Riflessjoni għall-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej

Riflessjoni għall-Magħmdija tal-Mulej

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Kulħadd iħoss il-bżonn li jikber u jimxi 'l quddiem, jesperjenza l-ġdid u jibni l-futur tiegħu, imma donnu xorta jibqa’ jinħass il-bżonn li nkunu nafu minn fejn ġejna. Nieħdu gost nisimgħu stejjer li jirrigwardjaw il-familja tagħna, bħal stejjer ta’ meta l-ġenituri tagħna kienu żgħar, jew stejjer tan-nanniet u l-bużnanniet tagħna. Kemm minna nirrakkontaw dak li għaddejna minnu fi tfulitna lil uliedna jew lin-neputijiet tagħna!  Dawn l-istejjer jolqtuna direttament għax jitkellmu dwar dak li jagħtina identità; huma stejjer li jagħtuna dawl ta’ kif inħarsu lejna nfusna, juruna aħjar x’inhuma l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħna, kif ukoll jgħinuna nibqgħu nitħabtu kontra l-kurrenti tal-ħajja.  Dak li ta identità lil ta’ qabilna, jista’ jagħti identità lilna.  Mhux ta’ b’xejn diversi kumpaniji li għamlu suċċess, ma jiddejqux jibqgħu juru l-annu ta’ meta bdew, isemmu l-ġrajja tat-twaqqif tagħhom u jżommu l-memorja tal-fundatur ħajja. Veru li tul il-medda taż-żmien ikunu nbidlu ħafna affarijiet, ġew immoderniżżati sistemi u prattiċi, kif ukoll ikun inbidel il-makkinajru wżat għal darba, tnejn. Imma l-għeruq jibqgħu jagħtu identità lill-istess kumpanija.

Il-festa tal-lum teħodna fl-għeruq tal-identità tagħna bħala nsara.  Fil-magħmudija ta’ Ġesù nsibu mhux biss x’inhi l-identità ta’ Ġesù nnifsu, imma wkoll x’inhi tassew l-identità tagħna, segwaċi tiegħu.  Wara li n-nies kienu tgħammdu, niżel ukoll Ġesù fl-ilma tal-Ġordan, u wara, x’ħin kien qed jitlob, leħen mis-sema wera l-identità tiegħu: “Dan hu Ibni l-għażiż...”  Ġesù kien tassew iben Alla, għex ta’ iben Alla, u wettaq il-missjoni tiegħu li l-Missier bagħtu biex iwettaq.

L-identità tagħna hi simili għal dik ta’ Kristu; fil-magħmudija aħna wkoll irċivejna mill-istess Spirtu li rċieva Ġesù; dak inhar sirna tassew nappartjenu għall-familja ta’ Alla. Għalhekk importanti li ma ninsew qatt din l-identità – aħna ulied maħbuba ta’ Alla. Nimxu kemm nimxu 'l quddiem, nesperjenzaw kemm nesperjenzaw realtajiet differenti, nibnu kemm nibnu lilna nfusna, importanti li ma ninsewx minn fejn ġejna u min aħna.  Għalhekk tajjeb li nibqgħu nżuru l-esperjenza tal-magħmudija, kif kien jagħmel Ġesù. Fit-talb Ġesù kien jinġabar u jingħaqad mal-Missier biex jibqa’ jiftakar li hu iben maħbub tal-Missier Alla. U jekk Ġesù kien ifittex li jinġabar fit-talb, kemm aktar aħna għandna bżonn nsibu dawk il-mumenti li fihom aħna wkoll nibqgħu nirrealizzaw min aħna, nibqgħu niftakkru li aħna ulied maħbuba tal-Missier. 

Il-festa tal-magħmudija tal-Mulej mhux biss tfakkarna fl-identità tagħna, imma tfakkarna wkoll li aħna familja waħda, għax għandna l-istess Missier. L-identità tal-knisja hi propja dik ta’ familja; ġemgħa ta’ nies li jagħrfu li huma tassew aħwa, għalhekk kapaċi jgħixu qrib xulxin u jgħinu lil xulxin f’kollox. Din hi l-mentalità ġdida li l-Mulej Ġesù ried jibni fost id-dixxipli tiegħu. “Min dan jagħrfukom li intom dixxipli tiegħi mill-imħabba ta’ bejnietkom.”  Mill-ġdid, irridu noqgħodu ħafna attenti li ma nħallux il-mentalità tagħna tiddakkar minn dik tad-dinja. Niftakru li qed ngħixu f’manmade society’: soċjetà li faċli tnissina dak kollu li hu ta’ Alla; il-bniedem mhux biss tgħallem jipproduċi oġġetti ta’ utilità, mhux biss daħal f’tekonloġiji ġodda li kapaċi jibdlu lill-istess natura, imma wkoll kapaċi jinfluwenza l-mentalità tal-bniedem innifsu u jipproduċi soċjetà kif irid hu – u mhux dan li qed jagħmlu ħafna nies li qed isejħu lilhom infushom influencers? In-nisrani, għalhekk, għandu bżonn ikun f’kuntatt dirett mal-Missier fit-talb biex ma jħallix lill-influencers ta’ żmienna jieħdulu moħħu u qalbu.

Ejjew inżommu l-għeruq tagħna mgħaddsa f’ilma safi, u mhux f’ilma mniġġes mill-egoiżmu, mir-regħba u mill-ambizzjoni, b’hekk biss nistgħu nibqgħu ngħixu ta’ ulied Alla u ta’ vera aħwa ta’ xulxin.