Riflessjoni għal Ħadd il-Palm

Riflessjoni għal Ħadd il-Palm

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Xi wħud iddejjaqhom, imma hawn min ma joħroġx mid-dar jekk ma’ jgħamilx ftit fwieħa. Ovvjament rieħa qawwija ta’ fwieħa taf iddejjaq, imma ftit fwieħa tagħmel differenza, l-aktar meta jkollok xi okkażżjoni speċjali, bħal tieġ, party jew inkella xi interview jew laqgħa mportanti. Il-fatt li tuża ftit fwieħa meta tkun se tiltaqa’ ma’ xi ħadd, tkun diġa’ qed tikkomunika messaġġ b’saħħtu mingħajr ma tgħid ebda kelma. Tkun qed turi li l-persuna/i l-oħra huma mportanti għalik, u li hu ta’ pjaċir għalik li tiltaqa’ magħhom; ftit fwieħa taf tgħinek tkun aktar soċjevoli. Differenti minn min jersaq lejk jinten: żgur li jdejqek u tkun tixtieq li jitlaq minn quddiemek kemm jista’ jkun malajr! Ftit fwieħa tieħu post kull riħa li mhix pjaċevoli, u għalhekk tagħmel differenza kbira.

Ir-rakkont tal-passjoni skond San Mark jibda b’rakkont importanti ħafna; ipoġġi quddiemna lil Ġesù mistieden għall-ikel f’Betanja, waqt li daħlet mara b’vażett tal-alabastru b’żejt ifuħ ta’ nard pur. Żgur li dik il-mara ġibdet l-attenzjoni ta’ kulħadd; kulħadd seta’ jxomm dik ir-rieħa pjaċevoli. Hi baqgħet sejra dritt lejn Ġesù, kisret l-għonq tal-vażett u tefgħet iż-żejt ifuħ kollu fuq ras Ġesù. B’dan il-ġest il-mara wriet rispett kbir lejn Ġesù, wriet imħabbitha lejh, imma aktar minn hekk, kienet qed turi min tassew kien Ġesù għaliha; għamlet ġest simili għal dak li kien isir meta xi ħadd kien ikun midluk sultan, jew profeta, jew inkella saċerdot. Uriet li hi kienet temmen li Ġesù hu l-midluk tal-Mulej. Bla ebda kelma hi stqarret li Ġesù hu tassew is-sultan tagħha, hu tassew il-profeta u li Ġesù hu tassew is-saċerdot li kellu joffri s-sagrifiċċju veru għall-maħfra tad-dnubiet.  Imma mhux kulħadd fehem dan il-ġest, anzi kienu diversi li nterpretaw l-għemil tal-mara bħala skandaluż u ħela żejda. Imma għal min iħobb, ebda ħela ma hi ħela, anzi, hi espressjoni qawwija ta’ mħabba. Xejn ma hu prezzjuż aktar minn dik il-persuna li tħobb. Ġesù, il-Kristu, il-Midluk kien kollox għal din il-mara. Hi min-naħa tagħha ferrat kollox quddiem Ġesù u ma ħbiet xejn minnu. Hi ħliet kollox għalih – ħliet flusha, l-enerġija tagħha, il-kapaċitajiet tagħha u dak kollu li kienet. Hi tatu kollox imma fuq kollox irħiet lilha nfisha kollha kemm hi f’idejh. Wisq probabbli din l-mara baqgħet miexja miegħu tul it-triq kollha tas-salib u sabet postha fost dawk in-nisa li baqgħu mexjin miegħu sa taħt is-salib. Kważi b’ċertezza nistgħu ngħidu li kienet ukoll esperjenzat il-qawmien ta’ Ġesù, għax dawk li mxew miegħu sal-aħħar kienu wkoll dawk li daqu miegħu l-glorja. Kienet mara li ddistingwiet ruħha mill-kumplament tad-dixxipli, li  fis-siegħa tal-prova, raqdu, ħarbu u abbandunaw lil Ġesù. Minkejja li mxew miegħu tul it-triq fil-missjoni tiegħu kollha, xorta ma kienux kapaċi jaħlu kollox għalih; ma kienux lesti jaħlu ħajjithom.

X’seta’ wassal lil din il-mara biex tingħata totalment għal Ġesù u tinħela għalih? Ma nafux eżatt imma żgur li kellha xi esperjenza qawwija fil-laqgħa tagħha ma’ Ġesù. Hi għarfet li Ġesù kien tassew bidlilha ħajjitha, ħafrilha u salvaha minn dak kollu li kien jassaraha.

Matul din il-ġimgħa, quddiem il-ġrajja tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, ejjew nirriflettu fuq il-mod ta’ kif Ġesù nħela għalina. Hu kisser, mhux għonq tal-vasett ħa jitferra ż-żejt ifuħ, imma lilu nnifsu biex hu stess ikun li jinħela għalina – ħela demmu u bih naddafna mill-intiena tal-ħtijiet tagħna u minflok fewaħħna bil-grazzja tiegħu. Quddiem din il-ġrajja nistgħu nagħrfu l-imħabba ta’ Alla għalina u bħal din il-mara nistgħu naħlu għal Ġesù dak kollu li hu prezzjuż għalina; Naħlu l-enerġija tagħna għalih, ġidna, il-kapaċitajiet tagħna u saħansitra ħajjitna stess. Quddiem il-ġrajja tas-salib nistgħu naslu biex aħna wkoll maċ-ċenturjun nistqarru li Ġesù hu tassew l-Iben ta’ Alla. Frażi li r-rumani kienu jużaw biss għall-imperatur; iċ-ċenturjun stqarr li Ġesù kien tassew il-mexxej ewlieni tiegħu u tad-dinja. Inħallu, għalhekk, lil Ġesù jkun l-uniku mħabba tagħna u l-uniku mexxej tagħna li jmexxi ħajjitna kollha.