Riflessjoni għall-5 Ħadd tal-Għid

Riflessjoni għall-5 Ħadd tal-Għid

minn Dun Bastjan Caruana.

Meta kont għamilt sentejn barra minn Malta, tgħallimt insuq fuq in-naħa tal-lemin tat-triq. Għall-ewwel ma kenitx faċli, u ridt noqgħod seba’ mitt għajn biex ma nispiċċax fuq in-naħa tax-xellug. Imma mbagħad drajt u drajt sew! Kien meta rritornajt Malta, meta mbagħad kelli noqgħod ħafna attent li ma nsibx ruħi fuq in-naħa l-oħra tat-triq!  Aħna ngħaddu ħajjitna kollha nitgħallmu! Ħafna drabi l-esperjenzi li ngħaddu minnhom ikunu qed jgħallmuna realtijiet ġodda f’ħajjitna. Aktar ma tirrepeti u tagħmel l-istess azzjoni, aktar titgħallem u, mingħajr wisq sforz, dak li tagħmel jsir parti minn ħajtek. Dan jiġri fit-tfal meta jibdew imorru l-iskola, jiġri kull meta xi ħadd jibdel l-impjieg tiegħu, jiġri wkoll meta tiġi biex tibdel l-istil tal-ħajja tiegħek eżempju tieqaf mix-xogħol.  Meta nitkellmu minn tagħlim, u minn adattament fil-ħajja, importanti li nenfasiżżaw l-importanza tar-repetizzjoni. Meta nirrepetu u nerġgħu nirrepetu, aktar hemm ċans li dak li ngħamlu jieħu pattern u jsir attitudni fina.

Illum il-kelma ta’ Alla qed tkompli turina l-bżonn li kull dixxiplu ta’ Ġesù jitgħallem attitudni, li Ġesù ried li kull dixxiplu jkollu f’ħajtu – L-imħabba.  Kemm-il darba Ġesù tkellem fuq il-bżonn tal-imħabba! Kemm-il darba waqaf ma’ min kien fil-bżonn u bagħtut, u b’hekk uriena x’jiġifieri l-imħabba vera! Kemm-il darba rrakonta parabboli biex jikkonvinċina li l-imħabba hi l-qofol ta’ kollox!  Iżda s-silta li għandna llum, tiġbor fiha t-tagħlim u l-għemil kollu ta’ Ġesù; hi silta mill-aħħar diskors tiegħu, propju qabel ma bagħta għalina.  F’dan il-mument Ġesù waqqaf it-testment tiegħu, li fih ħalla wirt: l-istess dixxipli tiegħu li jgħixu fl-imħabba kif kien uriehom hu, tant li qalilhom: “ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.” Bla dubju, Ġesù kien qed jirriskja bil-kbir, għax kien jaf lil min kellu quddiemu! Wieħed minn dawk li għażel, kien qed idur kontrih. Min bil-kliem qal li lest li jmut għalih, kien se jiċħdu. Lil kull min għażel u għix miegħu għal tlett snin, issa kien se jaħrab minnu minħabba s-salib. Madankollu xejn ma żammu milli jibqa’ jinvesti fihom, jafdahom u jħobbhom sal-aħħar. Bl-azzjoni tiegħu, Ġesù baqa’ juri x’kien qed jifhem bil-kelma mħabba. Kien qed juri tip ta’ mħabba li ma tistenna xejn lura u tibqa’ qawwija, anke meta ma jkunx hemm rispons għaliha.  Quddiem din il-lezzjoni d-dixxipli tgħallmu aħjar x’inhi l-imħabba vera, li tagħha kellhom jagħtu xiehda. Minn dan l-istil ta’ mħabba kellhom jingħarfu.

L-importanza tar-repetizzjoni tidher ukoll fl-ewwel qari tal-lum, fejn Pawlu u Barnaba, reġgħu żaru l-postijiet li kienu marru fihom qabel biex isaħħu l-fidi ta’ dawk li emmnu. Huma baqgħu iħeġġu lid-dixxipli biex iħobbu, anke jekk iħabbtu wiċċhom mat-tbatija. Ir-rutina fil-prattika tal-fidi mhix monotonija u tidwir fil-vojt, imma mod ta’ kif nikbru fil-fidi, u fl-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn. Pawlu u Barnaba ma qalu xejn ġdid minn dak li kienu qalu fl-ewwel żjara tagħhom, imma tennew dak li qalu qabel, biex ifakkru lil dawk li emmnu f’hiex kienu jemmnu. Ir-repetizzjoni għinet lil min kien laqgħa l-predikazzjoni tagħhom fl-ewwel żjara u b’hekk dawn id-dixxipli ġodda setgħu japprofodixxu l-fidi f’Ġesù.

Meta naqraw u nerġgħu naqraw l-Iskrittura Mqaddsa, anke jekk l-istess siltiet, meta nisimgħu xi omelija li nkunu diġa’ smajna qabel, jew meta nieħdu sehem fil-quddiesa anke jekk dejjem jingħad l-istess kliem, mhux ħela ta’ ħin jew nuqqas ta’ kreattività, imma dan jgħinna biex napprofondixxu u nikbru fil-fidi. Bħalma mhux biżżejjed li tagħti daqqa waħda fuq musmar biex jidħol f’injama, hekk ukoll mhux biżżejjed esperjenza waħda (one off experience) biex nikbru fil-fidi u l-imħabba tagħna.  Mhux biżżejjed li titlob darba fill, jew tagħmel karità darba fis-sena, l-anqas ma hu biżżejjed li tħobb persuna waħda, imma hemm bżonn li dawn isiru fina attitudnijiet. Hemm bżonn li jinbena pattern ta’ talb biex ikabbar ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, pattern ta’ karità, li fejn nista’ ngħin lil min jidher quddiemi fil-bżonn, pattern ta’ mħabba fejn nasal li nħobb bl-istess mod li jħobbni Ġesù, dan ifisser li nibqa’ nħobb anke meta  ma nsibx rispons.

Matul din l-ġimgħa, ejjew nirrevedu ftit il-patterns ta’ ħajjitna; dawk il-patterns li jgħinuni nħobb nieħu ħsiebhom u nikkultivhom, waqt li dawk il-patterns li ma jaqblux mal-imħabba ta’ Kristu nikkoreġihom. Staqsi: Kif Ġesù kien iwieġeb quddiem din ir-realtà li qed ngħix fiha issa? Kif kien iħobb? It-tweġiba tagħna trid tkun l-għażla li nagħmel biex inħobb aktar kif iħobb Hu.