna bħala profeta għajjien, diżappuntat u mbeżża’. Kien qed jaħrab minn dawk li kienu qed ifittxulu ħajtu, għax kien għamel xogħolu, u stenna li Alla jidħol għalih bis-setgħa tiegħu – stenna li Alla juri l-qawwa tiegħu bħalma kien għamel fl-imgħoddi. Imma Alla ma weriex il-preżenza tiegħu fil-qawwa tar-riefnu, lanqas fit-terremot jew fin-nar. Imma Alla wrieh il-preżenza tiegħu b’mod ġdid – “f’żiffa ħelwa.” Hekk Elija għaraf li Alla mhux dejjem ineħħi l-maltemp ta’ barra, imma ħafna drabi jikkalma l-maltemp ta’ ġewwa. Il-qawwa tiegħu mhijiex dejjem xi ħaġa spettakolari, anzi, ħafna drabi hi waħda siekta u kostanti. Huwa jagħti stabbiltà lill-qalb, aktar milli stabbiltà fid-dinja ta’ madwarna; anke jekk id-dinja ta’ madwarna hi mħawda, xorta Alla kapaċi jagħti l-paċi tal-qalb, kif ta lil Elija.
Fl-Evanġelju naraw l-istess realtà. Id-dixxipli kienu jqisu li d-dgħajsa kienet il-post tas-sigurtà tagħhom. Id-dgħajsa kienet il-mezz tat-trasport tagħhom, l-għodda tax-xogħol tagħhom, kif ukoll kienet twassalhom sax-xatt meta kien ikun hemm il-maltemp. Imma fl-Evanġelju tal-lum għandna storja differenti. Id-dixxipli għarfu li lanqas id-dgħajsa tagħhom ma setgħet tipproteġihom mir-riħ u l-mewġ. Dak li deher stabbli, f’daqqa waħda sar instabbli. Hu propju f’dan il-mument fejn Pietru għamel dak li qatt ma kien għamel qabel; għamel dak li ħaddieħor ma kellux il-kuraġġ jagħmel. Pietru ħalla s-sigurtà tad-dgħajsa u niżel fuq l-ilma; afda s-sigurtà tiegħu fl-Imgħallem. Sakemm għajnejh kienu ffissati fuq Ġesù, irnexxielu jimxi, anke fuq l-ilma. Mhux għax il-baħar kien ikkalma, imma għax il-fiduċja tiegħu kienet akbar mill-biża’ li ħakmet lilu u lil sħabu. Iżda hekk kif il-ħarsa tiegħu ma baqgħetx fuq l-Imgħallem u ta aktar każ tar-riħ u l-mewġ, beda jegħreq. Kemm hi attwali din ix-xena! Illum ngħixu f’dinja fejn kollox jidher jinbidel malajr: l-ekonomija, it-teknoloġija, il-politika, il-valuri, il-familji. Ħafna jgħixu b’ansjetà għax ifittxu ċertezzi li d-dinja ma tistax tagħti. Nippruvaw nibnu “dgħajjes” li jagħtuna sigurtà: il-flus, il-karriera, il-prestiġju, il-kontroll fuq kollox. Imma jasal mument meta nindunaw li lanqas dawn ma huma biżżejjed. Kemm Elija kif ukoll Pietru skoprew li l-istabbiltà vera mhijiex fin-nuqqas tal-maltemp, imma fil-preżenza ta’ Alla. Elija jsib lil Alla fiż-żiffa ħelwa, Pietru jsib lil Alla fl-id ta’ Kristu. It-tnejn jitgħallmu li l-Mulej mhux dejjem ibiddel iċ-ċirkostanzi, imma qatt ma jabbanduna lil min jafdah.
Din hija wkoll l-esperjenza tal-Knisja. Id-dgħajsa tal-Knisja għaddiet minn ħafna maltempati tul is-sekli. Xi drabi dehret li kienet qed tegħreq, imma l-Mulej dejjem baqa’ preżenti. Illum ukoll il-Knisja tista’ tidher bħall-profeta Elija, għajjiena, diżappuntata u mbeżża’ quddiem dinja sekularizzata. Il-Knisja tista’ tidher bħal Pietru, qed tegħreq għax hi wisq preokkupata bil-kurrenti li ssib kontriha. Imma rridu nemmnu li l-Mulej qed juri l-preżenza tiegħu fil-qlub, qed joffrilna jdejh biex isalvana. Il-Mulej irid li l-Knisja ssalva u tasal sax-xatt tas-sema.
Illum il-Mulej Ġesù qed jistedinna noħorġu mid-dgħajsa tas-sigurtajiet foloz. Qed jgħidilna biex ma nħallux il-biża’ tagħlaqna fina nfusna, imma nafdaw fih b’għajnejna magħluqa. Anke jekk il-baħar tal-ħajja ma jikkalmax mill-ewwel, niftakru li l-Mulej qatt ma hu se jħallina weħidna.
