Riflessjoni għall-Festa ta' Pentekoste

Riflessjoni għall-Festa ta' Pentekoste

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Aħna nafu x’jista’ jagħmel riħ qawwi, għax spiss nesperjenzaw xi riefnu fi gżiritna! Biżżejjed insemmu l-maltempata ‘Harry’ li laqtet lil pajjiżna f’Jannar li għadda. Dak inhar il-baħar tħawwad u fil-veru sens tal-kelma belgħa l-art, oġġetti jtiru minn fuq il-bjut, siġar jinqalgħu minn għeruqhom, u saret ħsara tremenda li ġiet stmata li swiet €121 miljun. Riħ qawwi jħalli impatt kbir u jbiddel saħansitra dak li jidher sod u stabbli – ‘Harry’ biddel il-kosta tal-bajjiet fejn kien l-aktar jaqbel!

Fir-rakkont tal-Pentekoste San Luqa jgħid: ‘instema’ ħoss ta’ riħ qawwi’, hekk kif niżel l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli. Iżda hemm differenza kbira bejn ir-riħ tal-maltemp u dan il-ħoss ta’ riħ li nstema fil-Pentekoste. L-Ispirtu s-Santu, iva, daħal fil-ħajja tal-Appostli b’qawwa kbira imma mhux biex jeqred u jkisser, kif jagħmel il-maltemp, imma biex ibiddel u jagħti ħajja ġdida lilhom u lil kull min jiltaqa’ magħhom. Kultant Alla jidħol fil-ħajja tagħna bħal riħ qawwi u jħawwad id-drawwiet tagħna, ikisser dak kollu li jagħmilna komdi, u jġiegħlna nibdlu dak li mdorrijin bih, u hekk jinfetħu bibien ġodda biex nesperjenzaw il-ħajja b’mod differenti. Tassew, l-Ispirtu s-Santu jaf jagħmilna skomdi, imma wara r-riħ tiegħu jista’ jibda kapitlu ġdid. Anke fl-Evanġelju tal-lum għandna li Ġesù rxoxt wieqaf f’nofs l-Appostli, u wara li sellmilhom, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu”. Dan in-nifs kellu wkoll marbut miegħu sens kbir ta’ bidla; bidla li ġġib magħha l-maħfra tad-dnubiet. Dan hu nifs li jeqred il-qadim u jagħti spazju għall-ħajja ġdida – il-ħajja tal-grazzja.

Fir-rakkont tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli, insibu immaġini oħra barra dik ta’ riħ qawwi. San Luqa jgħidilna li dehru ilsna tan-nar fuq kull wieħed mid-dixxipli miġbura. Mhux l-ewwel darba li fil-Kotba Mqaddsa nsibu s-simbolu tan-nar. Kull fejn insibu dan is-simbolu ma nsibuhx bħala nar li jeqred, imma aktar bħala nar li jdawwal, li jsaħħan, li jnaddaf u li jagħti ħajja ġdida. Mela anke f’din l-immaġini għandna sens ta’ bidla u ħajja ġdida. Quddiem il-biża’ u l-inċertezza tal-Appostli, minkejja li kienu diġà esperjenzaw il-qawmien ta’ Ġesù, xorta kienu għadhom ma sabux il-kuraġġ biex joħorġu fid-dinja. Bil-miġja tal-Ispirtu s-Santu tiġri xi ħaġa straordinarja: il-bibien ma baqgħux magħluqa. Il-biża’ nbidel f’kuraġġ. Is-skiet inbidel f’xhieda. Interessanti li San Luqa fir-rakkont tiegħu ma jgħidx li niżlet fjamma waħda kbira fuq kulħadd, iżda ilsna tan-nar fuq kull wieħed. Alla ma jaħdimx fuq in-nies kollha bl-istess mod. L-Ispirtu jagħti doni differenti: lil wieħed il-kelma t-tajba, lil ieħor il-paċenzja, lil ieħor il-ħniena, lil ieħor il-kapaċità li jġib paċi fejn hemm il-firda. Kollha kienu msejħa biex jagħtu xhieda imma kulħadd skont il-mod tiegħu. Il-kelma ‘ilsna’ turi r-rabta li hemm bejn in-nar tal-Ispirtu s-Santu u l-‘Kelma’. Fl-Iskrittura ‘il-Kelma’ hi ferm differenti minn ‘paroli’, għax il-‘kelma’ hi ‘azzjoni’ aktar minn ‘diskors’. Ix-xhieda trid, għalhekk, tingħata bil-kliem – azzjoni. U xhieda bħal din issir ħuġġieġa. Id-dixxipli ġew afdati b’aħbar tajba – aħbar li twassal għall-bidla u ħajja ġdida fost il-bnedmin kollha.

Din il-ġrajja għadha sseħħ sal-ġurnata tal-lum. Il-Pentekoste għadu jitwettaq. Aħna lkoll irċivejna l-istess Spirtu s-Santu, li tana l-qawwa biex inkunu ta’ xhieda fid-dinja. Nistgħu nistaqsu, għalhekk, lilna nfusna: f’hiex inhu dak in-nar li hemm fija? Xi drabi nħossu li n-nar fil-qalb tagħna jkun qed imajna. Ir-rutina, id-diżappunti, il-ġrieħi tal-ħajja, il-problemi tal-familja jew ix-xogħol jistgħu jnaqqsu l-ħeġġa tagħna. U forsi nibdew ngħixu fidi kiesħa, sempliċiment nosservaw drawwiet mingħajr ħajja vera ġewwa fina. U minħabba f’hekk jista’ jkun li nibqgħu lura milli nagħtu xhieda vera bi kliemna u b’ħajjitna, jekk mhux ukoll insiru kontra xhieda;  għax il-kliem tagħna jsir aktar kliem ta’ nar li jeqred milli jibni l-imħabba, isir kliem ta’ rabja, ta’ ġudizzju, u għajdut fuq in-nies. Il-Pentekoste jfakkarna li Alla ma jridx qlub kesħin, għalhekk l-Ispirtu jiġi biex jerġa’ jqabbad fina n-nar tal-imħabba, tal-fidi u tat-tama. Jiġi biex iħeġġeġ fina dak kollu li jagħti ħajja, u jwassalna biex ngħidu kelma ta’ kuraġġ, ta’ maħfra, ta’ faraġ. Jiġi biex iġib bidla f’ħajti u fil-ħajja ta’ dawk ta’ madwarna.

Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jerġa’ jinżel fuqna, u jkun bħal riħ qawwi li jwassal għall-ħajja ġdida, ikun bħala nar li jsaffi u jbiddel dak kollu li hu qadim fina biex b’hekk inkunu ta’ xhieda ħajja għall-fidi tagħna.