Riflessjoni għall-5 Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għall-5 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Meta kont iżgħar kelli qasba tas-sajd u kultant kont immur nagħmel sagħtejn nistad minn fuq ix-xatt. Spiss kont naqbad xi ħuta jew tnejn, imma qatt ma rnexxieli naqbad platt ħut! L-aktar li kont nikkuntenta b’xi vopa. Imma darba mort nistad ma’ ħabib tiegħi b’dgħajsa u dak inhar qbadna żewġ tunnaġġi l-ġmiel tagħhom. Hemm indunajt li s-sajd vera ma jsirx minn fuq l-art! Sajjied tajjeb jaf li l-aqwa ħut ma jinstabx max-xatt jew f’wiċċ l-ilma, imma f’ilmijiet aktar fondi. B’hekk, sajjied tajjeb lest li jirriskja u jaqla’ 'l barra, jaqdef fil-fond biex hemm ikun jista’ juri l-kapaċitajiet tas-sajd tiegħu. Fil-fond, iċ-ċans li jkollu sajda tajba jkun ferm akbar milli jekk jibqa’ jħuf max-xatt. Meta toħroġ 'l barra, ma tafx x’se ssib u għalhekk trid tkun ippreparat għal kollox. Jista’ jkun hemm ukoll falliment u sajjied ma jaqbad xejn; tkun tassew disfatta għal dak is-sajjied li jmur id-dar idu f’idu!

Minkejja li Pietru kien sajjied tajjeb, xorta ġieli kellu esperjenzi ta’ falliment. Fl-Evanġelju tal-lum nsibu każ minnhom. Immaġina ftit x’umiljazzjoni x’ħin jidħol id-dar wara lejl jaħdem għal xejn! Quddiem din id-disfatta, Pietru jsib lil Ġesù fin-nofs. Ġesù qabad u daħal fid-dgħajsa ta’ Pietru bla ma talbu permess; mhux biss, imma x’ħin dherlu qallu biex jerġa’ joħroġ jistad; din id-darba talbu jaqla 'l barra u jitfa’ x-xbiek fil-fond. Bejn għax kien għajjien, bejn għax kien frustrat u umiljat għall-fatt li baqa’ b’xejn wara ħafna xogħol, u bejn għax Ġesù kien qed jitlob xi ħaġa li tmur kontra s-sengħa tas-sajd, Pietru ma deherx li kien wisq entużjast.  Imma, kif smajna, Pietru kien lest li jirriskja. Fil-fond ma tafx x’se ssib! U din id-darba Pietru kellu suċċessi kbar. Imma donnu aktar ħassu umiljat issa, quddiem dan is-suċċess, milli meta ma kien qabad xejn. Pietru ħass li dan is-suċċess ma kienx frott il-ħidma u l-kapaċitajiet tiegħu, imma kien mgħoti lilu. Pietru rrealiżża li l-grazzja ta’ Alla hi ferm akbar minnu u li ma kienx jistħoqlu li jirċievi dak kollu. Induna li hu midneb u donnu ried jisparixxi minn quddiem Ġesù. Din l-esperjenza tal-fond laqqagħtu miegħu nnifu.

Anke llum, Ġesù jaf jaqbad u jidħol fid-dagħjsa ta’ ħajjitna u hemm jitlobna nħallu l-“comfort zones ta’ ħajjitna u jistedinna naqdfu aktar fil-fond. Jitlobna nħallu x-xatt u jistedinna biex ma nibqgħux inħufu fil-wiċċ fil-ħajja spiritwali tagħna. Ifakkarna li l-akbar teżori tal-ħajja ma jinstabux fil-wiċċ, imma niskopruhom jekk ninżlu fil-fond tal-qalb tagħna. Dan jitlob minna li nkunu lesti niffaċċjaw il-biżgħat u l-inċertezzi tal-ħajja. Inkunu lesti nidħlu f’riflessjonijiet personali aktar profondi u hemm niltaqgħu ma’ Alla l-imbierek. Miegħu nkunu lesti niffaċċjaw r-realtà tagħna nfusna anke jekk inħossu li aħna, bħal Pietru, aħna midinbin. Jekk nidħlu f’dan il-proċess, nikbru u nimmaturaw spiritwalment. Forsi nsibuha aktar komda li niprattikaw il-fidi tagħna bil-mod li aħna mdorrijin fih. Aktar komda li nimxu mal-format devozzjonali li tgħallimna (per eżempju: nismgħu l-quddies, ngħidu r-rużarju, insumu fir-randan, ngħidu xi talba li tgħallimna bl-amment fi tfulitna eċċ), milli nidħlu f’esperjenzi spiritwali li ma nafux fejn jistgħu iwassluna (per eżempju nagħmlu xi rtir, fit-talb tagħna nħallu ħin għall-meditazzjoni u l-kontemplazzjoni eċċ).
Anke fejn jidħlu r-relazzjonijiet tagħna, hi aktar konda li nibqgħu fil-wiċċ u żomm ħafna ħbiberiji superfiċjali, milli nirriskjaw li nidħlu fil-fond ta’ relazzjoni vera ma’ dak li jkun. Għax meta relazzjoni tidħol fil-fond tkun qed tirriskja li ħaddieħor isir jafek sew u jagħraf ukoll l-imperfezzjonijiet tiegħek. Dan li ġara f’Pietru meta ppermetta lil Ġesù japprofondixxi r-relazzjoni tiegħu miegħu.

Ir-riżulat ta’ ħajja mgħixha aktar fil-fond, hu li tgħix ħajja aktar awtentika u tkun ħafna aktar konxju tal-verità tiegħek innifsek. Meta napprofondixxu ma nibqgħux biss fuq affarijiet superfiċjali imma nfittxu t-tifsir profond ta’ kollox. Anke l-fidi tagħna tissaħħah u tikber, b’tali mod li f’mumenti ta’ dubji jew fi kriżijiet, xorta nibqgħu nfittxu u nafdaw lil Alla. Meta naqdfu fil-fond fil-ħajja spiritwali tagħna, aktar hemm ċans li nisimgħu lil Alla jsejħilna; Alla, li jsejjaħ persuni ordinarji għall-ħwejjeġ straordinarji. Kull wieħed u waħda minna, minkejja l-imperfezzjonijiet tagħna, aħna mistiedna biex ikollna sehem fil-bini tas-saltna ta’ Alla. Is-siltiet tal-lum jgħinuna nagħrfu kif inwieġbu għal dawn is-sejħiet li Alla jgħamlilna fil-ħajja tagħna.