Riflessjoni għall-14 Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għall-14 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Hawn min jaqbad u jixtri bl-adoċċ bla ma joqgħod jagħti każ wisq, imma hawn min joqgħod ifittex sal-iċken dettal qabel ma jixtri xi ħaġa. Per eżempju ssib min jara t-tiketta ta’ mal-prodott biex ikun jaf fejn ġie manufatturat l-oġġett.  Ħafna għandhom l-idea li l-prodotti ta’ barra huma aħjar minn dawk lokali. Mhux l-ewwel darba li b’mod sarkastiku ssib min jgħidlek: “made in Malta; bħallikieku l-prodotti barranin huma superjuri! Jew ikun hemm min ifittex ċertu ditti li għandhom brand name tajba, bl-idea li prodotti ta’ ditti oħra huma inferjuri. Bla dubju dan hu preġudizzju! Meta nisimgħu kummenti mingħand ħaddieħor, faċli li nkunu preġudikati. Il-preġudizzju hu opinjoni li mhix bilfors tkun ibbażata fuq il-fatti.  Anqas ma dejjem tagħmel sens.  Kemm drabi nkunu biased għal xi ħaġa, għal xi ħadd, jew għal xi grupp ta’ nies mingħajr ebda raġuni! Kemm isiru preġudizzji fuq nies minħabba twemmin, razza, ġeneru jew professjoni li wieħed ikollu!

Fl-Evanġelju tal-lum insibu li anke Ġesù ġie peġudikat, għall-fatt li kien minn Nazaret, kif ukoll għax kien ġej minn familja ta’ ħaddiema. Nazaret kienet belt insinifikanti u ftit li xejn kienet magħrufa. Biżżejjed ngħidu li fit-testment l-antik, Nazaret ma tissema qatt. L-istoriċi jgħidu li kienet lokalità ċkejkna ħafna u fiha kienu jgħixu numru ċkejken ta’ nies.  Meta darba Filippu qal lil Nataniel: sibna l-messija, Ġesù minn Nazaret,” Nataniel qallu: x’qatt ħareġ minn Nazaret?” Altru li kien hemm preġudizzju kontra din il-belt; għal ħafna kienet belt inferjuri u bla mportanza ta’ xejn. B’hekk il-ġudizzju li n-nies għamlu dwar Ġesù kien wieħed ikkondizzjonat minn din l-idea.  Kien ukoll ġudizzju kkondizzjonat mill-impjieg li kellu. Hu kien ħaddiem tal-id u għalhekk kien meqjus bħala second class job.  Kien ġudizzju li kien ikkondizzjonat minn kif in-nies kienu jħarsu lejn ommu u l-familja tiegħu. Ġesù kien jappartjeni għall-familja komuni u għalhekk in-nies skantaw u tfixklu meta semgħu lil Ġesù jitkellem! Ma setgħux jemmnu lil għajnejhom u l-widnejhom għax kliemu kien kollu għerf u seta’. Għerfu kien aqwa mill-għerf tal-aktar għorrief magħrufa.  Forsi minn fost il-ġemgħa kien hemm ukoll min kien iħossu superjuri għall-oħrajn, għax ġej minn kultura ta’ kassi għola, jew minn xi belt magħrufa minn kulħadd. Forsi kien hemm min iqis lilu nnifsu bħala għaref u bravu aktar minn kulħadd, għax kellu karriera aktar rispetata fis-soċjetà ta’ żmienu.  Imma hekk kif semgħu lil Ġesù jitkellem rrealiżżaw li ħadd ma hu superjuri għal ħadd.

Tassew ħadd m’għandu għalfejn jitkabbar fuq ħadd, ħadd m’għandu għalfejn jiftaħar, għax ilkoll nipparteċipaw min-natura umana. Ilkoll jonqosna l-għerf. Ilkoll aħna dgħajfin u midinbin. Ilkoll aħna vulnerabbli. San Pawl, fit-tieni qari tal-lum jistqarr bla biża’ u bla mistħija ta’ xejn li hu dgħajjef u li kellu “xewka f’ġismu.” Talab lil Mulej diversi drabi biex jeħilsu minnha. Id-djgħufija u l-limitazzjoni jżommulna saqajna mal-art u jgħinuna nagħrfu l-bżonn ta’ Alla. Il-Mulej qal lil Palwu: biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.” Dgħajjef u midneb imma mimli bil-grazzja ta’ Alla.

Meta nagħrfu d-djgħufijiet tagħna, u meta nagħrfu r-realtà tal-grazzja ta’ Alla fina, nindunaw li ħadd m’għandu għalfejn jitkabbar fuq ħadd. Quddiem dan l-għarfien ma jibqax lok għall-preġudizzji. Ħadd ma hu inferjuri quddiem Alla, kif ħadd ma hu superjuri quddiemu. Ġesù ħabb liż-żgħir u ħabb lill-kbir, ħabb lill-midinbin u ħabb lill-ġusti. Ejjew, għalhekk, noqgħodu ħafna attenti mill-preġudizzji. Ma nħarsux lejn l-uċuħ. Noqgħodu atteni li ma niġġudikawx lil xi ħadd fuq dak li nkunu smajna dwaru, jew mill-mod ta’ kif jidher. Imma nersqu aktar lejn xulxin minkejja d-djugħfijiet tagħna, u nagħrfu kif Alla qed jaħdem f’kull wieħed u waħda minna.  Kulħadd għadnu t-tajjeb u l-ħażin tiegħu.