Riflessjoni għall-Festa ta' Corpus Christi

Riflessjoni għall-Festa ta' Corpus Christi

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Mort tieġ u bqajt niftakru. Tista’ tgħid l-ikel kollu li kien hemm kien ġdid għalija, sew fid-dehra kif ukoll fit-togħma. Kien tieġ avventura, għax kull item ridt niddeċiedi jekk nipprovax niekol jew le. Fejn is-soltu ma nistaqsi xejn, dakinhar tista’ tgħid li kull darba staqsejt: “Dan x’inhu?” U l-waiters kienu jgħiduli x’fih kull item, u ta’ liema pajjiż kien speċjalità. Minkejja li l-waiters kienu aġġornati sew u tawni ħafna nformazzjoni, xorta kien hemm bżonn induq biex nara x’joffri kull item. L-esperjenza li tagħti kull togħma hija unika u ħadd ma jista’ jispjegahielek sew. Kien hemm diversi items li għoġbuni u erġajt ħadt minn dak l-item.

Inħoss li din kienet l-esperjenza tal-Lhud fid-deżert meta raw quddiemhom il-manna. Huma staqsew: “Dan x’inhu?” Hekk kif raw għall-ewwel darba l-ħobż li niżel mis-sema. Huma daqu dan il-ħobż u esperjenzaw il-ħlewwa tiegħu. Ħadu u reġgħu ħadu u b’hekk kellhom is-saħħa li jibqgħu mexjin sa ma waslu fl-art imwiegħda. F’wieħed mis-salmi nsibu dan il-kliem: “Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej. Aħna għandna x-xorti li nistgħu nduqu u nesperjenzaw il-ħlewwa ta’ Sidna Ġesù Kristu, li qalilna li hu tassew ikel. Meta nduqu minnu nkunu qed niġu sostnuti tul il-vjaġġ kollu li jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Meta naħsbu dwar ix-xebħ li hemm bejn il-manna u l-Ewkaristija nindunaw li t-tnejn huma don minn Alla. Il-manna ma setgħetx tinkiseb bil-ħila tal-bniedem imma kienet biss rigal offrut mis-sema. L-Ewkaristija wkoll hija rigal pur tal-imħabba ta’ Alla. It-tnejn, għalhekk, juru l-providenza ta’ Alla. Alla ma ħalliex lill-poplu tiegħu bil-ġuħ fid-deżert, u lanqas ma jħallina mingħajr il-preżenza tiegħu llum. Imma x’inhi d-differenza bejn il-manna u l-Ewkaristija? Id-differenza hija waħda kbira. Waqt li l-manna kienet ħobż materjali li sostna l-ħajja tal-ġisem għal żmien twil, l-Ewkaristija hija l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu nnifsu, li jagħti ħajja spiritwali u jwassal għall-ħajja ta’ dejjem. Il-manna kienet biss simbolu, waqt li l-Ewkaristija hija r-realtà. Il-manna kienet għal vjaġġ temporanju fid-deżert, u l-Ewkaristija hija għal vjaġġ li jwassalna għand Alla. Aħna lkoll ngħixu f’deżert ta’ sfidi, inċertezzi, tentazzjonijiet u għeja spiritwali. Kultant inħossuna mitlufin jew mingħajr direzzjoni. F’dawn il-mumenti, Kristu jagħtina l-Ewkaristija bħala l-manna 'l ġdida, l-ikel li jġedded il-fidi tagħna, isaħħaħna fil-provi, u jfakkarna li Alla miexi magħna. Kif il-manna kellha tinġabar kuljum, hekk ukoll il-ħajja Nisranija teħtieġ kuntatt regolari mal-Mulej u b’hekk għandna bżonn nirritornaw kontinwament lejn il-mejda tal-Ewkaristija fil-Quddiesa biex nirċievu s-saħħa li għandna bżonn.

Imma meta nitkellmu dwar l-Ewkaristija, m’għandniex nieqfu biss fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. L-Ewkaristija mhijiex ċerimonja li ddum biss ftit minuti, imma hi għajn ta’ ħajja li għandha tħalli effett fuq kull ħin tal-ġurnata tagħna. L-ewwelnett, l-Ewkaristija tfakkarna li Alla jibqa’ magħna f’kull ħin. F’dinja fejn ħafna drabi nħossuna waħedna, mgħaġġlin jew mgħobbija bil-problemi, Ġesù jagħżel li jibqa’ preżenti fostna. Meta nitqarbnu, ma nkunux qed nagħmlu sempliċi rit reliġjuż; inkunu qed nilqgħu lil Kristu nnifsu li jixtieq jimxi magħna fil-ferħ u fit-tbatija. It-tieni, l-Ewkaristija tgħallimna naqsmu. Ġesù ħa l-ħobż, bierku, qasmu u tah lid-dixxipli. Dan il-ġest għandu jsir stil ta’ ħajja għalina wkoll. Kull darba li naqsmu l-ħin tagħna, l-attenzjoni tagħna, il-ġid tagħna jew it-talenti tagħna ma’ oħrajn, inkunu qed ngħixu l-ispirtu tal-Ewkaristija. U fuq kollox l-Ewkaristija hija skola ta’ mħabba u maħfra. Ma nistgħux nersqu lejn il-mejda tal-Mulej u nibqgħu nżommu mibegħda jew rabja lejn ħaddieħor. Kristu, li jagħti lilu nnifsu għalina, jistieden lilna wkoll biex nitgħallmu naħfru, nifhmu u nibnu relazzjonijiet ta’ paċi. L-Ewkaristija tagħtina wkoll saħħa għall-missjoni tagħna. Il-Quddiesa tispiċċa bil-kliem: “Morru fil-paċi ta’ Kristu.” Dan mhux sinjal li kollox spiċċa, iżda li issa tibda l-ħidma tagħna. Dak li nirċievu fuq l-artal irridu nwassluh fid-dar, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola u fis-soċjetà nġenerali. Aħna msejħin inkunu l-preżenza ta’ Kristu fejn ngħixu.

Santu Wistin kien qal: “Intom dak li tirċievu, u tirċievu dak li intom; mela meta nirċievu l-Ġisem ta’ Kristu, aħna msejħin insiru dejjem aktar il-Ġisem tiegħu fid-dinja: sinjal ta’ mħabba, għaqda u tama għal kulħadd. Infittxu għalhekk li nersqu jekk jista’ jkun lejn l-Ewkaristija kuljum.