Riflessjoni għall-25 Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għall-25 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Illum Ġesù jeħodna ftit sal-pjazza. Il-pjazza tar-raħal tkun mimlija ħajja f’kull ħin tal-ġurnata. Ħafna nies joħorġu minn djarhom u jerħulha lejn il-pjazza biex jiltaqgħu ma’ oħrajn; min biex jgħid kelma mal-ħbieb, min biex jieħu kafè, u min biex joqgħod fuq xi bank josserva x’qed jiġri u jgħaddi xi kumment minn ħin għal ieħor. Imma fil-pjazza ssib ukoll min ikun attiv; min ibiegħ b’xi van jew jagħmel xi biċċa negozju u min jipprova juri x’jaf billi joħloq xi ftit entertainment. Barra minn hekk, il-pjazza hi wkoll post it-tfal, għax minkejja l-karozzi għaddejjin, xorta tara tfal mal-ġenituri tagħhom jaqbżu jew jilagħbu f’xi rokna jew oħra tal-pjazza. Insomma, fil-pjazza hemm il-ħajja u għalhekk inqisuha li hi ċ-ċentru tar-raħal jew belt.

Fil-parabbola tal-lum għandna nies fil-pjazza jistennew li jsibu xi biċċa xogħol, xi wħud minn kmieni filgħodu, u oħrajn li waslu aktar tard. Għandna wkoll sid li jgħaddi mill-pjazza biex  jsib lil dawn in-nies, u jistaqsihom mistoqsija sempliċi, imma li tista’ tolqot lil kull wieħed u waħda minna: “Għaliex qegħdin hawn wieqfa l-ġurnata kollha?” Ir-raġuni li tawh dawn in-nies kienet: Għax ħadd ma qabbadna.” Din il-pjazza tista’ ssir simbolu tal-ħajja tagħna. Kemm-il darba nsibu ruħna nistennew fil-pjazza; nistennew li tiġri xi ħaġa, nistennew li xi ħadd jinduna bina, nistennew xi opportunità tajba, nistennew li ħaddieħor jagħmel l-ewwel pass, nistennew li s-sitwazzjoni tinbidel, u sadanittant... il-ħin jgħaddi – il-ħajja għaddejja.

Nistgħu naslu f’punt fejn nindunaw li qattajna ħafna ħin fil-pjazza bla ma għamilna xejn, għax il-pjazza tista’ ssir il-post fejn naħlu l-ħajja; issir post komdu li fih ma nirriskjawx wisq. Inkunu fil-pjazza meta nħossuna aktar ħfief li nosservaw x’qed jagħmel ħaddieħor jew li nparlaw fuq dak u fuq l-ieħor milli nippruvaw nagħmlu xi ħaġa għall-ġid. Illum il-Mulej qed jistaqsi lilna wkoll: “Għaliex qegħdin hawn?” Alla tana l-ħajja biex nagħmlu xi ħaġa tajba bl-istess ħajja li tana. Jien x’qed nagħmel biha? 

Alla joħroġ ifittixna fil-pjazza, u jibqa’ jfittixna sal-aħħar siegħa. Lili fejn isibni? Inħares u nikkumenta? Nilgħab? Ngħid xi kelma mal-ħbieb? Nagħmel xi negozju? Nistenna bit-tama li xi ħadd iqabbadni xi ħaġa x’nagħmel? L-aħbar it-tajba hi li Alla ma jgħidlix: “Int tlift wisq ħin, issa tard wisq.” Anke jekk għaddew snin minn ħajti, xorta jistedinni biex nidħol fl-għalqa tiegħu u nipparteċipa miegħu fil-bini tas-Saltna. U hekk, mill-pjazza ngħaddi għall-għalqa, minn ħajja nisranija passiva għal waħda attiva. Mill-kliem għall-għemil. Minn ħajja mibnija fuq drawwiet insara għal ftuħ tal-Ispirtu li jressaqna lejn il-missjoni. Din hi l-konverżjoni li Alla qed jitlob minna llum. Meta nidħlu fl-għalqa nindunaw li fiha hemm ix-xogħol; fiha hemm responsabbiltà u rridu nagħmlu sforz. Imma fiha hemm ukoll il-frott. Is-sid joħroġ u jerġa’ joħroġ biex isib aktar ħaddiema, għax ma jridx li l-frott jintilef. Is-sehem tagħna f’din il-ħidma jwassal biex il-frott ma jintilifx. Kull wieħed u waħda minna għandna post fl-għalqa tal-Mulej. M’hemmx għalfejn nagħmel xi ħaġa kbira, imma lkoll imsejħin għall-inizjattiva biex is-Saltna tkompli tikber. Kulħadd għandu fejn jista’ jħalli l-imħabba tiegħu tagħti l-frott.  

Meta wasal il-ħin tal-ħlas, indunaw li lkoll ħadu l-massimu tal-ħlas. Dawk li ħadmu għal siegħa waħda ħadu l-istess bħal dawk li ħadmu jum sħiħ. Dawk li għamlu l-jum kollu fl-għalqa bdew igergru kontra s-sid flok ferħu bil-ġenerożità tiegħu. Hekk kif huma bdew iqabblu lilhom infushom mal-oħrajn, tilfu l-paċi ta’ qalbhom u mtlew bl-għira. Anke jekk dawn kienu daħlu fl-għalqa kmieni, xorta qlubhom baqgħu barra fil-pjazza. Dan jista’ jiġri lilna wkoll anke meta nħossuna li ninsabu fl-għalqa nitħabtu biex ngħixu sew. Nistgħu nkunu qed naqdu, imma moħħna jkun fuq x’qed jagħmel ħaddieħor. U f’dan il-mument tidħol l-għira li ttelifna l-gost tas-servizz.  Nista’ nippretendi li jien, għax ilni ħafna nagħti servizz, ikolli vantaġġ fuq min daħal jagħti sehemu issa. Meta nibda nqabbilha ma’ nsara oħra, nitlef il-ferħ tal-qalb tiegħi.

Illum ejjew naraw fejn tinsab qalbna, jekk hux fil-pjazza jew fl-għalqa, jekk hux qed ninħlew fix-xejn billi nosservaw xi ftit devozzjonijiet, jew jekk aħniex impenjati fil-missjoni u fis-servizz għall-bini tas-Saltna ta’ Alla. Ejjew naraw fejn nistgħu nipparteċipaw u nifirħu li oħrajn wkoll qed jagħtu sehemhom fil-bini tas-saltna ta’ Alla.