Riflessjoni għall-5 Ħadd tal-Għid

Riflessjoni għall-5 Ħadd tal-Għid

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Bdiet is-sħana, u diġà qed naraw ħafna mill-għelieqi bil-qamħ u s-silla maħsuda u l-kampanja tinxef. Imma fl-istess ħin nistgħu nilmħu ħafna dwieli jisbieħu u jimtlew bil-frott. Id-dielja hi siġra li tikber fi klima sħuna u f’ambjent adattat.  Hi siġra li trid ħafna kura u attenzjoni.  Meta Ġesù qabbel lilu nnifsu u lilna ma’ dielja, qed juri li anke aħna għandna bżonn ħafna kura u attenzjoni biex ħajjitna tħalli ħafna frott.  Fostna wkoll hemm bżonn li jkun hemm klima tajba; hemm bżonn li ssaltan is-sħana tal-imħabba safja. San Ġwann fl-ewwel ittra tiegħu jistedinna biex inħobbu tassew, mhux bil-kliem u t-tpaċpiċ imma bl-għemil u fis-sewwa. Din il-klima tgħin lil kull dixxiplu jikber u jagħmel il-frott. L-imħabba safja twaħħadna ma’ Kristu Ġesù, waqt li hu jgħaddi fina l-ħajja tiegħu u naslu li nipproduċu ħafna frott ta’ mħabba, li jidher fl-għemil tagħna. Hekk hu: l-imħabba tiġġenera l-imħabba.

Ejjew nieqfu ftit quddiem l-immaġini tad-dielja. Inħarsu ftit lejn fergħa sabiħa u ħadra u nosservaw żewġ punti li jistgħu jgħinuna nirriflettu fuq l-istess ħajja tagħna. Peress li d-dielja hi siġra li tixxeblek u tqabbad ma’ dak kollu li ssib, hemm bżonn li l-bidwi:

  • jipreparalha kannizzata biex ikollha ma’ x’hiex tixxeblek u żżomm, il-bqijja tibqa’ tinfirex mal-art bil-konsegwenza li l-frott jitħassar.
  • Minħabba f’hekk ukoll il-bidwi ma jibżax jiżbor u jaqta’ l-biċċa l-kbira ta’ kull fergħa waqt li jżomm biss il-parti li tkun qrib iz-zokk.
  • Il-kannizzata tiprovdi support lill-friegħi tad-dielja, għax fergħa ta’ dielja ma tiflaħx terfgħa lilha nifisha bl-għeneb li jkollha mdendel magħha. Dan jurina biċ-ċar li aħna wkoll ma nistgħux nerfgħu lilna nfusna, ma nistgħux inkunu mija fil-mija ndipendenti u ma nistgħux ngħaddu mingħajr l-għajnuna ta’ ħaddieħor: hemm bżonn li jkollna support. Tajjeb li nistaqsu min fejn qed infittxu s-support li għandna bżonn? Ma fejn qed nigranfaw biex ma nibqgħux nitmegħku mal-art?  Importanti li nqabbdu ma’ dak li hu sod u mhux ma’ dak li jista’ jikrolla u jwassal għall-qerda tagħna nfusna.  Bħala dixxipli tal-Mulej aħna nistgħu noffru support lil xulxin u nerfgħu lil xulxin; l-istess komunità nisranija għandha tkun il-kannizzata fejn kull dixxiplu jista’ jqabbad ħalli jikber u jagħmel il-frott. Rajna fl-ewwel qari tal-lum kif “il-knisja kienet dejjem tikber u timxi 'l quddiem bil-biża’ tal-Mulej u tiżdied fl-għadd bil-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.” Kienu verament support għal xulxin!

 

  • Il-fergħa tibqa’ tinfirex u titwal imma aktar ma tinfexx fil-weraq, anqas tagħmel frott, għax l-enerġija tagħha tinħela fil-weraq u mhux fil-frott. Verament li l-weraq ħodor tad-dielja tagħmluha aktar sabiħa, imma l-importanti hu mhux kemm tidher sabiħa imma kemm tassew tagħmel frott bnin. B’din it-tixbiegħa, Ġesù qed jurina wkoll il-bżonn li niffukaw, ma ninħlewx fuq ħafna u ħafna affarijet sekondarji, ma nħallux il-ħafna xogħol u taħbit jgħajjina, l-anqas ma nħallu l-ħafna trufijiet jixorbu minnha l-enerġija kollha tagħna. Il-kelma ta’ Ġesù tħeġġiġna biex niffukaw fuq dak li hu essenzjali; mhux kemm nidhru b’saħħitna u sbieħ l-aktar li jgħodd imma kemm tassew nagħmlu frott, u dan jista’ jiġri biss jekk nibqgħu qrib il-Mulej Ġesù u l-Kelma tiegħu. Dan nistgħu nagħmluh billi kuljum insibu ftit ħin li fih nieqfu fil-preżenza tiegħu bla ma nagħmlu xejn, bla ma ngħidu xejn imma nibqgħu biss ħdejh nirċievu l-ħajja tiegħu fina.

Ejjew nissaħħu fir-relazzjoni tagħna mal-Mulej Ġesù, biex inħalluha isaħħah ir-relazzjoni tagħna ma’ xulxin.