Riflessjoni għall-10 Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għall-10 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Għall-anzjani, il-ktieb Ġabra ta’ Ward jaf iqajjem ċerta nostalġija. Kien ktieb bi stejjer, prożi u poeżiji maltin. Fost l-oħrajn kien hemm storja jisimha: Nies bla Ras. Niftakar li kienet storja fuq raġel li biex jilbes iż-żarbun kien jipprova jaqbeż fuq iż-żarbun bit-tama li jidħol fiż-żarbun, minflok ipoġġi bilqiegħda u jilbes żarbuna żarbuna. Forsi hi storja esaġerata, imma naħseb li kultant niltaqgħu ma’ ‘nies bla ras’ fil-ħajja ta’ kuljum! Kemm tħares ftit madwarek, u malajr tilmaħ nies li ma tantx huma normali; il-mod ta’ kif jaħsbu mhux l-istess bħalma jaħsbu l-biċċa l-kbira tal-bnedmin. L-imġieba tagħhom hi stramba u bla ma trid ikollok tagħti kashom. Imma li tkun xi ftit miġnun, mhux bilfors hi xi ħaġa negattiva.  Forsi jkun aħjar, jekk kultant nagħżlu li ma nkunux normali bħall-bqija tan-nies l-oħrajn! Li tkun xi ftit miġnun, mhux bilfors tfisser li ma jkollokx direzzjoni jew li tkun irresponsabbli. Imma tista’ tfisser li, jkollok aktar kuraġġ biex twettaq dak li tassew temmen fih. Tista’ tfisser ukoll li, anke dak li jidher impossibbli, ma tħalliehx jaqtalek qalbek. Tfisser li tkun miftuħ għall-esperjenzi ġodda u li tiftaħ qalbek għall-persuni ġodda, anke jekk tħoss li tkun qed tilgħab man-nar. Tfisser li tippermetti li tirriskja anke jekk tidher vulnerabbli quddiem id-dinja. Fi kliem ieħor li tkun miġnun tista’ tfisser li tgħix ħajtek b’sens ta’ avventura, bla ma tinkwieta x’jistgħu jgħidu n-nies fuqek u kif se tidher f’għajnejn l-oħrajn.  Kemm hu faċli li biex nidhru normali nkunu kostretti nagħmlu dak li jagħmel ħaddieħor, anke jekk forsi nħossu li qed immorru kontra dak li nemmnu fih u kontra dak li tassew nixtiequ! Fl-ewwel qari tal-lum għandna l-istorja ta’ Adam. Biex Adam iħossu normali, għamel kif għamlet Eva u kiel mill-frotta. Ma riedx jidher miġnun quddiemha u għażel li ma jitlifx l-opportunità tad-deheb li kellu quddiemu, u kiel mill-frotta tas-siġra tal-għerf, kif għamlet hi.

Min-naħa l-oħra fl-Evanġelju, għandna lil Ġesù li quddiem qrabatu deher bħal wieħed li tilef moħħu, tant li riedu jżommuh. Dan peress li Ġesù ma kienx qed iġib ruħu bħal bqija tan-nies; ma kellux ħin għalih innifsu (anqas biss ħin jiekol ma’ kellu) biex jgħallem u jressaq lill-folla lejn il-Missier, kien jimxi kontra l-kurrent għax kliemu u mġiebtu kienu ferm differenti minn dawk tal-kittieba u l-mexxejja spiritwali tal-poplu; Ġesù ma beżax li jkun hu, jgħid li għandu jgħid u jagħmel li għandu jagħmel, anke jekk jiġi ġġudikat u kritikat. Hu ma kienx lest li jagħmel ebda kompromess mal-ħażen, anzi ħadha qatta bla ħabel kontra x-xitan, anke jekk dan kien ifisser li jċedi ħajtu stess. Hu għażel li jitfa’ l-enerġija kollha tiegħu biex jagħmel ir-rieda tal-Missier u hekk għallem lid-dixxipli tiegħu. Tassew kien miġnun bl-imħabba tiegħu lejn il-Missier u lejn il-bnedmin.

Jekk irridu nkunu dixxipli tiegħu, hemm bżonn li aħna nkunu lesti li nidhru strambi, imġienen u li moħħna mhux f’postu. Mhux imġienen għax ma naħsbuhiex jew għax inkunu rresponsabbli, imma mġienen bl-imħabba lejn Alla, kif għamlu l-qaddisin.  Il-martri ċedew ħajjithom biex jibqgħu iżommu ma’ dak li kienu jemmnu fih – kienu mġienen! Qaddisin oħrajn ftaqru għax irriskjaw ġidhom u għamlu karità u b’hekk iżommu mal-kmandament tal-imħabba – imġienen! Oħrajn ħafru lil min ħaqarhom u abbuża mit-tjubija tagħhom – imġienen!

Imma bħalhom aħna msejħin biex ngħixu ħajja tal-ġen. Tassew trid tkun miġnun biex tibqa’ temmen f’Alla, f’dinja li Alla m’għadux jagħmel sens għal bosta. Tassew trid tkun miġnun biex tirrifjuta li takkwista xi ħaġa, anke jekk b’mod inġust (frotta mis-siġra tal-għerf), bħal li tieħu xi affarijiet minn fuq il-post tax-xogħol! Tassew trid tkun miġnun biex iċċedi postok u tħalli lil ħaddieħor jieħu unuri minn flokok! Trid tkun miġnun biex tibqa’ tafda f’dinja li fiha ma tista’ tafda lil ħadd. Trid tkun miġnun li tbati biex tibqa’ ta’ Kristu. Imma min ikun miġnun bl-imħabba ma jibżax jirriskja u jkun lest li jbati għal min iħobb. Dan li jgħidilna San Pawl fit-tieni qari tal-lum: “Id-daqsxejn ta’ tbatija ta’ issa tħejjilna kobor ta’ glorja bla qies għal dejjem; lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ  li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux.”

Ejjew inkunu boloħ f’għajnejn il-bnedmin, biex inkunu tassew qaddisin f’għajnejn Alla.