Riflessjoni għall-34 Ħadd tas-Sena Liturġika – Festa ta’ Kristu Sultan

Riflessjoni għall-34 Ħadd tas-Sena Liturġika - Festa ta' Kristu Sultan

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Handing over the house keys from one person to another.

Mhux la kemm tafda ċ-ċavetta tad-dar!  Meta tagħti ċavetta tkun tajt aċċess u allura tkun ippermettejt lil dak li jkun jidħol fejn jixtieq. B’hekk ikun ħa dominanza tad-dar. Forsi l-kelma dominanza  ddarrasna xi ftit, imma din hi l-propja tifsira tagħha.  Ġejja mill-kelma latina Domus, li tfisser dar. Li tiddomina, għalhekk, hi li jkollok aċċess għal kull spazju tad-dar.

Illum qed nistqarru li Ġesù hu s-sultan tagħna: dan ifisser li qed nafdaw lil Ġesù biċ-ċavetta ta’ ħajjitna u qed inħalluh jidħol fid-dar tagħna, jkollu aċċess għal kull aspett ta’ ħajjitna u li nħalluh jiddominana.

Is-saltna ta’ Alla hi simbolu ċentrali fl-Iskrittura Mqaddsa. Bażikament dan is-simbolu jesprimi l-ħolma ta’ Alla għad-dinja. Immaġina kif tkun id-dinja li kieku kulħadd jgħaraf lil Alla bħala l-ħallieq u Mulej. U immaġina li kieku kollox jimxu fuq liġi waħda: l-liġi tal-imħabba! Kieku ma jkunx hawn għalfejn issakkar għax ħallelin ma jkunx hawn, kieku tista’ tafda lil kulħadd għax ma jkunx hawn min iqarraq u jabbuża mill-oħrajn, kieku kelma tkun biżżejjed u ma hemmx bżonn kuntratti, l-anqas qrati u mħallfin ma jkun hawn bżonn. X’ħolma sabiħa!

Ġesù tkellem fuq is-Saltna ta’ Alla u wera din il-ħolma ta’ Alla għad-dinja fil-mod ta’ kif għex, ħaseb, ħadem u serva lill-oħrajn. Dan li rajna fil-liturġija matul din is-sena, Ħadd wara Ħadd, jgħina nagħrfu aħjar din il-ħolma; smajna kliem Ġesù, qrajna mirakli u sinjali li għamel biex jurina lil Alla u doqna mill-imħabba tiegħu.  Hu ma waqafx hemm imma sejjaħ lill-oħrajn biex jieħdu sehem fit-twettiq ta’ din il-ħolma. Hu sejjaħ u għadu jsejjaħ għax għandu nteress fid-dinja; hu jinkwieta għad-dinja u ma jridx jaraha tinqered. Għalhekk, qed isejjaħ lilna wkoll biex inkunu parti minn dan il-proġett favur id-dinja – kif se nwieġbu? Ġesù jixtieq li nwieġbu għal din is-sejħa bl-imħabba u mhux bil-biża’ jew għax inħossuna obligati.

Minkejja li tagħti ċavetta lil xi ħadd biex jidħol fid-dar, xorta tista’ żżomm xi kamra magħluqa li fiha taqfel dak li ma tridx li ħaddieħor imiss.  Qisu kulħadd, b’xi mod jew ieħor, għandu xi spazzju riservat għalih, li fih iżomm l-affarijiet personali tiegħu moħbija. U l’istess jista’ jiġrilna mal-Mulej. Nagħtuh iċ-ċavetta ta’ ħajjitna imma faċli nħallu xi kamra magħluqa u ma nħalluħx jidħol. Jista’ jkollna xi tip ta’ reżistenza għas-sejħa tiegħu; kultant nipreferu li nibqgħu għaddejjin b’widnejna magħluqa għax nibżgħu li jitlob minna xi bidla personali. Jista’ jkun li jkollna reżistenza għax lil Alla nħarsu lejh bħala dak li jimponi r-rieda tiegħu fuqna. Imma Alla mhux hekk! Alla jsejħilna għax jixtieq jagħti sens akbar lil ħajjitna, kif ukoll jixtieq jagħtina ferħ tassew awtentiku (mhux mingħajr sagrifiċċju li jakkumpanja l-ħajja tad-dixxipulat). Jekk inkunu onesti magħna nfusna, nindunaw li dak li Alla jrid għalina diġà jinsab fix-xewqat profondi tagħna. Hemm bżonn li nkunu aktar konxji tal-biżat u r-reżistenzi tagħna, biex ma nħalluhomx jifgaw ix-xewqa vera li hemm fina – dik li nagħrfu r-rieda ta’ Alla għalina. 

Ejjew nieħdu b’eżempju lil Pilatu. Pilatu staqsa u reġa’ staqsa lil Ġesù, donnu kienet qed tmissu xi ħaġa fil-profond tal-qalb tiegħu.  Meta sema’ l-kelma verità, wera nteress partikulari. Min jaf x’kien qed jiġri f’Pilatu dak il-ħin? Imma l-biża’ li jitlef il-poter, u r-reżistenza għas-sejħa ta’ Alla fih biex jibni dinja aktar ġusta mibnija fuq il-verità, rebbħuh u siktu dak li kien qed iħoss. Pilatu għalaq il-bieb ta’ qalbu u prefera li jibqa’ jmexxi hu, anke jekk għal ftit, flok ħalla lil Ġesù jiddominah. Quddiemna wkoll hemm għażla: jew inħalli lil Kristu jmexxili kull rokna ta’ ħajti, jew nagħmel bħal Pilatu u mexxi jien waqt li ngħalaq ħalq Ġesù.

Ejjew nitolbu l-grazzja biex ma nkunux torox għal din is-sejħa ta’ Kristu f’ħajjitna u li nkunu kapaċi nagħmlu dak li hu jitlob minna.  Ejjew inkunu miftuħa għal dak li Alla jrid minna u nħallu din l-ħolma ta’ Alla għalina u għad-dinja tentużjażmana.