Riflessjoni għall-Ewwel Ħadd tal-Avvent

Riflessjoni tal-Ewwel Ħadd tal-Avvent

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Ftit ilu ltqajt ma’ koppja li qaluli li kienu sejrin fuq babymoon. Ngħid il-verità, qatt ma kont smajt b’din l-kelma. B’babyshower parties smajt imma b’babymoon le! Id-differenza hi li babyshower hu festin li jsir mal-ħbieb u l-qraba, meta l-ġenituri futuri jsiru jafu li se jkollhom tarbija, waqt li l- babymoon hi xi ħaġa ta’ bejn il-koppja nnifisha. Il-babymoon hi bħal vaganza li l-ġenituri prospettivi jagħmlu flimkien xi ġimgħat qabel ma’ t-tarbija titwieled. Dak iż-żmien jgħin lill-ġenituri jistrieħu sew, qabel ma’ l-ħin jitteħdilhom kollu mit-tarbija. Imma xorta waħda naħseb, li l-babymoon qatt ma jista’ jkun vaganza bħall-oħrajn!  Il-ftit ġimgħat ta’ qabel titwieled tarbija huma ferm impenjattivi għall-ġenituri; huma jiffukaw fuq dak li hemm bżonn għat-tarbija; jibdew iħejju l-ħwejjeġ u l-affarijiet tal-baby, jattendu korsijiet biex ikunu jafu kif irabbu lit-tarbija tajjeb, ifittxu u jaqraw dwar dan is-suġġett, jistaqsu lil min għandu l-esperjneza u fuq kollox jgħamlu minn kollox biex jibdew jibnu bond tajjeb mat-tarbija minn qabel it-twelid. Għalhekk l-istess tħejjija għat-twelid tat-tarbija ġġib ħajja ġdida fil-ġenituri. 

L-avvent hu l-babymoon tan-nisrani.  Hu waqfa li tgħin lin-nisrani jiffoka u jħejji ruħu għall-ħajja l-ġdida, twelid ġdid. Nistaqsu – it-twelid ta’ min? L-avvent mhux sempliċement erba’ ġimgħat ta’ tħejjija għall- birthday party kbir ta’ xi ħadd li twieled 'l fuq minn 2000 sena ilu, imma hu tħejjija u preparazzjoni għal twelid ġdid li jrid iseħħ issa – twelid ta’ ħajja ġdida li Alla jrid iġib f’kull wieħed u waħda minna permezz ta’ Kristu.

Fl-ewwel qari tal-lum, il-Mulej jurina kif irid iħejjijna għal dan it-twelid ġdid. Irid jeħodna fuq vaganza u jtellgħana fuq l-għolja tiegħu, jeħodna lejn id-dar ta’ Ġakobb u jgħallimna triqatu. Bħalma l-ġenituri jkunu lesti jitgħallmu kif jikkuraw tarbija u jibnu bond magħha, hekk aħna rridu nitgħallmu dak li hemm bżonn biex insaħħu l-bond tagħna ma’ Alla. Il-ġenituri jitgħallmu jkunu attenti għas-sinjali li tagħti t-tarbija biex jindunaw xi bżonnijiet ikollha u jitgħallmu wkoll kif iwieġbu għalihom bl-aħjar mod. Fuq l-għolja tal-Mulej aħna nitgħallmu nkunu attenti għas-sinjali ta’ Alla u kif inwieġbu għal dawn is-sinjali. Xi ħaġa mportanti ferm fit-tħejjija għal tarbija ġdida, hi t-tisħiħ tal-istess relazzjoni ta’ bejn il-missier u l-omm, għax jekk il-missier u l-omm tat-tarbija ma jkunux f’relazzjoni ta’ mħabba sinċiera, it-tarbija li tkun se titwieled tiġi affetwata ħażin.  L-istess fir-rigward tagħna ma’ Alla; jekk irridu li jkollna bond b’saħħtu ma’ Alla, hemm bżonn li jkun hemm bond tajjeb bejnietna. Alla jgħallimna ngħixu f’armonija; jgħallimna kif “nibdlu x-xwabel tagħna f’sikek tal-moħriet u l-lanez fi mnieġel... U nimxu fid-dawl tal-Mulej!” Faċli noħorġu x-xwabel għal min idejjaqna, għal min jipponta subajh lejna, għal min imerina, faċli nagħmlu gwerra ma min idawwar wiċċu quddiemna u ma nkellmuhx aktar. Imma Alla jgħallimna naċċettaw lil xulxin, nilqgħu anke lil dawk li huma differenti minna, u nħobbu saħansitra l-għedewwa, biex ikollna fina twelid ġdid; ħajja ġdida. 

Fit-tieni qari wkoll, nisimgħu lil San Pawl jgħid lir-rumani, biex jgħixu fid-dawl bħal bin-nhar u “jwarrbu l-ġlied u l-għira.” Jekk inħarsu madwarna malajr nindunaw bil-bżonn urġenti ta’ dan it-twelid ġdid. Madwarna hawn ħafna taqbid, glied, mibgħeda u vjolenza. Mhux biss bejn persuni imma wkoll bejn pajjiżi, gruppi, familji u saħansitra fil-knisja stess.  Fejn hemm il-glied, ma hemmx lok għall-ispirtu ta’ Alla, għalhekk irridu nieħduha bis-serjetà, inqumu mir-raqda li ninsabu fiha, għax is-siegħa tat-twelid qed toqrob. Noqgħodu attenti li ma nabortixxux il-ħajja ġdida li Alla jrid iwelled fina. Ma neqirdux l-Ispirtu li Alla tana bħala wlied.

Il-babymoon ma jsirx fl-aħħar ġimgħa tat-tqala. Il-ġenituri għaqlin jippreparaw kmieni kull ma jkun hemm bżonn, għax jafu li t-tarbija tista’ tiġi qabel iż-żmien.  Jekk iħallu għall-aħħar, it-tarbija tista’ taħsadhom.  Ejjew aħna wkoll, ma nħallux għall-aħħar, nibdew mill-ewwel jiem tal-Avvent nitolbu, infittxu u nistaqsu, naqraw u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nilqgħu t-tagħlim ta’ Alla u nkunu lesti nilqgħu t-Twelid ġdid – il-ħajja ġdida li Alla jrid jagħtina.