Riflessjoni għall-festa tal-Familja Mqaddsa
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Waħda mill-akbar weġgħat li ġenitur jista’ jġarrab hi meta uliedu jaslu biex jitilqu mid-dar. Din l-weġgħa diġà’ tinħass meta t-tfal jaslu biex jidħlu l-iskola għall-ewwel darba; filli jkunu l-ħin kollu miegħek u filli trid tafdhom f’idejn nies oħrajn. Faċli tara ġenituri b’dema f’għajnejhom fl-ewwel jum tal-iskola, imma hi ferm akbar il-weġgħa meta l-ulied iħallu d-dar għal kollox. Għal ħafna ġenituri mhix faċli jitilqu minn idejhom lil uliedhom. Nistgħu nifhmu għaliex Marija u Ġużeppi kienu qed ifittxuh b’qalbhom maqsuma!
Meta nitilqu mid-dar li nkunu kbirna fiha, ngħaddu minn bidliet enormi, u bla dubju ta’ xejn ir-relazzjoni tagħna mal-ġenituri, jew ma’ min ikun rabbiena, tinbidel drastikament. Sakemm tkun għadek id-dar, b’xi mod jew ieħor tkun dipendenti minnhom, imma meta titlaq ssib ruħek totalment indipendenti u tħossok li issa tkun sirt tassew adult. Xorta jibqgħu nies għeżież, imma issa l-prijoritajiet ta’ fejn tpoġġi qalbek jinbidlu. Fil-każ ta’ min jitlaq mid-dar biex jiżżewweġ, il-mara jew ir-raġel isiru l-persuni li jieħdu l-ewwel attenzjoni. U jekk xi ħadd jitlaq mid-dar minħabba l-missjoni jew il-karriera tiegħu, tkun il-ħidma li tieħu l-ewwel prijorità’. Fil-każ ta’ Ġesù’, l-missjoni ħadet prijorità’ fuq il-ġenituri tiegħu, għax kien ħass li wasal iż-żmien li għandu jimxi. Forsi ngħidu: ‘imma ta’ tnax-il sena kien għadu żgħir wisq’, hekk hu, imma fis-soċjeta’ li kiber fiha Ġesù’, tfajjel ta’ tnax-il sena jibda jiġi meqjus bħala adult. Ġesù’ ried juri li hu ma kien jiddependi minn ħadd, anqas mill-ġenituri tiegħu, u b’rieda sħiħa tiegħu nnifsu għażel li jidħol għall-missjoni afdata lilu mill-Missier. Ħadd ma ġiegħlu jippriedka, ħadd ma ġiegħlu jfejjaq, ħadd ma ġiegħlu jidħol għall-passjoni; kollox għamel bir-rieda libera tiegħu. Madanakollu, Ġesù’ baqa' juri rispett u rabta ma’ Marija u Ġużeppi, tant li l-Evanġelista qalilna: ‘u kien jobdihom’.
Kemm hu mportanti li nżommu relazzjoni b’saħħitha mal-familja li kbirna fiha: mal-ġenituri / kuraturi u ma’ ħutna, anke’ wara li nitilqu mid-dar. Mhix dejjem faċli li tibqa’ qrib tal-familja meta tkun ħadt l-istat tiegħek; bejn minħabba l-impenji li tkun dħalt fihom, bejn għax ma tantx tħoss il-bżonn tagħhom u bejn tensjoni li tista’ tidħol fin-nofs matul iż-żmien. Faċli jgħaddi ż-żmien u bilkemm tiftakar fihom! Imma meta jirnexxielna nżommu relazzjoni b’saħħitha mal-familji tal-familjari tagħna, nindunaw li nistgħu nkunu ta’ support kbir għal xulxin. Nemmen li Marija u Ġużeppi baqgħu jkunu ta’ support fil-ministeru ta’ Ġesù, imma anke’ Ġesù, bħala adult, kien ta’ support għal Marija u Ġużeppi. X’ħasra meta flok nissaportjaw lil xulxin, nweġġgħu s-sentimenti ta’ xulxin. Kemm ġenituri jippruvaw isawtu lill-ġenituri tagħhom jew l-kunjati billi ma jħalluhomx jaraw lill-uliedhom! Kemm drabi ssib anzjani abbandunati fi djar tal-anzjani b’ħadd minn uliedhom ma jittawlilhom ftit! Kemm familji huma mifrudin minn xulxin minħabba nuqqas ta’ qbil fuq wirt, jew sitwazzjonijiet oħra! Min jinsab f’din ir-realtà’, jkun fuq kollox qed jagħmel ħsara lilu nnifsu. Jekk rridu li l-familja tagħna tkun familja b’saħħitha, l-ewwel irridu naraw li r-rabtiet tal-familja estiża tagħna jkunu b’saħħithom. Inħallu lit-tfal qrib in-nanniet, inħalluhom jiltaqgħu maz-zijiet u l-kuġini tagħhom, inħalluhom jagħrfu li avolja nikbru xorta għandna bżonn xulxin. Kemm hi sabiħa li kultant inżuru lil xulxin, inċemplu lil xulxin jew nieħdu xi vaganza flimkien, imma fuq kollox kemm tista’ tkun ta’ ġid jekk infittxu xi parir mingħandhom jew jekk ikun il-każ niftħu qalbna magħhom. Jekk forsi jkun hemm nuqqas ta’ qbil, ejjew nagħmlu ħilitna biex nirranġawh. Jekk ikun hemm xi tensjoni, nitkellmu u niċċaraw is-sitwazzjoni. U fuq kollox jekk inkunu weġġajna lil xulxin ejjew naħfru lil xulxin.
Nibqgħu nirrikonoxxu l-ġid li rċivejna mill-familja li kbirna fiha, nuru apprezzament anke’ jekk il-ġenituri jkunu saru diffiċli għax kibru, u nibqgħu ngħinu fejn hemm bżonn ngħinu lill-familjari tagħna. Ma ninsewx li dan hu wkoll kmandament: ‘weġġaħ lill-missierek u l-ommok.’ Nimxu fuq l-eżempju tal-Mulej Ġesù’ u nibqgħu qrib id-dar; hu reġa’ lura lejn Nazaret u baqa’ viċin Marija u Ġużeppi. U fuq kollox ejjew nitolbu għall-familji tagħna u tal-familjari tagħna.