Riflessjoni għall-Ewwel Ħadd tal-Avvent

Riflessjoni għall-Ewwel Ħadd tal-Avvent

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Close up portrait of handsome man talking boarding instructions for passenger of international airlines before to flight

Qabel kull vjaġġ bl-ajru, isiru diversi avviżi ta’ sigurtà lil passiġġieri. Wara li l-ekwipaġġ jilqa’ lill-passiġġieri, jinfurmawhom bil-miżuri ta’ sigurtà li jkollu l-ajruplan. Fost l-oħrajn juru l-bibien tal-ħruġ ta’ emerġenza, l-maskli tal-ossiġnu waqt li jinfurmaw lill-passiġġieri kif għandhom jintlibsu f’każ ta’ salvataġġ il-life jackets li huma magħmmra b’dawl u suffara apposta, li jintefħu f’każ li jkollhom jevakwaw l-ajruplan. Qabel it-tluq il-passiġġieri jiġu mitluba jitfgħu l-apparat eletroniku (jew jagħmluhom flight mode), ma jpejpux tul il-vjaġġ u li jilbsu ċ-ċintorin tas-sigurtà, waqt li joqgħodu bilqiegħda f’pożizzjoni wieqfa.  Fi kliem ieħor l-ekwipaġġ jagħmel minn kollox biex jipprepara l-passiġġieri għat-titjira u għal kull eventwalità li tista’ tinqgħala tul il-vjaġġ.  Għal min jivjaġġa spiss, jaf x’jien ngħid, anzi dara jisma’ l-istess diskors! Il-probabilità hi li dawn il-miżuri jittieħdu forgranted minn min jivjaġġa spiss u ftit jagħti kashom. Ara min ma jkunx daqshekk frekwenti, wisq probabbli joqgħod attent għal kull kelma li tingħad waqt l-avviżi tas-sigurtà.  Xi wħud anke jħossu xi ftit biża’ u anzjetà għax ikunu aktar konxji tar-riskju li jkunu fih; jifhmu li jista’ jinqala’ xi ħaġa u jintilfu tul il-vjaġġ.

L-Avvent u żmien lituġiku ġdid li fih il-Kelma ta’ Alla tgħaddilna avviżi ta’ sigurtà, aħna u nivjaġġaw lejn pajjiżna s-sema. Turina l-bżonn li nkunu attenti u preparati tajjeb. Faċli ħafna li nidraw dan il-kliem peress li ngħixu żmien l-Avvent kull sena. Imma hemm bżonn li noqgħodu attenti aktar. Nagħtu każ il-kliem ta’ twissija biex inkunu dejjem ippreparati sew. Jekk tul il-vjaġġ nimxu ma’ l-istruzzjonijiet mgħotija lilna mill-Mulej m’għandniex għax ninħasdu jew nallarmaw ruħna jekk jiġri xi ħaġa mhux mistennija.

  • Fost l-oħrajn il-Kelma ta’ Alla twissina mill-bżonn li nkunu responsabbli: dan ifisser li nkunu kapaċi nagħmlu għażliet u nieħdu responsabbilità tagħhom inkluż tal-konsegwenzi li jġibu magħhom l-istess għażliet. Inħarsu lejn Ġesù nnifsu. Hu ħa responsabbilità meta għażel li jsir bniedem bħalna biex isalvana; dan fisser għalih li jiffaċċja s-salib. Ġesù baqa’ hemm anke quddiem l-istess salib u b’fedeltà għix kull mument tal-għażla li għamel biex jifdina. Bħalu aħna msejħin nkunu responsabbli tal-għażla tagħna. Jekk nagħżel li nimxi wara Ġesù, irrid inkun lest għal dak li timplika din l-għażla sal-aħħar. F’ebda mument ma nsibu lil Ġesù jitfa t-tort fuq xi ħadd ieħor, għal dak li kien qed jgħaddi minnu.  Anqas ma rtira fil-mument tal-prova.  Bħala qaddejja ta’ Alla, aħna ġejna afdati responsabbiltajiet differenti; nishru billi bħal Ġesù ma nirtirawx quddiem id-diffikultajiet u anqas nitfgħu r-responsabbilijiet tagħna fuq ħaddieħor. F’dan iż-żmien tal-Avvent tajjeb li nħarsu ftit lejn dawn ir-responsabbilitajiet u naraw kif qed ngħixuhom.
  • Il-Kelma ta’ Alla tgħinna wkoll nagħrfu l-bżonn tas-salvazzjoni, wara li tiftħilna għajnejna biex nindunaw bid-djugħfijiet u l-miżerja tagħna. Eżempju ċar hu l-ewwel qari tal-lum. Il-karba tal-profeta quddiem Alla, biex Hu jċarrat is-smewwiet u jinżel, ħalli jsalvana mill-ebbusija ta’ qalbna. Wieħed mill-akbar perikli li ninsabu fih, hu li naħsbu li nistgħu nsolvu l-problemi tagħna weħidna. Kultant inħossu li m’għandna bżonn lil ħadd, għax kapaċi nsibu tarf bl-istess teknoloġija u b’għarfien li toffrilna d-dinja diġitali. Imma ebda teknoloġija ma tista’ ssalvana minna nfusna; minn irbit li nsibu ruħna fih. Ebda tekonoloġija ma tista’ teħlisna minn vizzji li ninqabdu fihom. Irridu nammettu li għandna bżonn li xi ħadd ieħor biex jaqlana minn sitwazzjonijiet li jkunu qed jagħmlulna l-ħsara. U la darba ninsabu lkoll fl-istess baħar għandna bżonn niġu salvati minn min mhux maqbud fl-istess kundanna – b’hekk ngħajtu u ngħidu “ejja Mulej Ġesù.” Matul dan l-Avvent ejjew nagħrfu l-bżonn tas-Salvatur u nitolbuh jiġi u jsalvana.

Inħallu l-Kelma ta’ Alla tħejjina għall-festi tal-Milied u nħalluha tagħmilna aktar attenti biex nishru sa ma jerġa jiġi.