Riflessjoni għall-25 Ħadd ta’ matul is-sena

Riflessjoni għall-25 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Sebastjan Caruana.

Kulħadd jieħu gost jiffranka xi ħaġa! Li jkollok discount fuq dak li tixtri hi xi ħaġa attraenti u tagħmillek kuraġġ biex tixtri u terġa’ tixtri. Mhux ta’ b’xejn li llum għandna diversi discount stores u bargain shopping! Mhux ta’ b’xejn jiġu offruti offerti tajbin biex iħajruk tixtri anke meta m’għandekx bżonn tixtri!  Meta tħoss li tkun għamilt xi biċċa kummerċ tajba, tħossok tajjeb, tant li tibda tgħid lill-oħrajn xi xtrajt u kemm xtrajtha; tkun trid tikkonvinċi lil dak li jkun li kienet worth it  li għamilt dak in-negozju. Imma ma ninsewx li n-negozjanti wkoll ifittxu dak li hu worth it għalihom, u forsi għalhekk ipoġġu skontijiet attraenti biex iħajruk tixtri anke bla bżonn. Donnu r-realtà tad-discounts tikkuntenta sew lil min jixtri, għax ikun akkwista aktar, u sew lil min ibiegħ għax ikun biegħ aktar.  Negozjant tajjeb kapaċi juża moħħu biex jikkonvinċi lill-konsumaturi jixtru;  ħafna drabi jagħmel skontijiet fuq prodotti għall-perjodu qasir ta’ żmien biex jekk għandek tixtri, tixtri bla ma toqgħod taħsibha għax inkella titlef iċ-ċans.

U jekk fuq il-ħwejjeġ tad-dinja nagħmlu minn kollox biex ma nitilfux deals tajbin, kemm aktar għandna noqgħodu attenti biex ma nitilfux id-deal tal-ħajja ta’ dejjem!  Fil-parabbola li għandna quddiemna fl-evanġelju tal-lum, insibu lis-sid ifaħħar l-amministratur ħażin. Ma faħħrux għax kien qarrieqi jew għax kien qed iberbaqlu ġidu, imma faħħru għax kien kapaċi juża moħħu u jaħseb għall-futur. L-amministratur diżonest ħaseb kif jagħti skontijiet lil dawk li kellhom id-dejn, biex iħossuhom tajbin u b’hekk jintgħoġob magħhom, ħalli meta jkun fil-bżonn imur b’wiċċu minn quddiem jitlobhom xogħol.  Ħadem b’moħħu għax uża l-pożizzjoni tiegħu w uża dak li ma kienx tiegħu għall-gwadan personali. U aħna m’għandna xejn tagħna.  Imma jekk nużaw tajjeb u bil-għaqal dak li mhux tagħna, għalkemm  afdat f’idejna, ukoll nistgħu nagħmlu gwadan li jibqa’ għal dejjem. Jekk nużaw tajjeb iż-żmien, saħħitna, il-pożizzjonijiet tagħna, il-kwalitajiet li għandna, ġidna u dak kollu li għandna bħalissa, għandna ċans kbir li niġu milqgħuha “fl-għerejjex ta’ dejjem.” Liema deal jista’ jkun akbar minn dan?  Liema akkwist jista’ jieħu post il-ħajja ta’ dejjem? X’għaqal kbir meta namminstraw sew dak afdat f’idejna!

Inkunu nammistraw tajjeb il-ġid li għandna, jekk ma nixxaħħux ma’ Alla. Fl-ewwel qari l-profeta Għamos jikkundanna lil dawk li anqas għandhom paċenzja jgħixu s-Sibt (jum-il Mulej), u jgħidu “Meta se jgħaddi s-Sibt ħa nferrgħu x-xgħir, inċekknu l-efa, u nkabbru x-xekel...” Dawn huma dawk li ma għandhom ħin għal Alla għax ix-xogħol u l-inpenji tagħhom jieħdulhom moħħhom u qalbhom totalment. Ma ninsewx li meta nkunu ġenerużi ma’ Alla mmorru tajjeb żgur. Inkunu qed ninvestu bil-kbir meta nagħtu ħin għal Alla. San Ġorġ Preca jgħid li “aħna għandna Sid galantom għax jagħti bil-mija fil-wieħed!

Inkunu qed namminstraw tajjeb il-ġid li għandna, meta nkunu ġusti u naħsbu wkoll fil-fqir. Il-profeta Għamos joħodha qatta bla ħabel kontra min jipprofitta ruħu mill-fqir u jikkalpesta l-imsejken. Xi qliegħ kbir hemm meta nkunu lesti niftħu idejna mal-fqir? U jekk anke n-negozjant, aktar ma jiftaħ idejh u jagħti discounts, aktar għandu ċans ibiegħ u jmur tajjeb, kemm aktar min jiftaħ idejh mal-fqir u jaqsam miegħu l-ġid li għandu, se jmur tajjeb meta jisma’ l-kliem “idħol fil-hena ta’ sidek?”

Inkunu qed namminstraw tajjeb il-ġid li għandna, meta nużaw tajjeb l-awtorità li jkollna, meta nagħtu servizz u nfittxu l-ġid ta’ dawk afdati f’idejna. San Pawl, fit-tieni qari tal-lum iħeġġiġna nitolbu “għas-slaten, għal dawk li għandhom xi awtorità,” għax faċli li wieħed jabbuża mill-awtorità, flok jużaha għall-ġid tal-oħrajn.

Inkunu qed namminstraw tajjeb il-ġid li għandna, meta nibqgħu fidili sal-aħħar bla ma nillaxkaw anke fl-affarijiet żgħar. Ġesù qal: “min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna.”

Ejjew inkunu fidili fl-imħabba tagħna lejn is-Sid ta’ kollox u dak li għadna nużawh tajjeb biex naqdu Lilu.