Riflessjoni għall-Festa ta’ Corpus

Riflessjoni għall-Festa tal-Ġisem u d-Demm ta' Ġesu

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Dan hu ġismi:  ħudu u kulu – dan hu demmi: ħudu u ixorbu. Diskors li jitlob fidi qawwija għax quddiem l-għotja ta’ Ġesù ma tantx hemm post għal-loġika u argumenti. Hu diskors li aktar jitkellem mill-bżonn tas-susteniment, milli jwassal lill-moħħ biex jifhem. Fil-mixja tal-ħajja għandna l-bżonn ta’ ikel li jagħti sens lil ħajjitna; ikel li jmantnina biex ma niddgħajfux u nimirdu fit-triq. Ħafna drabi d-diskors tagħna ta’ kuljum jaqa’ fuq il-ikel, fuq is-saħħa marbuta mal-ikel li nieklu.  Min jitkellem x’se jsajjar u min jitkellem fuq kemm se jnaqqas kaloriji. Illum aktar minn qabel sirna konxji tal-bżonn li nieklu healty food. Madanakollu spiss niltaqgħu ma’ riċetti ġodda li jħajruna nipprovaw tisjir ġdid – dan juri li mhux biżżejjed li timla’ żaqqek, imma mportanti li jiġi rrispettat il-palat fl-ikel, li jagħti wkoll ċerta gost – nistgħu ngħidu li l-ikel sar arti u aktar ma tkun kreattiv aktar tiekol għal qalbek.

Dan jgħodd ukoll għas-sosten spiritwali tagħna; Ġesù tana lill-ġismu bħala ikel bnin li jsostnina fil-mixja spiritwali tagħna. Bħall-ikel li nieklu, il-ġisem ta’ Ġesù hu esperjenza dejjem ġdida li jagħti palat tajjeb lil ħajjitna – Hu jista’ jagħtini l-gost meħtieġ biex ngħix.  Illum ejjew nistaqsu x’inhu jsostni l-fidi tagħna? Nista’ ngħid li Ġesù hu tassew dak li qed jagħti sens lil ħajti? Ġesù, hu tassew dak li jimlieni b’entużjażmu għall-ħajja?

Meta nitkellmu mill-ġisem ta’ Ġesù, ma għandniex nifhmu biss it-tqarbin Imqaddes imma l-esperjenza sħiħa ta’ Kristu; hu Kristu fil-Kelma proklamata lilna, hu Kristu fil-komunità li temmen, hu Kristu fid-dinja li ngħixu fiha, hu Kristu fil-persuni li niltaqgħu magħhom u hu Kristu fl-Ewkaristija. Din l-esperjenza sħiħa ta’ Kristu għandha ssostnina fil-mixja tagħna tal-ħajja.  Dawn huma l-ingredjenti li jwasslu għall-esperjenza vera tal-Ġisem u d-demm ta’ Ġesù. Ir-riċetti li jsiru minn dawn l-ingredjenti jistgħu jkunu riċetti oriġinali u ġodda. B’hekk nistgħu naslu li jkollna esperjenza ġdida ta’ Alla li tagħtina togħma li ssostnina f’saħħitna u tħeġġiġna biex naqsmu ma’ l-oħrajn il-fidi tagħna, bħalma ngħaddu lill-oħrajn, riċetti tal-ikel li nkunu ipprovajna.

Jekk il-fidi tagħna ssir waħda medjokri, u ma toffrix din l-esperjenza ġdida, nkunu rridu nieqfu ftit, noħorġu mir-ritmu ta’ kuljum u nfittxu modi ġodda ta’ kif nieklu dan l-ikel spiritwali (infittxu modi ġodda ta’ talb – tal-laqgħat tagħna mal-Mulej – ħalli b’hekk nerġgħu niggustaw l-ikla spiritwali). Fis-silta tal-lum naraw kif id-dixxipli preparaw għall-ikla ta’ l-Għid; kien hemm bżonn li jfittxu l-post li Ġesù qalilhom biex iħejju; riedu jmorru jixtru u jħejju l-ikel. Dan jurina l-bżonn li nfittxu modi ġodda u nħejju ruħna biex nilqgħu l-ikel tal-kelma, biex ngħixu fil-ħajja tal-komunità u biex nirċievu t-tqarbin Imqaddes.

Il-festa ta’ Corpus hi festa li tħeġġiġna nibnu rapport dejjem aktar personali ma’ Kristu;  hi wkoll festa li tiċċalinġja r-riti li mdorrijin nagħmlu waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tagħna; jekk ikunu ta’ sosten insaħħuhom imma jekk ikunu vojta u ma qed joffru xejn ġdid fil-mixja spiritwali tagħna, aħjar insibu modi ġodda kif niltaqgħu ma’ Alla. Il-quddiesa tista’ ssir b’mod dejjem ġdid; fiha hemm l-ikel tal-Kelma, hemm l-esperjenza tal-komunità li tista’ issir dejjem aktar ħajja billi nersqu aktar lejn xulin, hemm ukoll il-qsim tal-ħobż li jieħu sens jekk il-Kelma tkun fissret xi ħaġa f’ħajjitna u jekk inkunu qed ngħixu bħall-aħwa. Li tgħix il-ġdid ma jfissirx li twarrab il-qadim imma aktar tfisser li titfa’ spirtu ġdid f’dak li mdorrijin nagħmlu. Fi kliem ieħor, mhux li tieqaf tiekol imma li tibdel ir-riċetta għalkemm tuża’ l-istess ingredjenti.

Illum ejjew nitolbu biex il-Mulej isaħħah fina l-fidi fih. Nemmnu li hu Hu tassew il-ħobż ħaj li niżel mis-sema u li l-kalċi hu tassew il-kalċi ta’ demmu (ta’ ħajtu) li tagħhulna biex fina jkollna l-ħajja tiegħu.