Riflessjoni għall-21 Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għall-21 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

X’tagħmel jekk fit-triq tieħu puncture?  Tista’ tgerger u tirrabja kemm trid, għax jekk ma tieħu ebda deċiżjoni tibqa’ fejn tkun. Quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn trid tiddeċiedi x’se tagħmel; tiddeċiedi jekk tħallix il-karrozza fejn tkun u taqbad tal-linja, jew jekk tipprovax tirranġa s-sitwazzjoni. Tiddeċiedi jekk iċċempilx lil xi ħadd għall-għajnuna, jew tibdilx il-puncture int stess. Ħafna drabi nsibu ruħna quddiem sitwazzjonijiet fejn irridu jew ma rridux ikollna niddeċiedu x’nagħmlu. Imma hemm għażliet u hemm għażliet. Hemm għażliet bħall-eżempju li ġibna tal-karrozza li tieqaf f’nofs it-triq, u hemm għażliet li jinvolvuna tul ħajjitna kollha. Dawn huma għażliet ferm aktar importanti u jitolbu proċess itwal u aktar serju sa ma naslu għal deċiżjoni. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, aktar ma jkollna nformazzjoni, aktar hu ta’ gwadan. F’dan il-proċess nevalwaw kull alternattiva sa ma naslu biex nieħdu l-aħjar deċiżjoni.  Dan insejħulu proċess ta’ dixxerniment. Però mportanti li xi darba naslu għal deċiżjoni – ma nistgħux nibqgħu niddixxernu għal dejjem; ma nistgħux nibqgħu sieq 'l hawn u sieq 'l hemm. Fl-ewwel qari tal-lum smajna l-ġrajja ta’ meta Ġożwe ġabar lit-tribijiet kollha u poġġa għażla quddiemhom. Hu kien diġà għażel li hu u l-familja tiegħu kienu se jaqdu lil Mulej. Issa talab lil kulħadd jagħżel hu jekk iridx jimxi fit-triqat tal-Mulej jew inkella jekk iridx jaqdi allat oħra. Il-poplu kollu wiegħġeb u afferma l-għażla għaqlija li jaqdu lil Mulej biss. Kienet għażla libera u konxja.  Huma kienu diġà esperjenzaw sew lil Mulej, imma kienu wkoll esperjenzaw allat oħra li kienu jqimu l-ġnus li kienu jdawruhom. Imma huma xorta għarfu li l-Mulej hu tassaw Alla u għamlu l-aħjar għażla.  Id-dixxipli ta’ Ġesù wkoll ġew f’punt li kellhom jagħmlu deċiżjoni. Kien hemm min għażel li jibqa’ jimxi ma’ Ġesù, fosthom it-Tnax. Huma stqarrew li ma hemm imkien aktar fejn setgħu jsibu “l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.”  Imma kien hemm ukoll diversi oħra mid-dixxipli li ddeċidew li jaqbdu triq oħra; iddeċidew li jitbgħedu minn Ġesù nnifsu u jservu allat oħra. Ma nafx jekk hux kumbinazzjoni jew le; imma hu propju l-vers ta’ kapitlu 6, vers 66 (6,66) fejn naqraw: “Minn dak in-nhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh.” In-numru 666 f’Apokalissi ta’ San Gwann jirreferi għall-bhima li hu l-antikrist, ix-xitan u l-ħażen inġenerali: “Hawn qiegħed l-għerf: min għandu moħħu, ħa jobsor x’inhu n-numru tal-Bhima, għax numru ta’ bniedem hu. U n-numru tagħha hu sitt mija u sitta u sittin.” (Apokalissi 13, 18).  L-għadu jipprova jikkonvinċi anke lid-dixxipli ta’ Ġesù, li huma jistgħu jgħixu bla Alla f’ħajjithom, u jagħmel minn kollox biex ibgħedhom minn Ġesù.  Illum hawn aħna li aħna ffaċjati bl-istess għażla. Wara li smajna fuq li smajna li Ġesù hu l-ħobż li niżel mis-sema, wara li rajna l-bżonn li nieklu ġismu u nixobu demmu biex ikollna l-ħajja ta’ dejjem, wara li għarafna li l-mejda tal-Mulej toffri l-Kelma li tagħti l-ħajja, rridu niddeċiedu jekk nimxux wara Ġesù u naqduh bis-serjetà, jew jekk naqbdux toroq oħra. Ma nistgħux nibqgħu sieq 'l hawn u sieq 'l hemm. Fi żmienna wkoll hawn diversi dixxipli li jsibu kliem Ġesù diffiċli għax ma jifhmuhx, u għalhekk, ddeċidew li jitilqu, tant li huma ma baqgħux jinġabru madwar il-mejda tal-Mulej flimkien mad-dixxipli l-oħra (ħlief għal f’xi okkażjoni darba kultant). Tbiegħdu u għażlu allat oħra. Imma min jagħraf li Ġesù hu tassew Alla, jibqa’ miegħu u bħalu jsir determinat u sod. Ġesù qatt ma kien sieq 'l hawn u sieq 'l hemm fir-relazzjoni tiegħu mal-Missier. Dan jidher ċar fl-altar innifsu; l-altar ifakkarna f’Ġesù l-blata, il-ġebla li warbu l-bennejja li saret il-ġebla tax-xewka. L-altar ukoll hu l-preżenza reali ta’ Kristu. Matul dan l-aħħar 5 ġimgħat rajna kif fil-quddiesa niltaqgħu ma’ 5 preżenzi ta’ Kristu: l-ġemgħa, l-ispeċi tal-ħobż u l-inbid, is-saċerdot, il-Kelma ta’ Alla u l-altar. Dawn kollha jlaqqgħuna ma’ Kristu u jgħinuna biex naslu li nagħmlu l-għażla ta’ Kristu f’ħajjitna. Jgħinna naslu għal deċiżjoni konxja ta’ Kristu fuq l-affarijiet u l-persuni oħra.  Ejjew ma nibqgħux inkaxkru saqajna u niddeċiedu li naqdu lil Alla kull ġurnata ta’ ħajjitna. Frott ta’ din l-għażla nibgħu ninġabru flimkien madwar l-altar u nieħdu sehem fil-ġrajja tas-salvazzjoni waqt li nirċievu l-ġisem u d-demm ta’ Ġesù fl-Ewkaristija.