Riflessjoni għall-15 -il Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għall-15 -il Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Ngħixu f'dinja fejn il-kelma investiment nisimgħuha kważi kuljum. Tiftaħ it-televiżjoni jew il-mobile u tara reklami dwar investimenti, fondi, proprjetà, sistemi ta’ tifdil jew pensjonijiet. Kulħadd jara kif jagħmel biex flusu jitkattru u jieħu kemm jista’ minnhom. Imma mportanti li ma nieqfux hemm. Naraw ukoll f’hiex qed ninvestu ħajjitna. Għax fl-aħħar mill-aħħar, mhux il-flus biss jiswew għal xi ħaġa! Anzi, kultant il-flus jitilfulna ħajjitna! Nistgħu nkunu sinjuri fil-flus imma foqra fil-valuri u l-prinċipji, fl-imħabba, fil-paċi jew fir-relazzjonijiet tagħna. Il-Kelma ta’ Alla hi li ssaqqi u tkabbar l-investiment spiritwali tagħna. Il-profeta Isaija jqabbel il-Kelma ta' Alla max-xita. Meta tagħmel ix-xita, l-ebda bidwi ma joqgħod barra jistenna l-qamħ jikber sal-għada. Jaf li l-proċess tan-natura għandu bżonn iż-żmien tiegħu. L-ilma jidħol fl-art, iż-żerriegħa tinfetaħ, toħroġ l-għerq u bil-mod il-mod jasal il-frott. Hekk jaħdem ukoll Alla permezz tal-Kelma tiegħu. Xi kultant naħsbu li għalxejn qed niġu l-quddies, għalxejn nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, għax dejjem l-istess qari, l-istess kliem. Vera, imma jekk inħallu l-Kelma ta’ Alla tidħol fina, bil-mod il-mod tibdel il-mod kif naħsbu, nitkellmu u ngħixu. Dan hu investiment. Dan iwassalna għall-maturità tal-fidi.

L-Evanġelju tal-lum ukoll jagħtina eżempju min-natura. Wieħed bidwi ħareġ jiżra'. Ma jagħmilx kalkoli żejda. Jiżra' b'ġenerożità. Xi żerriegħa tintilef, imma xorta jiżra’ – jaf li dik li taqa' f'art tajba tagħti frott bil-kotra. Min irid jinvesti, irid ikun lest jirriskja; il-bidwi li jirriskja ż-żerriegħa anke jekk jaf li mhux bilfors kull żerriegħa se tagħmel il-frott. Alla jagħmel l-istess magħna. Kuljum jinvesti fina. Jinvesti meta jqajjimna filgħodu u jagħtina ġurnata oħra. Jinvesti meta jagħtina familja, ħbieb u nies li jħobbuna. Jinvesti meta jagħtina ċans ieħor wara li niżbaljaw. Jinvesti kull darba li jagħtina l-Kelma tiegħu u l-Ewkaristija. Anke Alla lest li jirriskja magħna; jaf li nistgħu ninsewh, inkunu ngrati miegħu, noffenduh u nidinbu. Jaf li nistgħu nagħmlu użu ħażin mill-istess grazzji li jagħtina. Nistgħu ninxfu u ma nagħmlu ebda frott. Imma jekk dan l-investiment jagħmel il-frott, nagħtu tassew glorja lil Alla. L-istess kif jiġri fil-ġenituri. Meta tarbija titwieled, il-ġenituri jinvestu ħafna fiha: jibqgħu mqajmin iljieli sħaħ, jonfqu flushom fuqha, u jagħmlu sagrifiċċji kbar. Huma ma jistennewx qligħ finanzjarju, għax dak li jagħmlu jagħmluh imqanqlin mill-imħabba lejn it-tarbija, imma kemm jifirħu meta jaraw lil uliedhom jikbru bħala persuni onesti u ġenerużi! Hekk Alla jifraħ u jieħu glorja meta jara li dak kollu li jagħmel magħna qed iħalli l-frott. Fil-parabbola tal-bidwi li ħareġ jiżra', Ġesù jsemmi erba' tipi ta' art, li tilqa’ ż-żerriegħa. L-ewwel waħda hija l-mogħodija: din hi dik il-qalb mimlija storbju li m’għandhiex ċans tagħraf u tilqa’ l-grazzji li Alla jagħtiha – ħinha jittieħed kollu mill-Messenger, Facebook, Instagram, TikTok, aħbarijiet, eċċ., u ma ssibx ftit mumenti biex tisma’ lil Alla. It-tieni hija l-art kollha blat: dik il-persuna li tieħu gost b'xi rtir jew pellegrinaġġ, imma ma’ l-ewwel diffikultà taqta' qalbha. It-tielet huma x-xewk: dawn huma t-tħassib, il-flus, il-karriera u l-ġirja kontinwa biex ikollna aktar, mhux għax dawn huma ħżiena fihom infushom, iżda għax jistgħu jieħdu l-post ta' Alla. Ir-raba' hija l-art tajba: din mhix il-qalb perfetta, imma hi qalb li tibqa' miftuħa biex tilqa' dak li Alla jixtieq jagħtiha u tħallih jaħdem fiha. Ġesù ma jgħidx li kull art tajba tagħti l-istess frott. Min jagħti mija, min sittin, u min tletin. Alla ma jqabbilniex ma' xulxin. Huwa jħares biss lejn kemm qed nagħmlu l-aħjar b'dak li tana. Meta niġu fl-aħħar ta' ħajjitna, Alla mhux se jistaqsina kemm kellna proprjetajiet, kemm kellna flus il-bank jew kemm konna ta' suċċess. Se jistaqsina kemm ħallejna l-Kelma Tiegħu tagħti frott fina u kemm investejna fl-imħabba.

Illum ejjew inħarsu ftit lejn ħajjitna u naraw kif qed nagħtu glorja lil Alla. L-għemil huwa dak il-frott li bih il-Mulej jitgħaxxaq. Ejjew inkunu wkoll konxji ta’ fejn qed ninvestu ħinna, l-enerġija tagħna, u dak kollu li għandna. J’alla li lkoll nagħmlu ħafna frott spiritwali li jkabbar imħabbitna lejn Alla u lejn l-oħrajn. It-talb, il-qari tal-Kelma ta' Alla, u s-sehem tiegħi fil-Quddiesa jsaħħu u jqawwu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Nitolbu llum lill-Mulej biex jagħtina qalb tajba u fertili. Qalb li tilqa' l-Kelma tiegħu, tgħixha u xxerridha. Għax dan huwa l-investiment li qatt ma jitlef il-valur tiegħu, li jagħti frott f'din il-ħajja u jwassalna għall-ħajja ta' dejjem.