Riflessjoni għall-1 Ħadd tar-Randan

Riflessjoni għall-Ewwel Ħadd tar-Randan

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Għal ħafna saret ħaġa awtomatika li jaqbdu l-karozza kull meta jkollhom bżonn imorru x’imkien, minkejja li nafu li għandna problema kbira ta’ traffiku. Il-karozza saret saqajna. Komda meta tiġi biex tivvjaġġa minn post għall-ieħor: għandek fejn iġġorr dak li għandek bżonn bla tbatija ta’ xejn, fix-xita anqas għandek ċans li tixxarrab għax il-karozza ssir il-kenn tiegħek, tista’ tieħu miegħek oħrajn u ma tivvjaġġax waħdek. Meta qed nitkellmu minn karozza qed nitkelmu minn vjaġġ. Aħna spiss nivvjaġġaw: daqqa għax-xogħol jew għall-iskola, daqqa biex naqdu xi qadi, u kultant biex nistrieħu ftit. Meta niddeċiedu li mmorru x’mkien fit-tul, nippreparaw minn qabel.  Naħsbu x’jista’ jkollna bżonn magħna u nlestu l-bagalji; naħsbu minn qabel għax ma nafux ma’ x’hiex nistgħu niltaqgħu, Nassiguraw ruħna wkoll billi nagħmlu insurance.

Jekk nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq Ġesù, nindunaw li Ġesù wkoll kien jivvjaġġa, anzi kien fuq vjaġġ kontinwu matul it-twettieq tal-missjoni tiegħu. Hu rħiela lejn il-Ġordan, u hemm niżel fl-ilma biex jitgħammed. Dan il-ġest jurina li Hu niżel u għodos fl-umanità tagħna. Il-vjaġġ ta’ Ġesù kien vjaġġ fl-umanità u ma ddejjaqx li jiġi identifikat magħna l-bnedmin minkejja li aħna dagħjfin u midinbin. Meta kien fl-ilma tal-Ġordan, infetħu s-smewwiet minn fejn niżel l-Ispirtu ta’ Alla fuqu. Infetħu s-smewwiet u niżel l-Ispirtu ta’ Alla fuq l-umanità. Matul dan il-vjaġġa Ġesù kien akkumpanjat mill-Ispirtu. Telaq mill-Ġordan mibdul u mimli bi spirtu ġdid; hemm irrealiżża li hu iben maħbub tal-Missier u rrealiżża wkoll il-missjoni li kellu jaqdi.

Minn hawn l-Ispirtu jerġa’ jieħu lil Ġesù mill-ġdid fuq vjaġġ fil-Ġordan, din id-darba biex jiġi mġarrab mix-xitan.  Li jinżel fl-umanità tinvolvi wkoll tiġrib, kif niġu mġarrba u ppruvati aħna. Matul dan il-vjaġġ ta’ erbgħin jum, Ġesù wkoll esperjenza s-sema miftuħ u ħass kontinwament il-preżenza ta’ Alla.  Minn hawn ukoll Ġesù ħareġ mibdul u mimli bi spirtu ġdid; minn hawn ħassu mħejji biex jimxi u jippriedka, jfejjaq u jaħfer id-dnubiet. U l-Ispirtu baqa’ jieħdu minn belt għall-oħra, minn raħal għall-ieħor, u kompla jgħodos fl-umanità, waqt li jfakkarna li s-sema miftuħ għas-salvazzjon tagħna. Dan il-vjaġġ wasslu sas-salib, fejn kompla jgħodos fl-umanità billi ġarrab l-esperjenza tal-mewt. Anke hawn ra s-sema miftuħ tant li għajjat u qal: “Missier f’idejk nerħi ruħi:” minn hawn ħarġet ħajja ġdida — il-qawmien.

Matul dan ir-Randan, aħna mistienda nivvjaġġaw mal-Mulej Ġesù. Miegħu ninżlu fl-ilma tal-magħmudija (fl-Għid il-Kbir), niġġarbu, naħdmu u nitħabtu, u miegħu nkunu lesti naffaċċjaw il-mewt, biex miegħu nesperjenzaw is-sema miftuħ, nesperjenzaw il-ħajja ġdida li Alla jagħti lil kull min jivvjaġġa ma’ Ġesù.

Fil-ġublew li qed ngħixu din is-sena, qed nirriflettu fuq il-fatt li aħna “pellegrini tat-tama.”  Tassew aħna pellegrini: bħala dixxipli tal-Mulej aħna miexja miegħu. F’dan il-vjaġġ irridu niftakru li s-sema tassew hu miftuħ għalina u b’hekk it-tama tagħna ma tiġi nieqsa qatt. Jekk f’mument ta’ diffikultà, jekk nesperjenzaw it-tiġrib, jekk inkunu vittma tad-dnub, jekk qrib il-mewt, ejjew nibqgħu niftakru li s-sema miftuħ għalina. B’hekk fil-vjaġġ tal-ħajja  m’hemmx bżonn inġorru ħafna affarijiet magħna, anqas għandna bżonn insurance biex nassiguraw ruħna għal dak li jista’ jinqagħla, għax l-assigurazzjoni tagħna jibqa’ s-sema miftuh. Kulma għandna bżonn hu li nimxu. Ma nħallu xejn iwaqqafna; ebda għajja, ebda falliment, ebda dnub, u ebda toqol m’għandu jwaqqafna milli nimxu mal-Mulej. 

Matul dan ir-randan ejjew inħallu lil Ġesù jkun il-qofol tal-vjaġġ tagħna. Bħalma l-karozza saret saqajna u nużawha kontinwament, hekk il-Mulej irid ikun saqajna u nimxu kontinwament miegħu. Ebda distrazzjoni oħra (t-traffik tal-ħajja) m’għadha twaqqafna milli nduru lejn il-Mulej u nitolbuh biex nimxu miegħu t-triq tal-ħajja.