Riflessjoni għall-20 Ħadd tas-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Kelb jinbaħ, qattus inewwaħ, għasfur isaffar, ħmar jinħaq, żiemel jiżgħar, tiġieġa tqaqi. Kemm kliem għandna biex niddeskrivu l-ħsejjes u l-għajjat tal-annimali! Mhux l-annimali biss għandhom il-mod kif jesprimu ruħhom. Il-bniedem ukoll għandu l-għajta tiegħu. Għajta tista' tesprimi biża' jew rabja, għajta ta’ uġigħ jew ta' ferħ. Tista' tkun għajta ta' tama jew ta' disperazzjoni. Tista' tkun sejħa għall-għajnuna, protesta kontra l-inġustizzja, jew espressjoni ta' mħabba u gratitudni. L-għajta għandha qawwa kbira. Tinstema' mill-ewwel, tiġbed l-attenzjoni, u ħafna drabi tħalli warajha anke eku biex il-vuċi tibqa' tinstema' wara. Xi għajjat jibqa’ jidwi fil-kuxjenza tal-bniedem għal żmien twil.
Fl-Evanġelju tal-lum niltaqgħu ma' mara tgħajjat wara Ġesù. Semgħuha d-dixxipli, imma l-eku tagħha għadu jinstema' sal-lum; dan l-eku jista’ jasal sa għandna. Din mhijiex biss l-istorja ta' mara Kangħanija li għexet elfejn sena ilu. Hija wkoll l-istorja ta' kull min illum jgħolli leħnu lejn Alla fit-talb. Hija l-għajta tal-ġenituri li jitolbu għal uliedhom, tal-marid li jitlob is-saħħa, ta' min tilef lil xi ħadd għażiż, ta' min qed iġorr salib tqil, ta' min qed ifittex direzzjoni fil-ħajja jew qed jitlob il-paċi fil-familja tiegħu. Din il-mara ma stħatx turi l-bżonn tagħha. Ma tatx każ x’jistgħu jgħidu n-nies. Kienet taf li Ġesù seta' jagħmel xi ħaġa ma’ bintha fil-bżonn. Għalhekk għajtet fuq li għajtet: "Ikollok ħniena minni, Mulej, Bin David." Hija talba qasira, imma mimlija fidi. Din il-mara ma bdietx titlob għal xi miraklu, imma biss talbet il-ħniena. Kienet taf li kull don ta' Alla jibda mill-ħniena tiegħu. Din l-għajta nstemgħet fit-toroq ta' Tir u Sidon, fejn ma kienx hemm folol kbar bħal fil-Galilija. Ma kienx hemm ħsejjes ta' nies jiġru wara Ġesù biex jaraw xi miraklu. Kien hemm biss hi quddiem il-Mulej u d-dixxipli tiegħu. Fil-fatt dehret bħal għajta fid-deżert, bħal ħanqa ta’ ħmar – waħedha. F’din is-silta niltaqgħu ma' waħda mill-aktar paġni xokkanti tal-Vanġelu, għax Ġesù baqa' sieket. L-Evanġelista jgħid b'mod ċar: "Hu ma weġibhiex kelma." Dan is-skiet jissorprendina. Aħna mdorrijin naraw lil Ġesù jersaq malajr lejn min hu fil-bżonn, u mqanqal bil-ħniena jgħin minnufih. Imma hawn Ġesù jidher indifferenti. Ma jwiġibx. Qisu ma kien qed jisma' xejn. Agħar minn hekk, meta fl-aħħar tkellem, kliemu deher aktar iebes: "Ma ntbgħattx ħlief għand in-nagħaġ mitlufa tad-dar ta' Iżrael." Juża tixbiha li tidher aktar iebsa – dik tal-klieb u l-ġriewi.
U proprju f'dan il-mument tidher il-fidi soda ta' din il-mara. Hi ma tieqafx tgħajjat. Ma tħossx lilha nnifisha umiljata, ma tinħakimx mir-rabja. Ma tgħidx: "Jekk ma jridx jismagħni, mela nitlaq." Bil-maqlub, resqet aktar qrib, inxteħet quddiemu u baqgħet ittenni t-talba sempliċi: "Mulej, għinni." Kemm hi sabiħa din it-talba qasira! Żewġ kelmiet biss, imma fihom naraw fejn kienet il-qalb tal-mara. Meta ma nsibux kliem biex nitolbu, niftakru li l-isbaħ talba hi proprju din: "Mulej, għinni." Il-mara baqgħet tinsisti, imma mhux b'arroganza. Hi ma talbitx bi dritt, anqas talbet privileġġi, imma kienet taf li kollox jista’ jingħata mill-Mulej Ġesù. Għalhekk wieġbet b'umiltà straordinarja: "Iva, Mulej, imma wkoll il-ġriewi jieklu mill-frak li jaqa' minn fuq il-mejda ta' sidienhom." Din hi risposta li turi fiduċja assoluta fil-ħniena ta' Alla. Kienet ċerta li l-ħniena tal-Mulej hi tant kbira li anke frak minnha huwa biżżejjed biex jagħti l-ħajja. U hawn hu fejn isir il-miraklu. Ġesù jgħidilha: "Mara, il-fidi tiegħek hija kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq." Interessanti li fl-Evanġelji Ġesù ftit li xejn jgħid lil xi ħadd li għandu fidi kbira, imma hawn jgħidha lil din il-mara barranija, bħalma kien qal ukoll liċ-ċenturjun li resaq jitolbu għall-qaddej tiegħu marid. B'hekk Ġesù juri li Alla ma jħarisx lejn il-passaport, lejn il-kultura jew lejn l-oriġini tal-persuna, imma jħares lejn il-qalb.
F’dan id-dawl irridu nifhmu l-ewwel qari mill-profeta Isaija. Alla jħabbar li t-tempju tiegħu "jissejjaħ dar tat-talb għall-popli kollha." Mhux għal poplu wieħed biss, mhux għal grupp magħżul biss, imma għall-ġnus kollha. Dak li Isaija kien ħabbar bħala wegħda, Ġesù jibda jwettqu permezz tal-laqgħa ma' din il-mara. San Pawl, fit-tieni qari, ikompli fuq l-istess ħsieb. Hu jfakkarna li Alla jibqa' fidil lejn il-pjan tiegħu ta' salvazzjoni u li l-ħniena tiegħu hi offruta lil kulħadd. Ħadd mhu eskluż mill-imħabba ta' Alla.
Nitolbu lil Mulej jagħtina l-fidi perseveranti bħal tal-mara Kangħanija. Fidi li ma titfixkilx quddiem is-skiet, li nibqgħu nitolbu b'umiltà; nibqgħu nafdaw li l-ħniena ta' Alla hi akbar minn kull limitu tagħna. Nitolbuh ukoll biex il-komunitajiet tagħna jkunu tassew djar miftuħa, fejn kull persuna, tkun ġejja minn fejn ġejja, issib il-bieb miftuħ biex tiltaqa' ma’ l-imħabba, il-ħniena u l-paċi ta' Alla.
